20.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/57


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2022 – Mariani vs Il-Parlament

(Kawża T-196/22)

(2022/C 237/74)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Thierry Mariani (Pariġi, Franza) (rappreżentant: F.-P. Vos, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni D-301939, tat-3 ta’ Marzu 2022, tal-Grupp ta’ sostenn tad-demokrazija u ta’ koordinazzjoni tal-elezzjonijiet, li teskludi lil T. Mariani minn kull parteċipazzjoni fid-delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sat-tmiem tal-mandat tiegħu bħala membru tal-Parlament (2019-2024);

tikkundanna lill-konvenut iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 3 000, abbażi tal-Artikoli 87 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata biżżejjed, sa fejn din ma tikkonċernax bi preċiżjoni t-testi li huma l-bażi tas-sanzjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta’ sanzjoni stabbilita mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jindika li f’dan il-każ id-difett proċedurali huwa ċar, sa fejn ebda dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew ma tikkonċerna l-każ inkwistjoni u l-proċedura dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-Parlament u msemmija fil-kodiċi ta’ kondotta tal-membri tal-Parlament ma ġietx osservata.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent josserva li l-proċedura ta’ sanzjoni ma għandhiex natura kontradittorja, sa fejn id-dritt tas-smigħ tar-rikorrent ma ġiex osservat, u b’hekk ma setax jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tas-sanzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont ir-rikorrent, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ġie miksur, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx innotifikata lir-rikorrent fil-lingwa materna tiegħu u ma ssemmix ir-rimedji u t-termini biex jaġixxi. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ prosekuzzjoni aġixxiet ukoll bħala awtorità ġudizzjarja, filwaqt li s-separazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet hija garanzija mogħtija mill-Artikolu 6 tal-KEDB.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni kkontestata, minħabba s-severità tagħha, hija vvizjata b’diskriminazzjoni peress li din ingħatat wara deċiżjoni inizjali ta’ sospensjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021, li diġà turi trattament mhux ugwali bejn il-membri tal-Parlament, skont l-appartenenza politika tagħhom.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull mandat imperattiv. Id-deċiżjoni kkontestata ċċaħħad lill-membru tal-Parlament mill-indipendenza tiegħu u tikser il-projbizzjoni ta’ kull mandat imperattiv peress li ma jistax jiġi validament ilmentat kontra r-rikorrent li kien mistieden minn Stat estern għall-Unjoni Ewropea, sabiex jeżerċita fih il-funzjonijiet ta’ osservatur indipendenti ta’ eżerċizzju elettorali, filwaqt li qatt ma ppretenda li jirrappreżenta, f’dan il-kuntest, l-istituzzjoni Ewropea li huwa membru tagħha.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-karattru definittiv u mhux revedibbli tad-deċiżjoni. Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, peress li tapplika b’mod immedjat u ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ reviżjoni qabel it-tmiem tal-mandat tar-rikorrent.