10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/23


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2022 – Belarusian Potash Company vs Il-Kunsill

(Kawża T-534/22)

(2022/C 389/26)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Belarusian Potash Company AAT (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: V. Ostrovskis, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/881 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (1) sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/876 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”); u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inkluż dawk sostnuti mir-rikorrenti għad-difiża tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità mill-atti kkontestati.

Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tar-rikorrenti jinkludu numru ta’ termini, li la huma ddefiniti fl-atti kkontestati u lanqas fil-ġurisprudenza. Fid-dawl ta’ dan, it-tifsira tagħhom ma hijiex ċara għar-rikorrenti, u hija ma tistax tifhimhom mingħajr ambigwità u tiddeċiedi kif għandha taġixxi fil-kuntest tal-miżuri meħuda kontriha mill-Kunsill.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-provi prodotti mill-Kunsill ma humiex affidabbli, ma humiex preċiżi jew ma humiex relatati mar-rikorrenti jew mar-raġunijiet għall-inklużjoni.

Il-Kunsill naqas milli juri l-mod kif ir-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka jew tappoġġjah. Għalhekk, il-Kunsill naqas milli jipprova li r-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka jew tappoġġjah.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  ĠU 2022, L 153, p. 77.

(2)  ĠU 2022, L 153, p. 1.