11.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 321/16


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Lulju 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Braşov – ir-Rumanija) – proċeduri kriminali kontra C.I., C.O., K.A., L.N., S.P.,

(Kawża C-107/23 PPU (1), Lin (2))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 325(1) TFUE - Konvenzjoni “PIF” - Artikolu 2(1) - Obbligu tal-ġlieda permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni - Obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Frodi serja tal-VAT - Terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali - Sentenza ta’ Qorti Kostituzzjonali li invalidat dispożizzjoni nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni ta’ dan it-terminu - Riskju sistemiku ta’ impunità - Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali - Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege - Rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali - Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Standard nazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali - Obbligu għall-qrati ta’ Stat Membru li jħallu mhux applikati sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u/jew tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni - Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn is-sentenzi - Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

(2023/C 321/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Braşov

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

C.I., C.O., K.A., L.N., S.P.

fil-preżenza ta’: Statul român

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-qrati ta’ Stat Membru ma humiex obbligati jħallu mhux applikati s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, bir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, anki jekk dawn is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi relatati ma’ reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma obbligati jħallu mhux applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) li jippermetti li tiġi kkontestata, inkluż fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati kontra sentenzi finali, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’tali kawżi permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel tali konstatazzjoni ta’ invalidità.

2)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali skont liema l-qrati nazzjonali ordinarji ta’ Stat Membru huma marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru u ma jistgħux, għal din ir-raġuni u bir-riskju li tiskatta r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin ikkonċernati, iħallu mhux applikata ex officio l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk dawn iqisu, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-ġurisprudenza hija kuntrarja għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ effett dirett.


(1)   ĠU C 189, 30.5.2023.

(2)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.