16.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/24


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2022 – Dexia Crédit Local vs SRB

(Kawża T-411/22)

(2022/C 311/28)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Dexia Crédit Local (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: H. Gilliams u J.-M. Gollier, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, bir-referenza SRB/ES/2022/18;

tikkundanna lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 (1) mid-deċiżjoni meħuda peress li tistabbilixxi l-livell mira għall-2022 għal wieħed minn tmienja ta’ 1,6 % tad-depożiti koperti fl-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRF.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament ta’ Delega Nru 2015/63 (2):

għall-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF, l-ewwel, ma huwiex konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 806/2014, it-tieni, ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu fil-ġestjoni f’likwidazzjoni li tibbenefika minn garanzija pubblika u li għaliha, bħala prinċipju, is-SRF qatt ma huwa ser isir użu minnu u, it-tielet, jagħmel ir-riżoluzzjoni ordnata tagħha iktar oneruża;

għall-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn jittratta istituzzjonijiet f’likwidazzjoni taħt garanzija pubblika bl-istess mod bħal istituzzjonijiet li huma attivi.

3.

It-tielet motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tas-SRB tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fit-tieni motiv, peress li s-SRB naqset milli tosserva dawn il-prinċipji billi applikat lir-rikorrenti, mingħajr adattament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega Nru 2015/63.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 peress li dawn ġew adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE meta din ma hijiex approssimazzjoni tal-liġijiet.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 peress li dawn ġew adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE meta dawn huma dispożizzjonijiet fiskali.

(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).