28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/43


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2022 – NY vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-21/22)

(2022/C 95/60)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: NY (rappreżentanti: A. Champetier u S. Rodrigues, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata u sa fejn meħtieġ, it-tieni deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tiċħad it-talba għal kumpens ippreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ imparzjalità. Ir-rikorrent iqis li, fil-kuntest tal-investigazzjoni tat-talba għal kumpens, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità ma ġiex osservat, kemm minn perspettiva suġġettiva kif ukoll minn perspettiva oġġettiva.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-integrità u għad-dinjità u l-eżistenza ta’ diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni li l-konvenuta naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tippreserva u tipproteġi d-dinjità u l-integrità tiegħu, minħabba l-vjolenza mwettqa mill-aġenti tas-sigurtà fuq il-persuna tiegħu, li l-konstatazzjoni tagħha hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ “evalwazzjoni”.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura fis-sens li r-rikorrent ma bbenefikax mill-appoġġ kollu li kellu d-dritt jistenna mill-konvenuta.