3.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 380/22


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2022 – Cecoforma u Sopexa vs REA

(Kawża T-493/22)

(2022/C 380/26)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Conception, études et coopération de formation (Cecoforma) (Liège, il-Belġju), Société pour l’expansion des ventes des produits agricoles et alimentaires (Sopexa) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: B. Schutyser u R. Meylemans, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka, mingħajr data, iżda kkomunikata lil Cecoforma fl-20 ta’ Lulju 2022, li l-lott 1 tal-kuntratt pubbliku (REA/2021/OP/0002) dwar l-Organizzazzjoni ta’ Avvenimenti u Kampanji ta’ Promozzjoni u Intelliġenza tas-Suq f’Pajjiżi Terzi għas-Settur Agroalimentari jingħata lil One (Gopa Com, Edelman Public Relations Worldwide SA, Opera Business Dreams SL) u mhux lil Cecoforma u Sopexa;

tikkundanna lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), tal-punti 23 u 31 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, tal-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li jew l-Aġenzija ma eżaminatx in-natura, prima facie, anormalment baxxa tal-offerta tal-offerent li ngħata l-kuntratt, jew li qieset li l-offerta ppreżentata minn dan tal-aħħar ma kinitx anormalment baxxa, jew inkella li aċċettat il-ġustifikazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u qieset li l-offerta tiegħu ma kinitx baxxa b’mod anormali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 167(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 168(6) tar-Regolament Finanzjarju, tal-punt 30.2(c) tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrenti jqisu li jew l-Aġenzija ma wettqitx verifika tar-regolarità tal-offerti, jew li hija żbaljatament qieset li l-offerta tal-offerent magħżul kienet regolari.


(1)  ĠU 2018, L 193, p. 1 bir-rettifika fil-ĠU 2019 L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”.