Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
10 ta’ Settembru 2025 (*)
“Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern – Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Regolament Delegat (UE) 2021/2139 – Ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ – Tassonomija – Rekwiżiti applikabbli għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/852 – Kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima – Kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima – Assenza ta’ ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali l-oħra”
Fil-Kawża T‑583/22,
Fédération environnement durable, stabbilita f’Pariġi (Franza),
Bundesinitiative Vernunftkraft eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),
Vent de Colère ! - Fédération nationale, stabbilita f’Peyraud (Franza),
Vent de Raison - Wind met Redelijkheid (VdR-WmR), stabbilita f’Petit-Rœulx (il-Belġju),
irrappreżentati minn M. Le Berre, avocat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. von Rintelen, G. Gattinara, C. Auvret u B. De Meester, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),
komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva, U. Öberg, P. Zilgalvis u E. Tichy-Fisslberger (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat l-ittra tar-rikorrenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2023,
wara li rat il-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,
wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Fédération environnement durable, Bundesinitiative Vernunftkraft eV, Vent de Colère ! - Fédération nationale u Vent de Raison - Wind met Redelijkheid (VdR-WmR), qegħdin jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ares(2022) 4952619 tas‑7 ta’ Lulju 2022, li permezz tagħha hija ċaħdet bħala infondata t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2023, L 178, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”), fir-rigward ta’ ċerti aspetti marbuta mal-attività ekonomika tal-“ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 Ir-Regolament Delegat ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13), jiġifieri r-Regolament imsejjaħ “tassonomija”.
3 Dan ir-regolament ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 2021.
4 Fit‑3 ta’ Frar 2022, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni talba għal reviżjoni interna tar-Regolament Delegat, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 356, p. 1). Huma sostnew, essenzjalment, li l-imsemmi regolament delegat ma kienx juri li l-attività ekonomika tal-“ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ” tikkontribwixxi sostanzjalment għall-għanijiet ambjentali previsti minn dan ir-regolament delegat.
5 Il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti fis‑7 ta’ Lulju 2022. Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, hija ċaħdet bħala infondata t-talba għal eżami mill-ġdid intern, minħabba li r-Regolament Delegat kien konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea rilevanti.
It-talbiet tal-partijiet
6 Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
7 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
8 Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi, strutturati, essenzjalment, madwar numru ta’ temi. L-ewwel motiv jirrigwarda t-tfassil tar-Regolament Delegat u huwa kompost minn tliet partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jallegaw ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest tat-tieni motiv, huma jsemmu l-għan tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jinvokaw ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ erba’ partijiet. It-tielet aggravju jikkonċerna l-għan tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Fil-kuntest tal-erba’ partijiet tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jindirizzaw il-prinċipju li ma ssirx ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali l-oħra. Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
9 Fir-replika, ir-rikorrenti jqajmu, barra minn hekk, motiv sussidjarju li jsostni l-illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, tar-Regolament Delegat.
Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-Regolament 2020/852 u r-Regolament Delegat
10 Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament 2020/852 jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment. Skont il-premessa 3 tiegħu, dan ir-regolament jikkostitwixxi pass essenzjali sabiex il-flussi finanzjarji jiġu diretti lejn attivitajiet sostenibbli sabiex tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal‑2050.
11 Għal dan l-għan, ir-Regolament 2020/852 jistabbilixxi, bħalma jsegwi mill-premessi 6 u 12 tiegħu, sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-attivitajiet sostenibbli (imsejħa “tassonomija”), għall-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli, li tagħti lill-investituri u lill-operaturi ekonomiċi l-oħra fehim komuni tal-attivitajiet ekonomiċi li huma ambjentalment sostenibbli.
12 Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/852, [g]ħall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad sa fejn investiment ikun ambjentalment sostenibbli, attività ekonomika għandha tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli fejn dik l-attività ekonomika:
(a) tikkontribwixxi sostanzjalment għal wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 f’konformità mal-Artikoli 10 sa 16;
(b) ma tagħmilx ħsara sinifikanti għal ebda objettiv ambjentali stabbilit fl-Artikolu 9 f’konformità mal-Artikolu 17;
[…]
(d) tikkonforma mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(3) [u] 11(3) […]”.
13 Is-sitt għanijiet ambjentali elenkati fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2020/852 huma dawn li ġejjin:
“(a) il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;
(b) l-adattament għat-tibdil fil-klima;
(c) l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar;
(d) it-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;
(e) il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis;
(f) il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.”
14 L-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament sabiex jiddeterminaw jekk attività ekonomika għandhiex titqies li hija sostenibbli minn perspettiva ambjentali għall-finijiet ta’ kull miżura li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-operaturi fis-swieq finanzjarji jew għall-emittenti fir-rigward tal-prodotti finanzjarji jew tal-bonds korporattivi li jiġu ppreżentati bħala sostenibbli minn perspettiva ambjentali.
