23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/59


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2022 – Nutmark vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-714/22)

(2023/C 24/82)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Nutmark Lda (Zona Franca da Madeira) (Funchal, il-Portugall) (rappreżentanti: P. Vidal Matos u F. Lança Martins, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex-2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III (notifikata bid-dokument C(2020) 8550) (ĠU 2022, L 217, p. 49), ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba identifikazzjoni żbaljata tas-sistema ta’ riferiment, bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikoli 107(1) u 263 TFUE.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li ma ntweriex li r-Reġim III taż-Zona Franca da Madeira jikkostitwixxi deroga mis-sistema fiskali ta’ riferiment li tintroduċi differenzi bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-twettiq tar-rekwiżiti rilevanti għall-eżekuzzjoni korretta tar-Reġim III taż-Zona Franca da Madeira, sa fejn f’dan ir-rigward ir-Repubblika Portugiża adottat kriterji konformi mal-Artikolu 107(1) TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali stabbilit fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (1).

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba ksur tad-dritt għall-proprjetà privata stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.


(1)  ĠU 2015, L 248, p. 9.