20.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/65


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2022 – CiviBank vs BĊE

(Kawża T-220/22)

(2022/C 237/85)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Banca di Cividale SpA – Società Benefit (CiviBank) (Cividale del Friuli, l-Italia) (rappreżentanti: M. Merola, A. Cassano u A. Cogoni, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (ECB-SSM-2022-IT-7 (QLF-2021-0155) tat-23 ta’ Marzu 2022 (li tinsab f’att uniku jew f’divers atti), li permezz tagħha l-Bank Ċentrali Ewropew awtorizza lil Banca Sparkasse u lil Fondazione Sparkasse sabiex (i) jixtru u jżommu sehem ikkwalifikat ogħla minn 10 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot ta’ CiviBank; u ii) sabiex jinqabeż l-imsemmi livell u jinxtara direttament sehem ta’ kontroll fil-kapital ta’ CiviBank, wara u permezz tal-offerti pubbliċi ta’ xiri volontarji u totali stabbiliti fis-suq fid-9 ta’ Diċembru 2021 fis-sens tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1) tal-15 ta’ Ottubru 2013, tal-Artikoli 19, 22, 53 u 67 tat-Testo Unico Bancario u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati miegħu;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/3/UE kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014, tal-Artikolu 49 TFUE u tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ kwalità tax-xerrej.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, bil-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ġenerali ta’ dritt korrispondenti li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).