15 L-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li “[a]ttività ekonomika għandha tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn dik l-attività tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f’livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima li jkun konsistenti mal-mira fit-tul tat-temperatura tal-[Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, approvat fit‑12 ta’ Diċembru 2015,] billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew billi jiżdiedu l-assorbimenti tal-gassijiet serra, […] permezz ta’:
(a) il-ġenerazzjoni […] ta’ enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, u rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37)] […]”
16 Il-“mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” hija ddefinita fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2020/852 bħala “il-proċess biex titrażżan iż-żieda tat-temperatura medja globali biex tinżamm ferm inqas minn 2 °C u t-twettiq ta’ sforzi biex tiġi limitata għal 1,5 °C iktar mil-livelli preindustrijali, kif stabbilit fil-[Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, approvat fit‑12 ta’ Diċembru 2015]”.
17 L-Artikolu 10(3) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tadotta att delegat konformement mal-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament sabiex:
“(a) tissupplimenta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat taħt liema kundizzjonijiet attività ekonomika speċifika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; u
(b) tissupplimenta l-Artikolu 17 billi tistabbilixxi, għal kull objettiv ambjentali rilevanti, kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat jekk attività ekonomika, li fir-rigward tagħha jkunu ġew stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tikkawżax ħsara sinifikanti lil wieħed jew aktar minn dawk l-objettivi.”
18 L-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li attività ekonomika għandha titqies li tagħti kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima fejn din l-attività:
“(a) tinkludi soluzzjonijiet ta’ adattament li jew inaqqsu sostanzjalment ir-riskju tal-impatt negattiv tal-klima attwali u l-klima futura mistennija fuq dik l-attività ekonomika jew inaqqsu sostanzjalment dak l-impatt negattiv, mingħajr ma jiżdied ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq persuni, natura jew assi; jew
(b) tipprovdi soluzzjonijiet ta’ adattament li, barra milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16, jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskju tal-impatt negattiv tal-klima attwali u l-klima futura mistennija fuq persuni, natura jew assi, mingħajr ma jiżdied ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq persuni, natura jew assi oħra.”
19 L-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2020/852 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta att delegat konformement mal-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament sabiex:
“(a) tissupplimenta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat taħt liema l-kundizzjonijiet attività ekonomika speċifika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima; u
(b) tissupplimenta l-Artikolu 17 billi tistabbilixxi, għal kull objettiv ambjentali rilevanti, kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat jekk attività ekonomika, li fir-rigward tagħha jkunu ġew stabbiliti kriterji ta’ skrinjar taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, tikkawżax ħsara sinifikanti lil wieħed jew aktar minn dawk l-objettivi.”
20 L-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2020/852 jaqra kif ġej:
“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 3, b’kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti minn attività ekonomika, inkluża evidenza minn valutazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, dik l-attività ekonomika għandha titqies li tagħmel ħsara sinifikanti:
(a) lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fejn dik l-attività twassal għal emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra;
(b) lill-adattament għat-tibdil fil-klima, fejn dik l-attività twassal għal impatt aktar negattiv fuq il-klima attwali u l-klima mistennija fil-futur, fuq l-attività stess jew fuq persuni, natura jew assi;
(c) lill-użu sostenibbli u l-protezzjoni ta’ riżorsi tal-ilma u tal-baħar, fejn dik l-attività tkun ta’ detriment:
(i) għall-istatus tajjeb jew għall-potenzjal ekoloġiku tajjeb ta’ korpi tal-ilma, inklużi ilma tal-wiċċ u ilma ta’ taħt l-art; jew
(ii) għall-istatus ambjentali tajjeb tal-ilmijiet marini;
(d) lill-ekonomija ċirkolari, inklużi l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, fejn:
(i) dik l-attività twassal għal ineffiċjenzi sinifikanti fl-użu tal-materjali jew fl-użu dirett jew indirett ta’ riżorsi naturali bħal sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, materja prima, ilma u art f’wieħed jew aktar stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, riparabbiltà, kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, kapaċità ta’ użu mill-ġdid jew riċiklabbiltà ta’ prodotti;
(ii) dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni, fl-inċinerazzjoni jew fir-rimi tal-iskart, bl-eċċezzjoni tal-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli; jew
(iii) ir-rimi fit-tul tal-iskart jista’ jikkawża ħsara sinifikanti u fit-tul lill-ambjent;
(e) lill-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, fejn dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja, fl-ilma jew fl-art, meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel ma tkun bdiet din l-attività; jew
(f) lill-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, fejn dik l-attività tkun:
(i) detrimentali b’mod sinifikanti għall-kundizzjoni tajba u r-reżiljenza tal-ekosistemi; jew
(ii) detrimentali għall-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitats u speċijiet, inklużi dawk ta’ interess għall-Unjoni.”
