4.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/30


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2022 – Fundacja Instytut na rzecz Kultury Prawnej Ordo Iuris vs Il-Parlament

(Kawża T-41/22)

(2022/C 148/41)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Fundacja Instytut na rzecz Kultury Prawnej Ordo Iuris (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: K. Koźmiński, avukat, u T. Siemiński, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-ewwel anniversarju tal-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja (2021/2925(RSP)) fl-intier tagħha;

sussidjarjament, fil-każ li ma tintlaqax it-talba għall-annullament tar-riżoluzzjoni kkontestata fl-intier tagħha, l-annullament ta’ parti tagħha, jiġifieri l-punt Y li jiddikjara: “billi organizzazzjoni fundamentalista, Ordo Iuris, li hija marbuta mill-qrib mal-koalizzjoni fil-gvern, hija forza li tixpruna l-kampanji li qegħdin jimminaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Polonja, inklużi tentattivi biex jiġi pprojbit l-abort, talbiet biex il-Polonja tirtira mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul u talbiet biex jinħolqu l-hekk imsejħa żoni mingħajr LGBTI; billi l-valuri kulturali u reliġjużi fil-Polonja qegħdin jiġu għalhekk abbużati bħala raġunijiet biex jiġi impedit it-twettiq sħiħ tad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza għan-nisa u d-dritt tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet dwar ġisimhom stess”;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Parlament li jadotta r-riżoluzzjoni kkontestata inkwantu s-suġġett tar-Riżoluzzjoni ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea mogħtija mill-Istati Membri permezz tat-Trattati, jew inkella abbuż ta’ poter li jikkonsisti f’użu strumentalizzat tal-għodda legali tar-riżoluzzjoni bil-għan li jiġi evitat ir-rekwiżit li jiġu emendati t-Trattati biex jiġu attribwiti kompetenzi lill-Unjoni li skont it-Trattati l-Unjoni ma għandhiex.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur, mir-Riżoluzzjoni, tat-Trattati jew tar-regoli legali marbuta mal-applikazzjoni tagħha, jiġifieri ksur tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikolu 4(2) TUE, tal-Artikolu 6(3) TUE kif ukoll tal-Artikolu 10 TFUE, inkwantu r-Riżoluzzjoni:

tikser id-drittijiet u d-drittijiet tal-personalità tar-rikorrenti,

hija bbażata fuq informazzjoni mhux ivverifikata u mhux veritiera dwar il-kuntest fattwali u legali fil-Polonja,

tinkludi analiżi u interpretazzjoni mhux affidabbli tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar il-kwistjoni tal-abort,

b’mod infondat tattribwixxi li l-projbizzjoni tal-interruzzjoni tat-tqala u l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem fil-fażi prenatali hija f’allegata kontradizzjoni mal-valuri indikati fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li tinjora l-fatt li l-kwistjoni li l-abort ikun permess ma tagħmilx parti mit-tradizzjoni kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, inkwantu:

tagħti lok għal diskriminazzjoni fil-ħajja soċjali, politika u legali fl-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ persuni favur il-projbizzjoni tal-interruzzjoni tat-tqala u l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem fil-fażi prenatali;

tikser il-prinċipju ta’ rispett tal-identità nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istati Membri.