11.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/12


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2022 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-104/22)

(2022/C 158/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħha ġew eżaminati mill-ġdid l-oġġezzjonijiet min-naħa tal-Ungerija kontra l-iżvelar ta’ dokumenti, fir-rigward tat-talba konfermattiva GESTDEM 2021/2808, imressqa sabiex jiġi ggarantit l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li joriġinaw mill-Ungerija;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat aċċess pubbliku parzjali għad-dokumenti mitluba minn min ressaq it-talba, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu invokaw espressament l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1) u li l-Kummissjoni kienet aċċettat fil-każ inkwistjoni sat-talba konfermattiva.

Skont il-Gvern Ungeriż, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija mhux biss kuntrarja għall-prattika preċedenti tagħha u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda, barra minn hekk, tippreġudika b’mod gravi l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-Istati Membri. Il-Gvern Ungeriż, minbarra l-fatt li jsostni li l-istituzzjoni tal-Unjoni ser ikollha tieħu deċiżjoni meta jiġi emendati l-programmi operazzjoni u li jikkunsidra, f’dan ir-rigward, li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001 għandha tiġi applikata, jenfasizza li l-partikolarità tal-proċedura attwali hija li d-deċiżjoni tal-Istat Membru fil-kuntest tal-ġestjoni maqsuma hija fil-verità meħuda taħt superviżjoni stretta tal-Kummissjoni. Formalment, għalkemm din hija deċiżjoni tal-awtorità tal-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżerċita influwenza li tista’ tintwera fuq din id-deċiżjoni, u għalhekk huwa iktar inaċċettabbli li tali deċiżjoni ma tkunx is-suġġett tal-protezzjoni offruta minn din l-eċċezzjoni. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija wkoll intiża sabiex tipproteġi t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).