21 L-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament:
“(a) jidentifikaw l-aktar kontributi potenzjali rilevanti għall-objettiv ambjentali partikolari filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, filwaqt li jitqiesu kemm l-impatt fuq perijodu qasir kif ukoll dak fit-tul ta’ attività ekonomika partikolari;
[…]
(c) ikunu kwantitattivi u kemm jista’ jkun jinkludu limiti, u b’mod ieħor ikunu kwalitattivi;
[…]
(f) ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva u l-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 TFUE;
[…]
(j) ikopru l-attivitajiet ekonomiċi rilevanti kollha f’settur speċifiku u jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu trattati b’mod ugwali jekk jikkontribwixxu b’mod ugwali għall-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq; u
(k) ikunu faċli biex jintużaw u jitfasslu b’mod li jiffaċilita l-verifika tal-konformità magħhom.
[…]”
22 Ir-Regolament Delegat ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2020/852 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).
23 L-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitqies li attività ekonomika tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ma tikkawżax ħsara sinjifikattiva għal xi wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament delegat, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitqies li attività ekonomika tikkontribwixxi sostanzjalment għall-adattament għat-tibdil fil-klima u ma tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil xi wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra huma stabbiliti fl-Anness II tal-istess regolament delegat.
24 L-Annessi I u II tar-Regolament Delegat jispeċifikaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal kull attività ekonomika li hija s-suġġett tal-imsemmi regolament delegat, b’mod partikolari fil-punt 4.3 tal-imsemmi Anness I u fil-punt 4.3 tal-imsemmi Anness II fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq it-talba għal eżami mill-ġdid intern u l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali
25 Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandha s-setgħa li tagħti bidu, permezz ta’ talba motivata, għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv mal-istituzzjoni jew mal-korp tal-Unjoni li jkun adottah għar-raġuni li jkun kuntrarju għad-dritt tal-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-regolament.
26 Huwa inerenti għas-sistema ta’ eżami mill-ġdid intern li l-persuna li titlob l-eżami mill-ġdid tippreżenta motivi konkreti u preċiżi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjonijiet li fuqhom ikun ibbażat l-att amministrattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 68). Għaldaqstant, tali applikant huwa obbligat jindika l-punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ dritt sostanzjali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 69, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑458/19 P, EU:C:2021:802, punt 60).
27 It-talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv hija intiża għalhekk biex tiġi kkonstatata allegata illegalità jew l-assenza ta’ fondatezza tal-att inkwistjoni. Il-persuna li tressaq it-talba tista’ sussegwentement tressaq kawża, konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, quddiem il-qorti tal-Unjoni billi tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom jew użu ħażin ta’ poter kontra d-deċiżjoni li tiċħad bħala infondata t-talba għal eżami mill-ġdid intern (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 38).
28 Tali rikors ma jistax ikun ibbażat fuq motivi ġodda jew fuq provi li ma kinux jidhru fit-talba għal eżami mill-ġdid, sabiex ir-rekwiżit relatat mal-motivazzjoni ta’ tali talba, li jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu u s-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba ma jiġix emendat (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 39). L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li huwa l-awtur tal-att amministrattiv li tiegħu jintalab l-eżami mill-ġdid intern ma huwiex obbligat jeżamina motivi oħra għajr dawk ipprovduti mill-persuna li tressaq it-talba meta tressaq tali talba għal eżami mill-ġdid intern (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 40).
29 Madankollu, ma jistax jiġi rikjest minn rikorrent li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid intern li huwa sempliċement jirriproduċi testwalment l-argumenti li huwa kien invoka fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid intern. Fil-fatt, minn naħa, tali rikorrent għandu jkun jista’ jqajjem argumenti intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tad-deċiżjoni adottata bi tweġiba għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid intern. Tali argumenti ma jistgħux, madankollu, ibiddlu s-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba, sabiex ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha. B’mod partikolari, huma ma jistgħux jinkludu argumenti jew provi ġodda li setgħu tqajmu sa mit-talba għal eżami mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, argument li ma tqajjimx fl-istadju tat-talba għal eżami mill-ġdid ma jistax jitqies bħala ġdid, inammissibbli fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk jikkostitwixxi biss l-elaborazzjoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ din it-talba. Sabiex ikun jista’ jitqies bħala estensjoni ta’ motiv jew ta’ ilment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew mal-ilmenti inizjalment spjegati, rabta stretta biżżejjed sabiex ikun jista’ jitqies li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża. Fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita mir-Regolament Nru 1367/2006, tali possibbiltà għandha madankollu tiġi rrikonċiljata mal-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-imsemmija proċedura, b’tali mod li ma tistax tippermetti lil rikorrent ibiddel is-suġġett ta’ din il-proċedura billi jqajjem motivi ġodda jew provi li ma għandhomx rabta suffiċjentement stretta mal-ilmenti mqajma fl-istadju tat-talba għal eżami mill-ġdid. Għalhekk, tali rikorrent ma jistax jinvoka argumenti “kuntestwali” ġodda li jmorru lil hinn mil-loġika ta’ din ir-regola ta’ konkordanza, ħlief jekk jiġi aċċettat li tali argumenti huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2024, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑536/22, taħt appell, EU:T:2024:98, punti 44 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni li tiċħad bħala infondata talba għal eżami mill-ġdid intern, huma biss il-motivi intiżi li juru żbalji ta’ dritt jew ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni b’illegalità, u mhux dawk li jirrigwardaw l-att amministrattiv li għalih kien intalab l-eżami mill-ġdid intern, li huma ammissibbli (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑458/19 P, EU:C:2021:802, punt 49).
