19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/42


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 – OK vs SEAE

(Kawża T-113/22)

(2022/C 165/51)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: OK (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

fir-rigward tat-talba għal assistenza:

tannulla d-deċiżjoni tad-Diretriċi tar-Riżorsi Umani tas-SEAE li tiċħad parzjalment it-talba tiegħu għal assistenza minħabba fastidju u trattament diskriminatorju, ikkomunikata fil-[kunfidenzjali(1);

tannulla, jekk ikun hemm bżonn, sa fejn tissupplimenta d-deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2021, id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE li tiċħad l-ilmenti tiegħu [kunfidenzjali] fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali tat-talba għal assistenza msemmija iktar ’il fuq, ikkomunikata fil-[kunfidenzjali];

fir-rigward tal-kontenut, tal-portata u tal-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż fil-[kunfidenzjali] fil-Kawża [kunfidenzjali]:

tannulla l-ftehim bonarju tal-[kunfidenzjali] minħabba difett fil-kunsens, kif ukoll nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

tannulla, sa fejn din tikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, id-deċiżjoni impliċita li biha r-rikorrent ġie promoss għall-grad AD 14 b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2018, kif ikkomunikata lilu bit-trażmissjoni tar-rendikont tas-salarju tiegħu tax-xahar ta’ Mejju 2021, u kif ġie kkonfermat b’mod formali mid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi tas-SEAE (Awtorità tal-Ħatra) tal-[kunfidenzjali];

tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2021 tad-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi li biha s-SEAE ċaħad l-ilment [kunfidenzjali] tiegħu ippreżentat fir-rigward tal-assenza ta’ deċiżjoni espliċita dwar il-promozzjoni tiegħu għall-grad AD 14 fl-1 ta’ Jannar 2018 u dwar il-produzzjoni mis-SEAE fil-kuntest tal-kawża [kunfidenzjali] ta’ dikjarazzjoni falza li kienet intiża u li wasslet sabiex tippreġudika l-opinjoni tal-Qorti Ġenerali u l-possibbiltà tar-rikorrent li jinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

tikkundanna lill-konvenut iħallas lir-rikorrent kumpens ta’ EUR 52 400 għad-dannu materjali mġarrab minnu, kif ukoll kumpens għad-dannu morali mġarrab stabbilit b’mod simboliku għal EUR 1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors fil-konfront tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas amministrattiv, il-ksur tad-dmir ta’ premura fir-rigward tal-uffiċjal li kien il-vittma ta’ fastidju, il-ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-realtà tal-fatti relatati mal-fastidju mġarrab mir-rikorrent.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ksur tal-Artikolu 227 TFUE u tal-Artikolu 44 tal-Karta.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-eżami tat-talba għal assistenza mad-deċiżjoni [kunfidenzjali].

Insostenn tar-rikors fil-konfront tad-deċiżjoni impliċita ta’ promozzjoni u fil-konfront tal-ftehim bonarju konkluż fil-kuntest tal-kawża [kunfidenzjali], ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq frodi u fuq l-invalidità tal-ftehim konkluż fil-kuntest tal-kawża [kunfidenzjali].

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim u fuq l-invokazzjoni abbużiva tal-awtorità ta’ res judicata mis-SEAE.


(1)  Data kunfidenzjali moħbija.