16.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/12


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2022 – NLVOW vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-331/22)

(2022/C 311/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nederlandse Vereniging Omwonenden Windturbines (NLVOW) (Annerveenschekanaal, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: G. Byrne, Barrister-at-law)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lir-rikorrenti b’ittra tal-1 ta’ April 2022 li tqis bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna tal-10 ta’ Diċembru 2021;

tiddikjara, barra minn hekk jew sussidjarjament, li l-Kummissjoni naqset illegalment milli tieħu azzjoni meta ġiet mitluba tagħmel dan skont il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 265 TFUE permezz tal-ittra tar-rikorrenti datata l-10 ta’ Diċembru 2021 u/jew naqset milli tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti fl-imsemmija ittra;

tiddikjara li, f’ċirkustanzi fejn il-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima (iktar ’il quddiem il-“PNEK”) Olandiż ma huwiex konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ġie evalwat u/jew adottat u/jew ippubblikat b’mod illegali mill-Kummissjoni, u jikser għalhekk id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali u/jew huwa illegali;

tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi pożittivi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u taħt id-dritt internazzjonali li tieħu dawk il-miżuri neċessarji u xierqa sabiex tindirizza u/jew tirrimedja n-nuqqas ta’ konformità tal-PNEK Olandiż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

tiddikjara li r-“Regolament ta’ Governanza” (Regolament (EU) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika), (1) ma jagħtix effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż l-Artikolu 7 tiegħu, u bħal tali ma huwiex konformi mad-dritt ambjentali tal-Unjoni u ma’ dak internazzjonali, u huwa għalhekk illegali;

filwaqt li tqis in-nuqqas ta’ konformità tal-PENK u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ konformità tal-PNEK Olandiż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tiddikjara li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament ta’ Governanza jikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-regolament, ksur tal-Konvenzjoni u, barra minn hekk, jikkostitwixxi ksur tat-Trattati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkomunikata lir-rikorrenti b’ittra datata l-1 ta’ April 2022 għandha tiġi annullata.

Ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kummissjoni b’ittra datata l-10 ta’ Diċembru 2021. Bi tweġiba għal din it-talba tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li t-talba tar-rikorrenti kienet inammissibbli. Ir-rikorrenti tissottometti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi att amministrattiva kif iddefinit fir-Regolament ta’ Aarhus (kif emendat). (2) Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija f’dan ir-rigward fundamentalment ivvizzjata, tammonta għal ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni u tad-dritt ambjentali internazzjonali, u tikkostitwixxi ksur tat-Trattati. Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-obbligi pożittivi tagħha taħt it-Trattati u d-dritt internazzjonali, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku, fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontesata tal-Kummissjoni kisret leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni inklużi l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament ta’ Aarhus (kif emendat). Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser id-dritt tagħha ta’ aċċess għal rimedju legali fi kwistjonijiet ambjentali taħt il-Konvenzjoni ta’ Aahrus u r-Regolament ta’ Aarhus (kif emendat). Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-att amministrattiv tal-Kummissjoni kif iddefinit fir-Regolament ta’ Aarhus kif emendat jikkostitwixxi ksur tat-Trattati.

2.

It-tieni motiv ibbażat, b’mod ulterjuri, jew sussidjarjament għall-ewwel motiv, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE fir-rigward tal-PNEK evalwati, adottati u ppubblikati mill-Kummissjoni inkluż, b’mod partikolari, il-PNEK Svediż ikkontestat.

Billi naqset milli taġixxi fuq it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna mressqa skont l-Artikolu 265 TFUE, il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha taħt it-Trattati, inklużi l-Artikoli 3 TUE u l-Artikolu 191 TFUE. Dan il-ksur jirrifletti wkoll ksur flagranti tad-dritt tal-konswetudni u tat-trattati internazzjonali u Ewropew, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament ta’ Aarhus (kif emendat), u d-Deċiżjoni VII8f (kif emendata), adottata fil-21 ta’ Ottubru 2021.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq oġġezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE fir-rigward tal-evalwazzjoni u/jew l-adozzjoni u/jew il-pubblikazzjoni tal-PNEK Olandiż, u n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżgura il-konformità tiegħu mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat oġġezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE fir-rigward tar-Regolament ta’ Governanza. (3)


(1)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018 L 328, p. 1).

(2)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264 p. 13).

(3)  Għar-referenza, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.