31 Bħala prinċipju, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern ma hijiex differenti mill-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-att amministrattiv li kien is-suġġett tal-imsemmija talba jekk dan l-att kellu jkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736, punti 76 u 81).
32 Skont il-ġurisprudenza, meta istituzzjoni tal-Unjoni tintalab twettaq evalwazzjonijiet kumplessi, bħal dawk li fuqhom huwa bbażat it-tfassil ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex sostenibbli mill-perspettiva tal-ambjent, hija jkollha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza tal-motivi ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li dik id-deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk ikunux tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, meta istituzzjoni jkollha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li fosthom hemm l-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, hija ta’ importanza fundamentali (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi, li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att adottat minnha, il-provi insostenn ta’ tali allegazzjoni għandhom ikunu biżżejjed sabiex ixejnu l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati f’dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:442, punt 39, u tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 74).
Fuq l-ewwel motiv, dwar it-tfassil tar-Regolament Delegat
35 Ir-rikorrenti jikkontestaw it-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għat-talba għal eżami mill-ġdid intern dwar ċerti aspetti tat-tfassil tar-Regolament Delegat. Fil-kuntest ta’ tliet partijiet distinti fi ħdan dan il-motiv, huma jsostnu li dawn it-tweġibiet jiksru numru ta’ dispożizzjonijiet.
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 6 sa 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1367/2006
36 Ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġiba tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għat-talba għal eżami mill-ġdid intern dwar ċerti aspetti tat-tfassil tar-Regolament Delegat ma tikkorrispondix għal-livell ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku previst mill-Artikoli 6 sa 8 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 1), u mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1367/2006. L-ewwel, il-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni beda saħansitra qabel l-adozzjoni tar-Regolament 2020/852. It-tieni, ir-rikorrenti jqisu li, filwaqt li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni, huma ma ġewx ikkunsidrati bħala “partijiet ikkonċernati” li l-Kummissjoni kkonsultat. It-tielet, fil-kuntest tat-tieni nofs tas-sena 2020 u matul is-sena 2021, il-kunċett ta’ “informazzjoni u parteċipazzjoni tal-pubbliku” ħa sens differenti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Ir-raba’, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi informazzjoni ġdida li ma hijiex espressa b’mod ċar f’dan ir-regolament delegat u li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li l-pubbliku kellu jiġi informat u kkonsultat f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament delegat.
37 Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tindikax li kkomunikat b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-finijiet tat-tassonomija u waqt it-tfassil tar-Regolament Delegat sabiex jinkisbu kontribuzzjonijiet fuq dan il-punt preċiż. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni lanqas ma tindika l-kontenut ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u l-mod kif dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn huwa possibbli. Huma jsostnu li l-imsemmi regolament delegat jaqa’ tabilħaqq taħt id-definizzjoni ta’ “pjanijiet jew programmi” fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1367/2006.
38 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
39 Fil-punt 48 tar-rikors, ir-rikorrenti jindikaw li “[i]l-legalità tat-tfassil tar-Regolament Delegat hija kkontestata fit-talba [għal eżami mill-ġdid intern] (Anness A.1 tar-rikors, p. 13 u 14)”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-talba tinkludi parti intitolata “Eżami mill-ġdid tat-tħejjija tar-Regolament Delegat” li tibda fil-paġna 13, permezz ta’ paragrafu li jaqra kif ġej: “[ir-rikorrenti] jitolbu li d-dispożizzjonijiet [tal-imsemmi] regolament delegat dwar l-attività [ekonomika] tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ jiġu eżaminati mill-ġdid billi jintużaw l-istadji previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2020/852”. Sussegwentement, ir-rikorrenti qasmu l-argumenti tagħhom f’erba’ sensiliet. Il-parti preżenti tirreferi għat-tielet sensiela ta’ argumenti msemmija fiż-żewġ paragrafi li jaqraw kif ġej:
“It-tielet, l-eżami mill-ġdid tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti għandu jinkludi kemm l-informazzjoni minn qabel lill-pubbliku kif ukoll il-konsultazzjoni tal-pubbliku, kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
B’mod partikolari, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-pubbliku dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti jeħtieġ li jkunu bbażati fuq abbozz ta’ regolament delegat eżaminat mill-ġdid.”
40 Issa, mill-formulazzjoni tal-paragrafi inkwistjoni, moqrija flimkien mal-paragrafu introduttiv, ma jirriżultax li r-rikorrenti jqisu li r-Regolament Delegat ġie adottat mill-Kummissjoni kuntrarjament għall-aspetti speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li huma invokati fih.
