20.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/58


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2022 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-200/22)

(2022/C 237/75)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jinsabu fl-ittri tas-7 ta’ Frar 2022, tat-8 ta’ Frar 2022, tas-16 ta’ Marzu 2022 u tal-31 ta’ Marzu 2022 dwar it-tpaċija tar-riċevibbli fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum stabbiliti fid-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2021 (Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja, C-121/21 R, EU:C:2021:752) għall-perijodu mill-20 ta’ Settembru 2021 sas-17 ta’ Jannar 2022;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll fuq ksur tal-Artikoli 101 u 102 flimkien mal-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ rkupru tar-riċevibbli permezz ta’ tpaċija, minkejja li dan ir-riċevibbli ma baqax jeżisti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi legali sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati f’sitwazzjoni fejn l-effetti tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021 ntemmew b’mod retroattiv b’riżultat tal-konklużjoni ta’ ftehim bonarju bejn il-Gvern Pollakk u l-Gvern Ċek, fejn iż-żewġ partijiet irrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha, u tat-tħassir tal-Kawża C-121/21 (2) mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikoli 41(2)(ċ) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Ir-rikorrenti ssostni li, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi l-ġustifikazzjoni meħtieġa mit-Trattat u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-bażi legali tal-proċedura ta’ rkupru tar-riċevibbli mwettqa permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet.


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).

(2)  Digriet tal-4 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Ir-Repubblika tal-Polonja (Minjiera ta’ Turów), C-121/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:82.