23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/58


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2022 – Illumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-709/22)

(2023/C 24/81)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Illumina, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, B. Cullen u J. Holmes, Barristers u F. González Díaz, M. Siragusa, G. Rizza, N. Latronico u L. Bitsakou, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 6454 final tas-6 ta’ Settembru 2022 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.10188 – ILLUMINA/GRAIL);

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti sostnuti f’din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni billi naqset milli teżamina jekk it-tranżazzjoni kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament tal-Unjoni dwar il-Konċentrazzjonijiet u billi affermat il-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ u tipprojbixxi t-tranżazzjoni mingħajr ma analizzat jekk din tal-aħħar kellhiex il-konnessjoni neċessarja maż-ŻEE u jekk kienx prevedibbli li din tipproduċi effetti immedjati u sostjanzjali fiż-ŻEE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqset milli tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet supplimentari. Il-Kummissjoni sostanzjalment issuplementat l-oġġezzjoni li r-rikorrenti għandha l-kapaċità u l-inċentivi sabiex teskludi lill-kompetituri potenzjali ta’ GRAIL, billi tintroduċi b’mod partikolari analiżi kwantitattiva fl-ewwel espożizzjoni tal-fatti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha rigward l-oneru tal-prova taħt jew l-istandard tal-probabbiltà kbira jew tal-istandard tal-bilanċ ta’ probabbiltajiet.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta adottat definizzjoni tas-swieq rilevanti li (a) toħloq distinzjoni artifiċjali bejn l-istadji ta’ żvilupp u ta’ kummerċjalizzazzjoni għat-testijiet ta’ skoperta bikrija tal-kanċer ibbażati fuq sekwenzar ġenetiku tal-ġenerazzjoni li jmiss (Next generation sequencing, iktar ’il quddiem in-“NGS”), (b) tikkonstata sostitwibbiltà fost id-diversi testijiet ibbażati fuq NGS, testijiet ECD, DAC, u MRD fl-istadju tal-iżvilupp potenzjali u (c) tikkonstata sostitwibbiltà fl-innovazzjoni bejn it-test multi-kanċer ibbażat fuq NGS (it-test Galleri ta’ GRAIL) u t-testijiet ta’ skoperta bikrija ta’ kanċer uniku.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tittratta offerti miftuħa bħala parti mis-sitwazzjoni fattwali li tirriżulta mit-tranżazzjoni billi evalwat l-allegata kapaċità jew l-allegati inċentivi tar-rikorrenti sabiex tipprattika strateġiji ta’ esklużjoni ta’ dħul kif ukoll l-effettività u l-effetti fuq il-kompetizzjoni effettiva.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, meta ddikjarat li t-trażazzjoni setgħet twassal sabiex Ilumina tkun tista’ tipprovoka esklużjoni mis-suq.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li Illumina seta’ kellha inċentiv sabiex tipprovoka esklużjoni mis-suq.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li t-tranżazzjoni seta’ jkollha effett dirett u negattiv fuq il-kompetizzjoni effettiva fis-sitt pajjiżi ta’ referenza jew fiż-ŻEE.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet li t-tranżazzjoni kienet taċċellera t-tnedija ta’ Galleri fiż-ŻEE b’minn tal-inqas ħames snin u ssalva eluf ta’ ħajjiet, u li, l-internalizzazzjoni tal-marġni ta’ Illumina mal-bejgħ tas-sistemi NGS lil GRAIL setgħet telimina l-marġinalizzazzjoni doppja u twassal għal iffrankar sostanzjali għas-sistemi ta’ saħħa tal-Istati Membri u għall-persuni taxxabli billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trattament tal-kanċer. Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-effettività tat-tranżazzjoni hija kollha speċifika għal fużjoni, verifikabbli u tista’ tibbenefika lill-konsumaturi.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni kif ukoll fuq żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet il-pakkett komplet ta’ miżuri ta’ rimedji ta’ Illumina li kien jinkluldi mhux biss l-offerta miftuħa iżda wkoll l-impenji f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ liċenzja, id-derogi u l-impenji ta’ nuqqas ta’ infurzar li setgħu jiffaċilitaw id-dħul u l-espansjoni upstream tal-kompetituri ta’ Illumina.