41 Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni tal-paragrafi inkwistjoni tindika pjuttost li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni aspetti proċedurali waqt eżami mill-ġdid intern futur tar-Regolament Delegat li hija kellha twettaq.
42 Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, bil-paragrafi inkwistjoni, ir-rikorrenti ma ressqux, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, motivi konkreti u preċiżi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Delegat bħala att amministrattiv, u lanqas ma indikaw il-punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ liġi sostanzjali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-imsemmi regolament delegat bħala att kopert mit-talba għal eżami mill-ġdid intern.
43 Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina motivi oħra għajr dawk ipprovduti mir-rikorrenti mat-tressiq tat-talba għal eżami mill-ġdid intern. B’mod partikolari, hija ma kinitx obbligata teżamina, fuq inizjattiva tagħha stess, motivi potenzjali marbuta mal-informazzjoni u mal-konsultazzjoni tal-pubbliku, waqt it-tfassil u l-adozzjoni tar-Regolament Delegat, li ma ġewx invokati mir-rikorrenti.
44 Għaldaqstant din il-parti ma tistax tintlaqa’.
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006
45 Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma weġbitx għal ċertu numru ta’ punti mressqa fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, u b’hekk kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006. Dawn il-punti huma, l-ewwel, l-obbligu tal-Kummissjoni li tiġbor l-għarfien espert kollu neċessarju qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat, it-tieni, il-fatt li l-opinjoni tal-pjattaforma fuq il-finanzi sostenibbli dwar il-kriterji ta’ eżami tekniku kienet inħarġet wara l-imsemmija adozzjoni u, it-tielet, il-fatt li l-imsemmi regolament delegat kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2486 tas‑27 ta’ Ġunju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom, attività ekonomika tikkwalifika li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar u l-protezzjoni tagħhom, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, jew għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi u għad-determinazzjoni ta’ jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħrajn u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawk l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L, 2023/2486), dwar l-għanijiet ambjentali l-oħra ma ġewx adottati skont l-iskeda prevista mir-Regolament 2020/852, b’tali mod li t-tieni regolament delegat ma kienx disponibbli matul it-tħejjija tal-ewwel regolament delegat.
46 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
47 Mill-proċess isegwi li l-ewwel żewġ punti mressqa mir-rikorrenti (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) jikkonċernaw l-ewwel żewġ sensiela ta’ argumenti stabbiliti fil-parti intitolata “Eżami mill-ġdid tat-tħejjija tar-Regolament Delegat” f’erba’ paragrafi li jaqraw kif ġej:
“L-ewwel, dan l-eżami tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti għandu jinkludi l-pariri tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli previsti fl- [Artikolu 20(2)] tar-Regolament 2020/852.
Bħalissa, ir-rapport tal-[Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli] stess jagħmilha ċara li ‘l-Pjattaforma ngħatat il-kompitu li tiffoka fuq [il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar] u li toħroġ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni għat-tieni abbozz tal-Att Delegat dwar l-attivitajiet sostenibbli għall-għanijiet Ambjentali 3‑6’ [...]
Għalhekk, l-eżami mill-ġdid għandu jinkludi pariri speċifiċi mill-[Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli] dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ta’ kontribut sostanzjali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ għall-ewwel żewġ għanijiet ambjentali, jiġifieri l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima.
Min-naħa l-oħra, mill-punt preċedenti jsegwi li r-Regolament Delegat ma jissodisfax ir-rekwiżit li “tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ, qabel l-adozzjoni” kif previst fl-[Artikolu 23(4)] tar-Regolament 2020/852.”
48 L-ewwel tliet paragrafi inkwistjoni ma jqajmu l-ebda motiv konkret dwar ir-regolarità tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat. Il-fatt li r-rikorrenti jikkunsidraw li dan il-proċess ma seħħx b’mod regolari jirriżulta biss mir-raba’ paragrafu inkwistjoni.
49 B’hekk mill-erba’ paragrafi inkwistjoni jsegwi li l-uniku motiv preċiż u konkret imressaq mir-rikorrenti fit-talba għal eżami mill-ġdid intern kien li jiġi sostnut li l-Kummissjoni kienet aġixxiet f’kontradizzjoni mal-Artikolu 23(4) tar-Regolament 2020/852, billi ma ġabritx l-għarfien espert kollu neċessarju qabel l-adozzjoni u matul it-tfassil tar-Regolament Delegat, peress li l-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli ma kienet tat ebda opinjoni dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-għanijiet ambjentali tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih.
50 Madankollu, fil-punt 3 tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika dan li ġej:
“L-Artikolu 20(2)(a) u l-premessa 38 tar-Regolament [2020/852] jipprevedu li l-Pjattaforma għandha tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, filwaqt li l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 11(4) u l-premessa 54 [tal-istess] regolament jeżiġu li l-Kummissjoni tikkonsulta l-pjattaforma qabel l-adozzjoni tal-atti delegati li jkun fihom il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għal dan it-tibdil. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jispeċifikawx il-modalitajiet jew l-iskeda ta’ żmien tal-konsultazzjoni tal-pjattaforma u jindikaw biss li din il-konsultazzjoni għandha ssir qabel l-adozzjoni tal-atti delegati.
