5.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 340/52


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Nordea Bank vs SRB

(Kawża T-430/22)

(2022/C 340/70)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nordea Bank Oyj (Ħelsinki, il-Finlandja) (rappreżentanti: H. Berger u M. Weber, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-SRB tal-11 ta’ April 2022, dokument Nru SRB/ES/2022/18, inkluż Annessi I, II u III, sa fejn tikkonċerna kontribuzzjonijiet ex-ante tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li s-SRB kiser l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (1) u l-Artikoli 16, 17, 41 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi ħa approċċ dinamiku sabiex jiddetermina livell fil-mira għall-kontribuzzjonijiet ex-ante.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-determinazzjoni tal-livell fil-mira mis-SRB fid-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rata ta’ tkabbir mistennija għal depożiti koperti u l-evalwazzjoni taċ-ċiklu tan-negozju attwali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li s-SRB kiser l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-Artikoli 16, 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi ma applikax il-limitu vinkolanti ta’ 12,5 % għal-livell fil-mira meta ddetermina l-livell fil-mira annwali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiksru l-prinċipju ta’ ffissar orjentat lejn ir-riskju tal-kontribuzzjonijiet u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u għalhekk jiksru l-Artikoli 16, 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk il-livell fil-mira għandu jiġi ddeterminat b’mod dinamiku u l-limitu skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ma għandux jiġi applikat, kif ikun il-każ jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata.


(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).