17.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 398/36


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2022 – Franza vs SRB

(Kawża T-540/22)

(2022/C 398/43)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: T. Stehelin, J.-L. Carré u E. Timmermans, aġenti)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni Nru 3/2021 tat-8 ta’ Ġunju 2022;

tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) Nru 3/2021 tat-8 ta’ Ġunju 2022, li permezz tagħha dan ikkonferma d-deċiżjoni tas-SRB li ma jagħtix lill-grupp bankarju kkonċernat l-eżenzjoni għar-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ impenji eliġibbli applikati fuq bażi individwali, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kumitat tal-Appell qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-SRB interpreta u applika korrettament l-Artikolu 12h tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 255, p 1) u li baqa’ fil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kumitat tal-Appell qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-SRB ma kienx wettaq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kumitat tal-Appell qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-SRB kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE.