20.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/36


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2022 – Wizz Air Hungary vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-827/22)

(2023/C 104/55)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: E. Vahida, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tad-29 ta’ April 2022 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.63360 (2021/N) – Rumanija COVID-19 – TAROM – Kumpens għal dannu II (1); u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 107(2)(b) TFUE b’mod ħażin u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami mill-ġdid tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna għad-dannu kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li kienu fil-bażi tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni sa mill-aħħar tas-snin 80 (jiġifieri, nondiskriminazzjoni, il-forniment liberu ta’ servizzi – applikati għat-trasport bl-ajru permezz tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (2) – u stabbiliment liberu).

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tniedi proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni.


(1)   ĠU 2022, C 378, p. 2

(2)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).