[...]
Abbażi tal-Artikolu 10(4), tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament [2020/852], il-Kummissjoni stiednet lill-pjattaforma, fid‑19 ta’ Novembru 2020, tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-att delegat qabel l-adozzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni ppubblikat l-abbozz ta’ att delegat fl‑20 ta’ Novembru 2020, għal konsultazzjoni pubblika sat‑18 ta’ Diċembru 2020. Fit‑18 ta’ Diċembru 2020, il-pjattaforma ppreżentat il-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta’ att delegat [dokument li issa huwa disponibbli fl-indirizz ‘https://finance.ec.europa.eu/system/files/2020-12/201218-eu-platform-on-sustainable-finance-opinion-taxonomy-delegated-act_en.pdf’] fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika. Konsegwentement, il-pjattaforma ġiet debitament ikkonsultata matul it-tħejjija tal-att delegat u qabel l-adozzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni adottat l-abbozz finali biss fl‑4 ta’ Ġunju 2021 [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
51 Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet ċari, ir-rikorrenti jiżbaljaw sa fejn isostnu li “d-deċiżjoni [kkontestata] ma tikkontestax il-fatt li l-opinjoni tal-pjattaforma li tikkonċerna speċifikament il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar tar-Regolament Delegat futur inħarġet fil‑31 ta’ Awwissu 2021, jiġifieri wara l-[adozzjoni] tar-Regolament Delegat fl‑4 ta’ Ġunju 2021”.
52 Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat sew fid-deċiżjoni kkontestata li l-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli kienet ġiet ikkonsultata u kienet ippreżentat il-kummenti tagħha fit‑18 ta’ Diċembru 2020, jiġifieri qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat, b’tali mod li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens kuntrarju ma humiex fondati.
53 Fir-rigward tat-tielet punt imqajjem mir-rikorrenti (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), dan jikkonċerna r-raba’ sensiela ta’ argumenti stabbiliti fil-parti intitolata “Eżami mill-ġdid tat-tħejjija tar-Regolament Delegat” fi tliet paragrafi li jaqraw kif ġej:
“Ir-raba’, l-eżami tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti għandu jitwettaq fid-dawl tal-għanijiet ambjentali kollha tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2020/852[, meħuda] simultanjament, kif previsti fl-Artikoli 10 sa 15 u [...] 19 tar-Regolament 2020/852, moqrija flimkien.
B’mod konkret, l-ewwel att delegat (li sar ir-Regolament Delegat) dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-ewwel żewġ għanijiet ambjentali (u l-prinċipju [ta’ li ma ssirx ħsara sinifikanti] fir-rigward tal-għanijiet ambjentali l-oħra) kellu jiġi adottat sa mhux iktar tard ‘mill‑31 ta’ Diċembru 2020, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu mill‑1 ta’ Jannar 2022’ (Artikolu 10(6) u Artikolu 11(6) tar-Regolament 2020/852), filwaqt li t-tieni att delegat dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-għanijiet ambjentali l-oħra kellu jiġi adottat sa mhux iktar tard ‘mill‑31 ta’ Diċembru 2021, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu mill‑1 ta’ Jannar 2023’ (paragrafu 5 tal-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament 2020/852).
Fi kliem ieħor, iż-żewġ atti delegati msemmija hawn fuq kellhom [...] jitħejjew u jiġu adottati qabel ma l-ewwel wieħed minnhom (ir-Regolament Delegat) isir applikabbli. L-eżami mill-ġdid tar-Regolament Delegat għandu għalhekk isir b’għarfien tat-tieni att delegat, kif previst inizjalment mir-Regolament 2020/852”.
54 Kif ġustament jirrimarkaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ttrattatx dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija ssostni li, peress li ma ġiex issostanzjat, dan il-punt kien inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx twieġeb għalih.
55 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 6 tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2020/852 jipprevedi effettivament li l-Kummissjoni tadotta l-atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għaż-żewġ għanijiet ambjentali tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih “sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni [tagħhom] mill‑1 ta’ Jannar 2022”. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 5 tal-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament 2020/852 jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra elenkati fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2020/852 “sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2021, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni [tagħhom] mill‑1 ta’ Jannar 2023”.
56 Fir-realtà, ir-Regolament Delegat ġie adottat mill-Kummissjoni biss fl‑4 ta’ Ġunju 2021, iżda huwa tabilħaqq applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2022 (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament delegat). Fir-rigward tar-Regolament Delegat 2023/2486 għall-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra, dan ġie adottat mill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Ġunju 2023. Huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2024 (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat).
57 Għalhekk jirriżulta li l-iskedi ta’ adozzjoni previsti mill-paragrafu 6 tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2020/852, minn naħa, u mill-paragrafu 5 tal-Artikoli 12 sa 15 ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra, ma ġewx osservati.
