|
6.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 83/26 |
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2022 – Zásilkovna vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-784/22)
(2023/C 83/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Zásilkovna s. r. o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: R. Kubáč, avukat)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 5136 final tal-15 ta’ Lulju 2022 fil-Każ SA.55208 (2020/C) – għoti ta’ kumpens lill-Posta Ċeka għall-obbligu ta’ servizz universali fis-settur tal-posta matul il-perijodu 2018-2022. |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
|
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret rekwiżit formali essenzjali sa fejn id-deċiżjoni tagħha ma hijiex debitament immotivata. B’mod partikolari, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata għal sempliċi dikjarazzjonijiet mhux iddettaljati u tinjora r-rekwiżiti l-oħra kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement din id-devjazzjoni mill-ġurisprudenza u mill-opinjonijiet preliminari li hija kienet esprimiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret id-dritt proċedurali essenzjali tar-rikorrenti peress li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea huma obbligati li jimmotivaw l-atti inkwistjoni sabiex ikun żgurat li dawn ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa minn qorti. |
|
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-Posta Ċeka talloka l-ispejjeż tal-obbligi tagħha ta’ servizz universali (iktar il-Quddiem “OSU” fis-settur postali b’mod separat mill-ispejjeż tal-attivitajiet tagħha (kummerċjali) mhux koperti mill-OSU. Madankollu, ir-rikorrenti hija konvinta li l-ispejjeż marbuta mal-investimenti fl-infrastrutturi u mal-operat tan-network ma humiex kondiviżi proporzjonalment bejn is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar il-quddiem “SIEG”) u l-attivitajiet kummerċjali l-oħra tal-Posta Ċeka peress li wħud mill-ispejjeż li jaqgħu taħt l-OSU (bħalma huma l-persunal, it-tagħmir inklużi l-vetturi, id-databases, etċ.) huma effettivament allokati wkoll għal attivitajiet kummerċjali li ma jaqgħux taħt OSU. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kalkolu tal-ispiża netta evitata jinkludi biss l-ispejjeż neċessarji sabiex jitwettqu l-OSU ma tfissirx awtomatikament li l-Posta Ċeka ma tużax dawn l-istess spejjeż (per eżempju għall-persunal, għat-tagħmir inklużi l-vetturi, għad-databases, etċ.) ukoll għal attivitajiet kummerċjali mhux marbuta ma OSU. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u b’dan il-mod kisret it-TFUE. |
|
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi injorat kompletament, jew billi ma indirizzatx suffiċjentement ċerti oġġezzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ kumpens żejjed lill-Posta Ċeka, jiġifieri b’mod partikolari li (i) l-OSU jista’ jitwettaq minn operaturi privati fuq bażi kummerċjali mingħajr ebda għajnuna; (ii) il-perijodi ta’ deprezzament għall-finijiet tal-perijodu tal-mandat huma kompletament infondati, u (iii) jeżistu preżunzjonijiet żbaljati fix-xenarju kontrafattwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u b’dan il-mod kisret it-TFUE. |
|
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-sussidju inkroċjat lill-Posta Ċeka ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Madankollu, skont ir-rikorrenti, is-sussidju inkroċjat lill-Posta Ċeka fih innifsu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli taħt l-Artikolu 107(1) TFUE li kienet diġà qed tingħata minn tal-inqas mill-perijodu 2013-2017 (iżda probabbilment saħansitra minn qabel) li kellu jiġi eżaminat fil-fond mill-Kummissjoni fi proċedura amministrattiva separata, u mhux b’mod inċidentali fil-kuntest tal-Każ SA.55208 (2020/C) li huwa limitat għall-perijodu 2018-2022. Madankollu, il-Kummissjoni żbaljatament ikkonkludiet li dan is-sussidju inkroċjat bl-ebda mod ma jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din il-konklużjoni hija żbaljata kemm mill-perspettiva fattwali kif ukoll minn dik legali. Barra minn hekk, din tikkuntrasta bil-qawwi mal-ġurisprudenza stabbilita sewwa kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u b’dan il-mod kisret it-TFUE. |