4.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/36


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2022 – Schwa-Medico vs EUIPO – Med-El Elektromedizinische Geräte (STIWELL)

(Kawża T-76/22)

(2022/C 148/48)

Lingwa tar-rikors: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Schwa-Medico, Medizinische Apparate, Vertriebsgesellschaft mbH (Ehringshausen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: E. Fortunet u P. Marchiset, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Med-El Elektromedizinische Geräte GesmbH (Innsbruck, l-Awstrija)

Informazzjoni dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO

Proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark kontenzjuża kkonċernata: it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea STIWELL – Trade mark tal-Unjoni Nru 4 072 542

Proċedimenti quddiem l-EUIPO: proċedimenti ta’ kanċellazzjoni

Deċiżjoni kkontestata: id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-24 ta’ Novembru 2021 fil-Każ R 1383/2020-1

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrifjuta li tilqa’ t-talba għar-revoka tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea STIWELL Nru 4 072 542 għall-prodotti “apparati ta’ stimulazzjoni newromuskolari” fil-klassi 10, u sa fejn din tirrifjuta li tiffissa l-punt tat-tluq tad-data ta’ skadenza għall-prodotti kollha fil-jum tal-ħames anniversarju tal-publikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark fil-Bullettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea (il-21 ta’ Frar 2011);

tikkundanna lill-EUIPO u lill-kumpannija Med-El għall-ispejjeż marbuta ma’ dan ir-rikors.

Motivi invokati

Ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tiegħu sa fejn il-Bord tal-Appell analizza b’mod żbaljat il-kunċett ta’ użu ġenwin tat-trade mark billi ma wettaqx evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha u li hija bbażata fuq il-fatti kollha;

Ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tiegħu sa fejn il-Bord tal-Appell analizza b’mod żbaljat il-kunċett ta’ użu ġenwin tat-trade mark billi evalwa l-ispeċifiċità tal-prodotti fid-dawl tal-attività tal-proprjetarju tat-trade mark, u mhux fid-dawl tal-kliem tal-prodotti;

Ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tiegħu sa fejn il-Bord tal-Appell analizza b’mod żbaljat il-kunċett ta’ użu ġenwin tat-trade mark billi adotta raġunijiet kontradittorji dwar l-allegata speċifiċità tal-imsemmija prodotti;

Żball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-iffissar tad-data effettiva tar-revoka, fil-fatt li kkonstata rekwiżit ta’ raġuni leġittima u interpreta b’mod żbaljat din ir-raġuni leġittima.