58 Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Delegat kellu jiġi elaborat b’għarfien tal-kontenut tar-Regolament Delegat 2023/2486 għall-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra. Għalhekk, huma jqisu li l-assenza ta’ disponibbiltà ta’ dan tal-aħħar waqt il-preparazzjoni tar-Regolament Delegat tivvizzja dan tal-aħħar.
59 Issa, il-fatt li r-Regolament Delegat 2023/2486 għall-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra ġie adottat wara r-Regolament Delegat jikkorrispondi għall-iskedi previsti mill-paragrafu 6 tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2020/852, minn naħa, u mill-paragrafu 5 tal-Artikoli 12 sa 15 ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra. Anki li kieku dawn l-iskedi kienu ġew osservati, ir-Regolament Delegat kien jiġi adottat “sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020”, filwaqt li r-Regolament Delegat 2023/2486, għall-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra, kellu jsegwi biss “sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2021”. Għalhekk huwa ċar li s-sekwenza taż-żewġ regolamenti delegati rrakkomandata mill-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament 2020/852 ġiet osservata b’mod sħiħ, anki jekk dawn ir-regolamenti delegati ġew adottati tard.
60 F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi aċċettat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa ammissibbli, kemm fl-istadju tat-talba għal eżami mill-ġdid intern kif ukoll fl-istadju ta’ dan ir-rikors, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun il-bażi ta’ dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament Delegat.
61 Minn dan isegwi li din il-parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(4), tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2020/852
62 Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli, prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2020/852, ma ġietx ikkonsultata korrettament qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 10(4), tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2020/852. Fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax l-affermazzjoni li tinsab fit-talba għal eżami mill-ġdid intern li tgħid li din il-pjattaforma indikat hija stess li hija kienet ingħatat mandat sabiex essenzjalment tittratta l-abbozz ta’ att delegat dwar l-għanijiet ambjentali l-oħra. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni tal-istess pjattaforma ma kinitx tirrigwarda speċifikament il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar preċiżi kif jinsabu fl-imsemmi regolament delegat. Opinjoni dwar dan il-punt inħarġet mill-pjattaforma inkwistjoni biss wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament delegat. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ma tinkludix impenn, min-naħa tal-Kummissjoni, li tirrimedja dan il-ksur għandu wkoll jitqies bħala ksur tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament Nru 1367/2006.
63 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
64 L-allegazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti jikkonċernaw l-ewwel sensiela ta’ argumenti stabbiliti fil-parti intitolata “Eżami mill-ġdid tat-tħejjija tar-Regolament Delegat”.
65 Bħalma tfakkar fil-punti 50 u 52 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tispjega li l-Kummissjoni stiednet lill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ att delegat qabel l-adozzjoni tiegħu, li l-Kummissjoni ppubblikat l-abbozz ta’ att delegat fl‑20 ta’ Novembru 2020, għal konsultazzjoni pubblika sat‑18 ta’ Diċembru 2020 u li, fit‑18 ta’ Diċembru 2020, il-pjattaforma ppreżentat il-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta’ att delegat.
66 Fir-rikors, ir-rikorrenti jirreferu għal dokument ieħor, allegatament iddatat il‑31 ta’ Awwissu 2021, sabiex isostnu żewġ affarijiet. Minn naħa, minn dan id-dokument jirriżulta li l-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli qieset li ngħatat mandat biss sabiex tittratta t-tieni abbozz ta’ att iddelegat dwar l-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-kuntest ta’ dan id-dokument li l-imsemmija pjattaforma tat l-opinjoni tagħha dwar speċifikament il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar tar-“regolament delegat futur”.
67 Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-dokument inkwistjoni, li għalih jirreferu r-rikorrenti, huwa irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, mis-sit internet tal-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli jsegwi li din tal-aħħar ippubblikat abbozz ta’ opinjoni għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar fir-rigward tal-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra sabiex tiġbor osservazzjonijiet fit‑3 ta’ Awwissu 2021, u l-avviż finali ġie ppubblikat fit‑30 ta’ Marzu 2022.
68 Mid-definizzjoni tagħhom stess, l-opinjonijiet imsemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq bl-ebda mod ma jikkonċernaw l-ewwel żewġ għanijiet ambjentali li għalihom ir-Regolament Delegat stabbilixxa kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Għaldaqstant, dawn huma kompletament irrilevanti f’dan il-każ.
69 Għall-bqija, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-opinjoni tal-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli tat‑18 ta’ Diċembru 2020 ma kinitx kompleta sa fejn l-imsemmija pjattaforma sempliċement eżaminat kwistjonijiet ġenerali mingħajr ma ddiskutiet il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar preċiżi. Minn din iċ-ċirkustanza, ir-rikorrenti jiddeduċu li l-annessi tar-Regolament Delegat li jinkludi dawn il-kriterji ma kinux annessi mal-abbozz ta’ regolament delegat mibgħut mill-Kummissjoni lil din il-pjattaforma għal opinjoni.
