29.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/19


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2022 – Heßler vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-369/22)

(2022/C 326/27)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Michael Heßler (Mannebach, il-Ġermanja) (rappreżentant: I. Steuer, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-25 ta’ Marzu 2022 dwar l-ilment tiegħu;

tobbliga lill-konvenuta tkompli tagħti, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Awwissu 2021 u sakemm jibqgħu jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa, it-tnaqqis fiskali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE, EURATOM, KEFA) Nru 260/68, kif iffissat fil-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04;

tapplika l-interessi, konformement mar-Regolament Finanzjarju, fuq is-somom li għadhom dovuti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont id-deċiżjoni dwar l-ilment, ir-rikorrent, li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 260/68 (1), qiegħed jinvoka l-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04, naqas milli jikkunsidra l-ġurisprudenza reċenti li toħroġ mis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, XB vs BĊE (T-484/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:90). Barra minn hekk, dawn il-konklużjonijiet ma għandhomx effett vinkolanti fil-każijiet individwali. B’hekk, l-amministrazzjoni ma tistax tkun obbligata tapplikahom sa fejn, fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjonijiet kollha huma każijiet individwali. Il-fatt li s-sitwazzjoni tar-rikorrent ma hijiex paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent fil-Kawża T-484/18 huwa irrilevanti sa fejn huwa biss il-fatt li wieħed jirċievi allowance għal wild dipendenti li jintitolah għall-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv: nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni

Sal-lum il-ġurnata, ir-rikorrent ippreżenta żewġ talbiet għall-estensjoni tat-tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ żewġ ulied ta’ iktar minn 26 sena konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68, kif iffissat b’mod iktar preċiż fil-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04. L-amministrazzjoni sussegwentement bagħtitlu żewġ ittri elettroniċi, deskritti bħala ittri mibgħuta għal finijiet ta’ informazzjoni, fejn informatu li, abbażi tas-sentenza T-484/18, il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali jista’ jibqa’ jingħata biss jekk ir-rikorrent jirċievi allowance għal wild dipendenti. Din l-informazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ lment taħt l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li ma hijiex deċiżjoni. B’hekk, skont ir-rikorrent, l-amministrazzjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba tiegħu.

2.

It-tieni motiv: id-deċiżjoni dwar l-ilment għandha suġġett żbaljat

Skont ir-rikorrent, is-suġġett tal-ilment bl-ebda mod ma huwa marbut mas-suġġett tad-deċiżjoni. B’hekk, ir-rikorrent ippreżenta lment, taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ tweġiba. Issa, fil-25 ta’ Marzu 2022, l-allegata talba tar-rikorrent għall-annullament ta’ deċiżjonijiet li fil-verità ma kinux ingħataw ġiet miċħuda għaliex dawn tal-aħħar kienu korretti.

3.

It-tielet motiv: interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “wild dipendenti”

Fil-fehma tal-amministrazzjoni, huma biss dawk l-ulied li huma intitolati għall-allowance għal wild dipendenti li huma fil-fatt dipendenti. Peress li l-ulied tar-rikorrenti qabżu l-età limitu ta’ 26 sena, ir-rikorrent ma għadx għandu wlied dipendenti u, b’hekk, ma huwiex intitolat għat-tnaqqis fiskali. B’hekk, l-amministrazzjoni naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “wild dipendenti” u r-rekwiżiti addizzjonali marbuta mal-għoti tal-allowance għal wild dipendenti.

4.

Ir-raba’ motiv: interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis fiskali

Ir-rikorrent isostni li l-konklużjonijiet fis-seħħ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni jagħmlu parti mir-riforma tal-2004 tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest ġenerali. L-amministrazzjoni ma tistax sempliċement tislet, mill-miżuri li jagħmlu parti minn din ir-riforma, dawk il-partijiet individwali li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju finanzjarju għaliha.

Is-sentenza inkwistjoni, T-484/18, tagħmel riferiment għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1980, Sorasio-Allo et vs Il-Kummissjoni (81/79, 82/79 u 146/79, EU:C:1980:270) bħala l-bażi tar-raġunament tagħha u għalhekk ma tistax titqies li hija ġurisprudenza reċenti. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Il-konklużjoni li waslet għaliha dak iż-żmien, jiġifieri li t-tnaqqis fiskali kien jikkomplementa l-allowance għal wild dipendenti, ma tistax tiġi kkonfermata permezz tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-Regolament Nru 260/68. Madankollu, dan ma kienx ta’ interess sal-lum il-ġurnata għaliex l-għoti tat-tnaqqis fiskali għal ulied ta’ età ikbar ilu paċifiku għal diversi deċennji.

Anki jekk tingħata interpretazzjoni storika bbażata fuq il-formulazzjoni prattikament identika tar-regolament preċedenti, jiġifieri r-Regolament 32 (KEE), 12 (KEEA) (2), it-tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ wild dipendenti ma jikkostitwixxix suppliment għall-allowance għal wild dipendenti. Il-formulazzjoni “kif ukoll”, li tintuża bħala konġunzjoni, tirreferi b’mod ċar għat-tnaqqis fir-rigward tal-ispejjeż professjonali msemmi fil-paragrafu preċedenti, u mhux għall-allowance għal wild dipendenti.

Jekk tingħata interpretazzjoni bbażata fuq id-dritt komparattiv, l-għoti tat-tnaqqis fiskali minħabba l-manteniment ta’ persuna dipendenti bħala piż eċċezzjonali huwa standard, u dan seta’ ttieħed bħala mudell mill-Kunsill meta adotta r-Regolament Nru 260/68.

Kemm l-allowance għal wild dipendenti u kemm it-tnaqqis fiskali jeħtieġu li jkun hemm wild dipendenti iżda ma huwiex meħtieġ li wieħed jirċievi l-allowance għal wild dipendenti sabiex ikun jista’ jikseb it-tnaqqis fiskali. F’dan il-każ, sar żball ta’ loġika li wassal sabiex jaqleb ir-relazzjoni kawżali b’mod li ma huwiex permess.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33).

(2)  Regolament Nru 32 (KEE), Nru 12 (KEEA), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa favur il-Komunitajiet kif previst fl-Artikolu 12(1) tal-Protokolli dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1461).