19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/36


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2022 – Associazione “Terra Mia Amici No Tap” vs BĊE

(Kawża T-86/22)

(2022/C 165/45)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Associazione “Terra Mia Amici No Tap” (Melendugno, l-Italja) (rappreżentant: A. Calò, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata u tiddikjara r-responsabbiltà fit-tort tal-Bank Ewropew tal-Investiment billi ddikjara inammissibbli u tardiva t-talba għal eżami mill-ġdid imressqa mill-assoċjazzjoni rikorrenti

tikkundanna lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex tadotta deċiżjoni ta’ revoka tal-finanzjamenti mogħtija lil TAP AG;

tikkundanna lill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegata inammissibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, u tar-Regolament (UE) 2021/1767 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-[Regolament (KE) Nru 1367/2006], u l-punti 1, 6 u 9 tal-Preambolu tal-EIB Statement of Environmental and Social Principles and Standards. Fil-każ inkwistjoni l-BEI kellu jipproċedi għar-revoka tal-finanzjamenti mogħtija, ġaladarba t-talba għal eżami mill-ġdid kien jirrigwarda att amministrattiv taħt id-dritt tal-ambjent.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegata dekandenza tat-talba għal eżami mill-ġdid minħabba dekorriment tat-termini.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tas-6 ta’ Settembru 2006 u tar-Regolament (UE) Nru 2021/1767, u tal-punti 1, 6 u 9 tal-Preambolu tal-EIB Statement of Environmental and Social Principles and Standards. Fil-każ speċifiku l-BEI naqas milli jipproċedi għar-revoka tal-finanzjamenti, liema revoka tieħu l-forma ta’ att ġdid, awtonomu u distint minn dak li bih preċedentement ingħata l-finanzjament, u fi kwalunkwe każ it-terminu ta’ sitt ġimgħat għat-tressieq ta’ talba għal eżami mill-ġdid għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-proġett jibda bl-operat tiegħu, peress li kuntrattwalment ġie rrikonoxxut lill-parti li rċeviet il-finanzjament li kellha sa dik id-data biexx tikkonforma ruħha mal-istandards tal-BEI.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-punt 36 tal-EIB Statement of Environmental and Social Principles and Standards tal-2009.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-punt 36 jipprevedi speċifikament li l-BEI għandu jeħtieġ li l-proġetti finanzjarji kollha josservaw tal-inqas:

il-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali applikabbli

il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Effetti tal-Proġetti fuq l-Ambjent (VIA) tal-Unjoni u tad-direttivi dwar il-konservazzjoni tan-natura kif ukoll id-direttivi settorjali u d-direttivi “trażversali”;

il-prinċipji u l-istandards tal-konvenzjonijiet ambjentali internazzjonali rilevanti li huma inkorporati fid-dritt tal-Unjoni.

Fil-każ ineżami, ebda wieħed mill-imsemmija punti ma ġie osservat.

Fil-fatt jirriżulta li l-ksur segwenti ġie pprovat:

a.

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni u b’mod partikolari:

a.I

il-premessa 36 moqrija flimkien mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 (assenza ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji)

a.II

il-premessa 31 tar-Regolament Nru 347/2013 moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE (impatti kumulattivi esterni);

a.III

il-premessa 31 tar-Regolament Nru 347/2013 moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/92 (impatti kumulattivi interni) – Projbizzjoni ta’ “Salami Slicing”;

a.IV

l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat;

a.V

l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147, Direttiva dwar l-għasafar;

a.VI

il-premessa 30 moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament 1367/2006 u mal-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA (Trasparenza u parteċipazzjoni);

a.VII

il-premessa 28 moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 (Leġiżlazzjoni habitat);

a.VIII

ksur tal-Artikolu 191(1) TFUE flimkien mal-ksur tad-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u tal-Istandards fil-Qasam Soċjali u Ambjentali tal-Bank Ewropew tal-Investiment, approvata mill-Bord tad-Diretturi fit-3 ta’ Frar 2009.

b.

Il-leġiżlazzjoni Taljana u b’mod partikolari:

b.I

id-Decreto legislativo 42/2004 [id-Digriet Leġiżlattiv 42/2004] għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Pajsaġġ;

b.II

id-Decreto legislativo 42/2004 [id-Digriet Leġiżlattiv 42/2004] għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 146 tal-Konvenzjoni dwar il-Pajsaġġ;

b.III

l-Artikolu 14 tal-legge 7 agosto 1990 n. 241 Conferenza dei servizi [il-Liġi tas-7 ta’ Awwissu 1990 Nru 241 Konferenza tas-Servizzi];

b.IV

il-preskrizzjoni A57 tad-Decreto ministeriale di compatibilità ambientale 223/14 [id-Digriet Ministerjali ta’ Kompatibbiltà Ambjentali 223/14];

b.V

id-Decreto legislativo 152/06 Mancate sanzioni [id-Digriet Leġiżlattiv 152/06 Assenza ta’ Sanzjonijiet];

b.VI

l-Artikolu 452c tal-codice Penale [il-Kodiċi Kriminali] (diżastru ambjentali).

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 347/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li fil-fatt ma saret ebda analiżi xierqa tal-ispejjeż u l-benefiċċji.


(1)  ĠU 2006, L 264, p. 13.

(2)  ĠU 2021, L 356, p. 1.