27.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 71/32 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2022 – Electrawinds Shabla South EAD vs Il-Kunsill
(Kawża T-759/22)
(2023/C 71/43)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrent: Electrawinds Shabla South EAD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: M. Grozdev, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261I, p. 1); |
— |
tannulla dan ir-regolament sa fejn jistabbilixxi limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq miksub mill-produtturi għall-produzzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) kif ukoll sa fejn jipprevedi s-setgħa legali għal kull Stat Membru li jikkonfiska (jinnazzjonalizza) favur l-Istat is-“surplus tad-dħul” ta’ dawn il-produtturi (fis-sens tad-definizzjoni prevista fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament); |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1. |
L-ewwel motiv: nuqqas ta’ kompetenza Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 ġie adottat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill. L-Artikolu 122 TFUE jipprevedi l-kompetenza tal-Kunsill li jintervjeni fis-settur tal-enerġija fil-każ ta’ kriżi iżda din id-dispożizzjoni tat-Trattat għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna u l-miżuri ta’ intervent previsti fir-Regolament imorru lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Skont l-Artikolu 122(1) TFUE, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 122 TFUE ma jistabbilixxix kompetenza leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tippermettilu jadotta miżuri sabiex jindirizza kriżi tal-enerġija, iżda biss kompetenza li tippermettilu jintervjeni fil-każ ta’ diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari l-enerġija. |
2. |
It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Artikolu 122 TFUE jippermetti biss miżuri xierqa, iżda l-introduzzjoni ta’ limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq miksub mill-produtturi ma hijiex miżura xierqa sa fejn ma tikkonċernax direttament id-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet ser jibqgħu u ser jevolvu bħalma għamlu dejjem, kemm bl-impożizzjoni ta’ limiti massimi fuq id-dħul u kemm mingħajrha. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ limiti massimi fuq id-dħul u ta’ taxxi fuq id-dħul mis-suq ma hijiex ser tibdel id-domanda għall-elettriku u għall-gass naturali. |
3. |
It-tielet motiv: ksur tad-dritt għall-proprjetà Il-miżuri introdotti permezz tar-Regolament ma humiex proporzjonati sa fejn il-limitu massimu obbligatorju tad-dħul mis-suq previst fir-Regolament, impost fuq il-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll is-setgħa legali mogħtija lil kull Stat Membru li jikkonfiska (jinnazzjonalizza) favur l-Istat is-“surplus tad-dħul” ta’ dawn il-produtturi jmorru kontra d-dritt fundamentali għall-proprjetà. L-applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE tikkostitwixxi wieħed mill-aspetti ta’ interess pubbliku tal-Komunità. Dan ifisser li, fl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li l-limitu massimu tad-dħul mis-suq impost fuq il-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-konfiska favur l-Istat tas-“surplus tad-dħul”, previsti fir-Regolament (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022, ma jkunux sproporzjonati u ma jolqtux l-essenza stess ta’ dan id-dritt. |