3.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 380/19


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2022 – QN vs eu-LISA

(Kawża T-484/22)

(2022/C 380/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: QN (rappreżentant: H. Tagaras, avukat)

Konvenut: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ r-rikors;

tannulla l-atti kkontestati;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ danni ta’ EUR 3 000;

tiċċarġja l-ispejjeż esklużivament lill-konvenuta.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) tat-22 ta’ Diċembru 2021 li ma tinkludix l-isem tar-rikorrent fil-lista ta’ membri tal-persunal ikklassifikati mill-ġdid fil-grad AD 10 fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2021, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-istrument tal-konvenuta li tirregola l-klassifikazzjonijiet mill-ġdid, jiġifieri d-deċiżjoni 2016-016 tal-Management Board, sa fejn, skont il-konvenuta, din il-klassifikazzjoni mill-ġdid iġġiegħel li l-klassifikazzjonijiet mill-ġdid għal kull grad jiddependu fuq kundizzjoni ta’ anzjanità medju minimu fil-grad li l-aġenti li ser jiġu kklassifikati mill-ġdid għandhom jissodisfaw u li, fil-każ tar-rikorrent, fil-grad AD 9, huwa ta’ erba’ snin. Ir-rikorrent jinvoka l-fatt li kiseb numru għoli ħafna ta’ punti ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid u li l-grad tiegħu, kif ukoll il-grad AD 10, kienu l-uniċi gradi AD li għalihom il-kundizzjoni msemmija hawn fuq ta’ anzjanità ġiet applikata.

2.

It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għal inkompatibbiltà tagħha ma’ numerużi prinċipji u regoli tad-dritt tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni mill-ġdid abbażi tal-mertu.

3.

It-tielet motiv, invokat b’mod iktar sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ vokazzjoni għall-karriera u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, għal gradi kollha AD minbarra dak tar-rikorrent u l-grad AD 10, il-klassifikazzjonijiet mill-ġdid seħħew minkejja l-fatt li l-kundizzjoni tal-anzjanità medja minima ma kinitx sodisfatta.