28.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/20


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2022 – LAICO vs Il-Kunsill

(Kawża T-629/22)

(2022/C 451/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Libyan African Investment Company (LAICO) (Tripli, il-Libja) (rappreżentanti: A. Bahrami u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1315 tas-26 ta’ Lulju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1) sa fejn din iżżomm isem Libyan African Investment Company (LAICO) fuq il-lista ta’ entitajiet stabbilita fl-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (2);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1308 tas-26 ta’ Lulju 2022 (3) li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (4) sa fejn dan iżomm isem LAICO fuq il-lista ta’ entitajiet stabbilita fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti kif ukoll spejjeż oħra tar-rikorrenti sostnuti fir-rigward tar-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Kunsill li jżomm il-miżuri restrittivi kollha taħt kontroll sabiex jiżgura li dawn ikomplu jikkontribwixxu lejn l-ilħiq tal-għanijiet iddikjarati tagħhom.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni jew, b’mod alternattiv, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq meta nżamm isem ir-rikorrenti fuq il-lista ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi. Ir-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-listi inkwistjoni ma hijiex konformi mal-kriterju ġenerali għall-elenkar. Il-Kunsill naqas milli jikkonforma mal-obbligu tiegħu li jiżgura li r-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-lista ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi kienet konformi mal-kriterju ġenerali għall-elenkar stabbilit fl-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq bidla ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ksur tal-Artikolu 296 tat-TFUE, ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali u tad-dritt għal rimedju effettiv.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1315 tas-26 ta’ Lulju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2022, L 198, p. 19).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2015, L 206, p. 34).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1308 tas-26 ta’ Lulju 2022 li jimplimenta Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2022, L 198, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 6, p. 10).