11.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/9


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Jannar 2022 – Perez Lopes Pargana Calado vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-31/22)

(2022/C 158/10)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Ana Teresa Perez Lopes Pargana Calado (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentant: M. Marques Matias, avukata)

Konvenut: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkunsidra bħala nulla, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, id-deċiżjoni relatata mar-rikorrenti fl-ambitu ta’ din il-kawża;

tissostitwixxi d-deċiżjoni b’oħra, li tindika jekk ir-rikorrenti ġietx aċċettata jew le, u fil-każ li ma tkunx, liema hija l-motivazzjoni li timmilita kontriha meta mqabbel mal-kandidati l-oħra u mal-avviż ta’ kompetizzjoni;

tirrevedi u tissostitwixxi d-deċiżjoni b’oħra li taċċetta lill-kompetitriċi, taħt termini ugwali għal dawk tal-kompetituri l-oħra.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Id-deċiżjoni ma kinitx ekwa meta mqabbel mal-kandidati l-oħra;

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq impossibbiltà ta’ applikazzjoni minħabba illegalità ta’ ksur;

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq indikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tintemm traduzzjoni li tkun qed issir;

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq konformità tad-dokumentazzjoni kollha prodotta mar-rekwiżiti u fuq in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni li ma kinitx inkluża fir-raġunijiet għal esklużjoni;

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ħtieġa li d-dikjarazzjoni mogħtija jmissha tneħħiet u ma kellhiex tippreġudika lill-kandidata inkwantu ma kinitx tagħmel parti mid-dokumentazzjoni mitluba;

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tal-miżuri ta’ esklużjoni mill-kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ allegat ksur (Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea);

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir, min-naħa tal-amministrazzjoni, ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha (Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).