20.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/76


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2022 – PGTEX Morocco vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-245/22)

(2022/C 237/97)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: PGTEX Morocco (Tanger, il-Marokk) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u T. Martin-Brieu, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-azzjoni ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/302 tal-24 ta’ Frar 2022 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (“GFF”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le, u li jtemm l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament (UE) 2020/492 fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw fl-Eġittu minn importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan japplika għar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti relatati ma’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta aġixxiet bi ksur tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 22 tar-Regolament Bażiku u r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’abbuż ta’ poter peress li dan jimponi miżuri antidumping kontra l-GFF ta’ oriġini Marokkina preferenzjali esportati mir-rikorrenti mingħajr ma ddeterminat li l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ “dumping” skont l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u mingħajr tali miżuri ma huma konsistenti mal-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“ADA”).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta naqset milli tagħti motivazzjoni, kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba, wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Bażiku billi applikat fatti disponibbli kontra r-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, aġixxiet bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u bi ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku billi qieset li ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment tar-rikorrenti; u

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u aġixxiet bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament Bażiku billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-proċess ta’ manifattura mwettaq fil-Marokk jikkostitwixxi “operazzjoni ta’ assemblaġġ”.


(1)  ĠU 2022, L 46, p. 49.