1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/43


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2022 – Zubitskiy vs Il-Kunsill

(Kawża T-359/22)

(2022/C 294/60)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Evgeny Borisovich Zubitskiy (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Zeller u D. Reingewirtz, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), sa fejn iżid il-kriterji (f) u (g) fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, illegali u mhux applikabbli għal Evgeny Borisovich Zubitskiy;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (2), sa fejn dan jirrigwarda lil Evgeny Borisovich Zubitskiy (Anness I tar-Regolament (UE) 269/2014 emendat – Nru 913);

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 u fuq in-nuqqas ta’ bażi legali konsegwenti sa fejn iżid il-kriterji (f) u (g) fid-Deċiżjoni (PESK) 2014/145 tas-17 ta’ Marzu 2014, kif emendata.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-Regolament (UE) Nru 2022/581 tat-8 ta’ April 2022 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent u fuq il-ksur konsegwenti tal-Artikolu 296 TFUE.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq il-ksur konsegwenti tal-Artikolu 215 TFUE peress li l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2022/581 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, ma hijiex neċessarja għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 29 TUE u b’mod iktar partikolari tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l-elementi li jikkostitwixxu l-kriterji (f) u (g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022, li hija l-bażi għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2022/581 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, ma humiex issodisfatti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ineżattezza materjali tal-fatti peress li l-allegati provi li fuqhom bbaża ruħu l-Kunsill sabiex jadotta r-Regolament (UE) Nru 2022/581 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, (i) huma bbażati esklużivament fuq informazzjoni, li xi drabi għandha iktar minn ħames snin, meħuda minn siti tal-internet (li wħud minnhom, b’mod partikolari rucompromat, ma humiex oġġettivi) u (ii) jiżvelaw, għal xi wħud, fatti żbaljati.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent peress li r-Regolament (UE) Nru 2022/581 tat-8 ta’ April 2022, sa fejn jikkonċernah, jikkostitwixxi limitazzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali tiegħu li fosthom hemm id-dritt għall-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ din il-Karta.


(1)  ĠU 2022, L 50, p. 1.

(2)  ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifika fil-ĠU 2022, L 141, p. 130.