22.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 318/46 |
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Intel Corporation vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-417/22)
(2022/C 318/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Inter Corporation Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, J. Williams, Barristers-at-Law u B. Meyring, avukat)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
a. |
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens ta’ EUR 593 177 661,75, li jikkorrispondi għal: interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali ta’ EUR 1 060 000 000 bir-rata ta’ finanzjament mill-ġdid tal-BĊE applikabbli fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 finali tat-13 ta’ Mejju 2009 fil-Każ COMP/C-3/37.990 Intel (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), (jiġifieri 1,25 %), miżjuda bi 3.5 punti perċentwali (jew, fin-nuqqas ta’ dan, b’rata tal-interessi meqjusa xierqa mill-Qorti tal-Ġustizzja), għall-perijodu mit-13 ta’ Awwissu 2009 (id-data tal-ħlas provviżorju tal-multa minn Intel) sal-25 ta’ Frar 2022 (id-data tal-ħlas lura tal-ammont prinċipali tal-multa mill-Kummissjoni), u mnaqqas bl-ammont ta’ interessi diġà mħallas lil Intel mill-Kummissjoni ta’ EUR 38 059 598,52; |
b. |
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-interessi fuq l-ammont mitlub fil-punt (a) iktar ’il fuq għall-perijodu mill-25 ta’ Frar 2022 (id-data tal-ħlas lura tal-ammont prinċipali tal-multa mill-Kummissjoni), jew, sussidjarjament, mit-28 ta’ April 2022 (id-data tal-ewwel rikors ta’ Intel għall-ħlas tal-interessi), jew mis-6 ta’ Lulju 2022 (id-data ta’ dan ir-rikors), jew iktar sussidjarjament, mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, sad-data li fiha l-Kummissjoni effettivament tħallas l-ammont abbażi ta’ sentenza li tilqa’ dan ir-rikors, bir-rata tal-interessi applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid miżjuda bi 3,5 punti perċentwali jew, fin-nuqqas ta’ dan, b’rata tal-interessi meqjusa xierqa mill-Qorti tal-Ġustizzja; |
c. |
barra minn hekk, jew sussidjarjament:
|
d. |
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Intel fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
Motivi u argumenti prinċipali
B’rikors tat-28 ta’ April 2022 fil-Kawża T-236/22 (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikors ta’ Intel għall-ħlas tal-interessi”), Intel talbet il-ħlas ta’ interessi moratorji (u l-interessi fuq dawn l-interessi moratorji) li jirriżulta mill-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħallsitx. Il-Kummissjoni għadha ma ħallsitx dawn l-interessi. Madankollu, hija kkomunikat mill-ġdid ma’ Intel minn meta ġie ppreżentat l-ewwel rikors ta’ Intel għall-ħlas tal-interessi, fejn invokat raġunijiet ġodda għan-nuqqas tagħha li tagħmel dan. Permezz ta’ dan ir-rikors, li hija ppreżentat fuq bażi kawtelatorja fid-dawl tal-inċertezza ġġenerata mill-korrispondenza mill-Kummissjoni, Intel tikkontesta din il-korrispondenza. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1. |
L-ewwel, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 340(2) TFUE u l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti titlob il-ħlas ta’ kumpens u tal-interessi riżultanti għad-dannu sostnut minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji lil Intel fuq l-ammont prinċipali ta’ multa rrimborsata wara l-annullament, permezz tas-sentenza T-286/09 RENV, ECLI:EU:T:2022:19, tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 finali tat-13 ta’ Mejju 2009 fil-Każ COMP/C-3/37.990 Intel. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex wieħed jikkonforma mal-annullament ta’ multa skont l-Artikolu 266 TFUE, li tinkludi l-ħlas tal-interessi moratorji. Il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li t-terminu għal rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jibda jiddekorri mid-data tal-ħlas provviżorju ta’ multa. |
2. |
It-tieni motiv, barra minn hekk jew sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE r-rikorrenti titlob l-annullament ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta r-rimbors tal-interessi moratorji, bir-rata msemmija iktar ’il fuq, għar-raġuni li (i) din tmur kontra l-Artikolu 266 TFUE u (ii) tindika b’mod żbaljat d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu għal kull rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. |
3. |
It-tielet motiv, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE iktar sussidjarjament, inkwantu l-Kummissjoni ma adottax pożizzjoni finali (minkejja talbiet mir-rikorrenti), ir-rikorrenti titlob dikjarazzjoni li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod illegali billi naqset milli tħallas lil Intel l-imsemmija interessi moratorji skont l-Artikolu 266 TFUE, u titlob li jiġi ordnat li l-Kummissjoni tħallas l-interessi moratorji bir-rata msemmija iktar ’il fuq. |
4. |
Strettament sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li kwalunkwe interpretazzjoni kuntrarja tar-Regolament(i) tal-2002, tal-2012 u/jew tal-2018 li tkun teskludi l-ħlas ta’ interessi moratorji skont l-Artikolu 266 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, ikollha l-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet rilevanti jkunu jmorru kontra d-dritt primarju tal-Unjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità sussidjarja skont l-Artikolu 266 TFUE u l-Artikolu 267 TFUE fuq bażi sussidjarja u kontinġenti. |