27.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/34


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2022 – TT vs Frontex

(Kawża T-787/22)

(2023/C 71/45)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: TT (rappreżentant: J. Navas Marqués, avukat)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni mingħajr data kkomunikata lilha fis-17 ta’ Ottubru 2022 bin-numru ta’ referenza interna GSC/HR/2022 tal-Bord Amministrattiv (Management Board) tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex);

tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni (Appraisal Report) tal-2021 li sar definittiv fir-rigward tar-rikorrenti permezz tal-komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2022 dwar id-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell (Appeal Assessor);

taċċetta li tikkonvoka lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) sabiex jippreżenta lill-Qorti Ġenerali kopja tar-rapport tiegħu dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa minnu fl-2021 kontra l-prattiki ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol u ta’ mġieba ħażina fir-rigward ta’ impjegati tal-Frontex mill-ex Direttur Eżekuttiv tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn korp mhux kompetenti u fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali: ksur mill-Frontex tal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (1) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg Applikabbli għall-Membri tal-Persunal l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ksur tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ġuridiku ta’ “responsabbiltà ta’ aġir b’diliġenza” u nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord Amministrattiv tal-Frontex sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali permezz ta’ ksur tal-Artikoli 6(3) u 6(5) u tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 46/2015 tal-Bord Amministrattiv tal-20 ta’ Novembru 2015 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 44(1) tar-Regolamenti tal-Persunal: assenza ta’ djalogu formali mal-evalwatur (Reporting Officer) qabel ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2021.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord Amministrattiv tal-Frontex, ksur tad-drittijiet tad-difiża u ksur tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 46/2015 tal-Bord Amministrattiv tal-Frontex tal-20 ta’ Novembru 2015 permezz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2021.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u fuq użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-evalwatur [kunfidenzjali] (2) u min-naħa tal-evalwatur tal-appell [kunfidenzjali] (3) li fasslu r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2021: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Deċiżjoni Nru 46/2015 tal-Bord Amministrattiv tal-Frontex tal-20 ta’ Novembru 2015.


(1)  Regolament 31 (KEE) 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg Applikabbli għall-Membri tal-Persunal l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, P 45, p. 1385).

(2)  Data kunfidenzjali redatta.

(3)  Data kunfidenzjali redatta.