6.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/18


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2022 – UniSystems Luxembourg u Unisystems systimata pliroforikis vs ESMA

(Kawża T-750/22)

(2023/C 45/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: UniSystems Luxembourg Sàrl (Bertrange, il-Lussemburgu) Unisystems systimata pliroforikis monoprosopi anonymi emporiki etairia (Kallithea, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)

Konvenut: L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-ESMA li tagħżel l-offerta tar-rikorrenti bħala t-tieni fil-kaskata fis-sejħa għal offerti miftuħa għal Konsulenza tal-ICT – PROC/2021/12 “Provvista Esterna ta’ Servizzi tal-IT”, u li tagħti l-ewwel kuntratt fil-forma ta’ kaskata fl-istess sejħa għal offerti lill-ewwel konsorzju tal-kaskata, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-ESMA tas-17 ta’ Settembru 2022;

barra minn hekk, tikkundanna lill-ESMA tħallas id-danni mġarrba mir-rikorrenti għat-telf ta’ kuntratt bl-ammont ta’ EUR 3 500 000 għall-ewwel sentejn tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Jekk il-kuntratt jittawwal iktar, kif speċifikament previst, ir-rikorrenti jitolbu l-ammont addizzjonali li jikkorrispondi għat-tul sħiħ tal-kuntratt, ibbażat fuq ammont annwali ta’ EUR 1 750 000, bi tnaqqis ta’ kull ammont li eventwalment jikkorrispondi għall-marġni gross ta’ kuntratti speċifiċi li jkunu eżegwiti mir-rikorrenti fil-kwalità tagħhom tat-tieni kuntrattur tal-kaskata, fejn l-ammonti kollha msemmija iktar ’il fuq iġarrbu l-interessi;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-rikorrenti ma humiex intitolati għall-kumpens tal-ammont sħiħ tad-danni mġarrba minħabba d-deċiżjonijiet illegali attakkati tal-ESMA, ir-rikorrenti jitolbu d-danni minħabba t-telf ta’ opportunità bl-ammont ta’ EUR 400 000, flimkien mal-interessi;

tikkundanna lill-ESMA għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti u għall-ispejjeż l-oħra sostnuti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tar-Regolament Finanzjarju (1) u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt: Il-prezz offrut mill-ewwel kuntrattur tal-kaskata huwa anormalment baxx/speċifiku peress li l-profili huma pprezzati taħt is-salarju minimu legali fil-Ġermanja u fil-Greċja. Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ rekwiżit formali essenzjali.

L-ewwel parti tat-tieni motiv għal annullament: Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, motivazzjoni insuffiċjenti;

It-tieni parti tat-tieni motiv għal annullament: Ksur tal-prinċipju ta’ dritt għal rimedju effettiv u ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali.


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).