9.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 7/33


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2022 – MBDA France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-614/22)

(2023/C 7/42)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: MBDA France (Le Plessis-Robinson, Franza) (rappreżentanti: F. de Bure u A. Delors, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lir-rikorrenti fl-20 ta’ Lulju 2022 (ARES(2022)5278815) li tiċħad il-proposta EDF-2021-AIRDEF-D-EATMI-HYDIS (iktar ’il quddiem il-“Proposta HYDIS”), abbażi tal-Artikoli 256 u 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tannulla fuq l-istess bażi kwalunkwe deċiżjoni relatata sabiex tippermetti l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-proposti sottomessi bi tweġiba għas-Sejħa għal Proposti EDF-2021-AIRDEF-D “Endo-atmospheric interceptor – concept phase” u l-allokazzjoni mill-ġdid tal-finanzjament, inkluża d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-proposta sottomessa mill-konsorzju kkoordinat minn Sener Aeroespacial (iktar ’il quddiem il-“Proposta HYDEF”);

tordna lill-konvenuta tipproduċi d-dokumenti kollha mitluba mir-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Proposti HYDIS u HYDEF;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż legali u għall-ispejjeż l-oħra tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi applikat metodoloġija ta’ klassifikazzjoni artifiċjali u arbitrarja li ma kinitx taqbel mal-għanijiet ewlenin tas-soluzzjoni ta’ interċettaturi endoatmosferiċi (iktar ’il quddiem il-“Proġett EATMI”).

Il-Proġett EATMI għandu l-għan li jalloka sussidju ta’ EUR 100 miljun mill-Fond Ewropew għad-Difiża (iktar ’il quddiem il-“FED”) għall-fażi tad-disinn ta’ soluzzjoni ta’ interċettaturi kontra missili u gliders “ipersoniċi”. Dan it-tip ġdid ta’ armi tal-ajru li, sal-lum, ma jistgħux jiġu miġġielda minn sistemi eżistenti ta’ difiża tal-ajru, intużaw għall-ewwel darba mir-Russja waqt l-invażjoni tagħha tal-Ukraina. F’kuntest ta’ nuqqas ta’ sigurtà ġeopolitika għoli, huma jikkostitwixxu theddida bla preċedent, b’impatt sinjifikattiv u potenzjalment eżistenzjali għall-integrità u għas-sigurtà tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-Unjoni. Huma jeħtieġu approċċ ġdid għad-disinn tad-difiża tal-ajru. Madankollu, il-metodoloġija ta’ klassifikazzjoni tal-Kummissjoni titbiegħed minn dan l-għan:

L-ewwel, il-Kummissjoni applikat metodoloġija ta’ ponderazzjoni standard identika għall-proġetti kollha tal-FED tal-2021, mingħajr ma qieset l-interessi kruċjali tal-Proġett EATMI;

It-tieni, il-Kummissjoni evalwat il-proposti tar-rikorrenti kważi esklużivament abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ġeneriċi komuni għall-proġetti kollha tal-FED tal-2021, li huma irrilevanti jew saħansitra jmorru kontra l-għanijiet tal-Proġett EATMI;

Permezz ta’ din il-metodoloġija artifiċjali u arbitrarja, il-Kummissjoni qabżet is-setgħa diskrezzjonali tagħha, u b’riżultat ta’ dan dgħajfet il-kapaċità tal-Unjoni li trawwem reazzjoni awtonoma għal theddid ipersoniku.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni:

Il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-Proposta HYDIS. B’mod partikolari: (i) il-Kummissjoni fehmet ħażin il-kunċett ta’ “fażi tad-disinn” u ċaħdet il-Proposta HYDIS abbażi ta’ elementi li huma manifestament irrilevanti matul dik il-fażi; (ii) il-Kummissjoni fehmet ħażin il-kunċett ta’ kooperazzjoni transkonfinali. Bħala riżultat ta’ dan, hija evalwat b’mod negattiv il-kontribut tal-passat tal-grupp MBDA għall-integrazzjoni tal-industrija tad-difiża Ewropea, u injorat l-appoġġ tas-setgħat militari ewlenin tal-Unjoni favur il-proposta tiegħu; u (iii) il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-Proġett EATMI filwaqt li warrbet ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ dan il-proġett;

L-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni wasslu għal deċiżjoni li fil-biċċa l-kbira tikkontradixxi l-għanijiet ġenerali tal-FED: hija (i) tinjora l-inizjattivi meħuda mill-Istati Membri fil-qafas ta’ Kooperazzjoni Strutturata Permanenti; (ii) tirriżulta f’allokazzjoni subottimali ta’ riżorsi li ma tirriflettix il-perizja tal-atturi Ewropej tad-difiża; u (iii) x’aktarx ser twassal għal duplikazzjonijiet ta’ kompetenzi fi ħdan l-Unjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza:

Il-Kummissjoni ċaħdet il-Proposta HYDIS fil-parti l-kbira minħabba li ħasset li xi aspetti ma kinux iddettaljati b’mod suffiċjenti. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni kellha d-dmir li tiġbor il-fatti rilevanti kollha inkluż billi titlob kjarifiki mingħand ir-rikorrenti kif xieraq, b’mod partikolari peress li s-sigurtà futura tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-Unjoni tinsab fil-perikolu. Ir-rikorrenti setgħet faċilment tipprovdi tali kjarifiki. Minflok, l-attitudni passiva tal-Kummissjoni u n-nuqqas tagħha li tiġbor informazzjoni fattwali rilevanti rriżultaw fil-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

Barra minn hekk, dawn in-nuqqasijiet allegati jirrigwardaw kważi esklużivament kunsiderazzjonijiet ġeneriċi komuni għall-proġetti kollha tal-FED tal-2021 li ma humiex relatati mar-rekwiżiti tekniċi u funzjonali speċifiċi tal-EATMI. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trasparenza billi pponderat iżżejjed tali kunsiderazzjonijiet, mingħajr ebda informazzjoni minn qabel tar-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti.

Id-deċiżjoni kkontestata fiha sensiela ta’ dikjarazzjonijiet li ma humiex ċari jew li huwa diffiċli li jinftiehmu fil-kuntest tal-kawża, u b’hekk tipprekludi lir-rikorrenti milli tevalwa l-fondatezza tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha d-dmir li tiċċara kif kienet interpretat u applikat il-kunsiderazzjonijiet ġeneriċi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest speċifiku tal-Proġett EATMI u kif iddeduċiet kummenti negattivi minnhom. Madankollu, hija naqset milli tagħmel dan.