20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/61


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2022 – Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles et vs Il-Kunsill

(Kawża T-797/22)

(2023/C 63/79)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles (Brussell, Belgique) u għaxar rikorrenti oħra (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P. de Bandt, T. Ghysels, J. Nowak, T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1904 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-Artikolu 1(13) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2474 tas-16 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, sa fejn jissostitwixxu u jemendaw rispettivament il-paragrafi 2 u l-paragrafi 4 sa 12, kif ukoll il-paragrafu 2 u l-paragrafi 4 sa 11 tal-Artikolu 5n tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza legali;

tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll għall-aċċess għall-ġustizzja, previsti, rispettivament, fl-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ir-reġim ġenerali li jipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi ta’ pariri legali jikkostitwixxi indħil fid-dritt ta’ kwalunkwe parti f’kawża li tikkuntattja lill-avukat tagħha għal parir legali, kif ukoll mal-prinċipju tas-sigriet professjonali u mal-prinċipju tal-indipendenza tal-avukat.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn l-introduzzjoni ta’ reġim ġenerali li jipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi ta’ parir legali ma jkun adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mill-Unjoni fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina, u jmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, sa fejn ir-reġim ġenerali stabbilit sabiex jipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi ta’ parir legali stabbilit la huwa ċar u lanqas preċiż u ma jippermetti ebda prevedibbiltà dwar l-applikazzjoni tiegħu.