70 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li kemm l-abbozz tar-regolament delegat kif ukoll l-annessi tiegħu ġew ippreżentati lill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli għal opinjoni fid‑19 ta’ Novembru 2020.
71 F’dan il-każ, mid-data disponibbli fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni jsegwi li l-abbozz ta’ regolament delegat kif ukoll iż-żewġ annessi tiegħu ġew ippubblikati fl‑20 ta’ Novembru 2020 għall-konsultazzjoni pubblika sat‑18 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ma kkomunikatx dawn l-annessi fid‑19 ta’ Novembru 2020 meta stiednet lill-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz, din il-pjattaforma kellha aċċess għall-imsemmija annessi mhux iktar tard mill-jum wara l-jum li fih l-istedina ġiet indirizzata lilha u setgħet teħodha inkunsiderazzjoni sabiex tagħti l-opinjoni tagħha.
72 Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma setgħux jikkonfutaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli ġiet ikkonsultata dwar l-abbozz ta’ regolament delegat u l-annessi tiegħu bid-dettalji tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, huwa, barra minn hekk, irrilevanti li l-imsemmija pjattaforma ma tatx deċiżjoni b’mod iddettaljat dwar l-imsemmija kriterji tekniċi ta’ skrinjar, u sempliċement għamlet osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali.
73 Fil-fatt, għalkemm il-paragrafu 4 tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li, “[q]abel ma jiġi adottat l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Pjattaforma msemmija fl-Artikolu 20 fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu”, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ dawn l-atti delegati meta, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija pjattaforma ma tkunx ħadet pożizzjoni espliċita dwar l-aspetti kollha tal-abbozzi ta’ atti delegati li jkunu ġew ippreżentati lilha għal opinjoni.
74 Konsegwentement, din il-parti għandha tiġi miċħuda, b’tali mod li hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq it-tieni motiv, dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima
75 It-tieni motiv jinqasam f’erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament 2020/852 u, ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852.
76 Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, żewġ approċċi adottati, fil-fehma tagħhom, mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-kriterji ta’ eżami tekniku għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ. Huma jsostnu, essenzjalment, li, billi ddefendiet, fid-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ approċċi minkejja l-argumenti li huma kienu ressqu fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni kisret diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
77 Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li tiġbor fil-qosor dawn iż-żewġ kritiki tar-rikorrenti qabel ma tibda l-analiżi tagħha tal-erba’ partijiet ippreżentati minnhom.
78 Minn naħa, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ ma jipprevedux li l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kilowatt fis-siegħa (kWh) ta’ elettriku prodott mir-riħ ikunu effettivament imkejla u josservaw ċertu limitu. Fil-fatt, il-punt 4.3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat sempliċement jipprevedi bħala kriterju ta’ eżami tekniku għall-kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li “[l]-attività tiġġenera l-elettriku mill-potenza eolika”. Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li dan ifisser b’mod konkret li l-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika huwa kkunsidrat fl-imsemmi regolament delegat bħala li għadu jikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, minkejja ċ-ċirkustanzi preċiżi.
79 Ir-rikorrenti jiddeskrivu din is-sitwazzjoni bħala li tistabbilixxi “eżenzjoni” mill-obbligu li titwettaq miżura kwantitattiva reali tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott mir-riħ u “preżunzjoni” li din l-attività għadha tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
80 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li huwa imperattiv li tittieħed inkunsiderazzjoni l-“intermittenza” tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ. Il-kwantità ta’ enerġija elettrika prodotta bl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari r-riħ, tiddependi miċ-ċirkustanzi meteoroloġiċi, fuq kollox mill-intensità tar-riħ fil-każ tal-enerġija mir-riħ. Konsegwentement, installazzjoni ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ mhux dejjem tqiegħed l-istess potenza elettrika għad-dispożizzjoni tan-netwerk tal-elettriku u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi tal-enerġija elettrika. Din il-potenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tvarja skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi. Għalhekk, sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda għall-enerġija elettrika fi kwalunkwe ħin, ikollhom jintużaw impjanti tal-enerġija oħra sabiex “jikkumpensaw” għas-“sottoġenerazzjoni” ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ.
81 Skont ir-rikorrenti, sabiex jitkejlu korrettament l-emissjonijiet ta’ CO2 li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ dawn l-impjanti l-oħra “li jikkumpensaw” is-“sottoġenerazzjoni” ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ. Issa, ir-Regolament Delegat ma jistabbilixxix obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-emissjonijiet, aspett li r-rikorrenti jikklassifikaw mill-ġdid bħala “eżenzjoni”.
82 Qabel ma jiġu eżaminati l-erba’ partijiet ta’ dan il-motiv, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ittra li huma ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2023.
Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ittra li huma ppreżentaw fir-Reġistru fis‑6 ta’ Diċembru 2023
83 Fis‑6 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru ittra akkumpanjata minn anness, jiġifieri l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Gwida teknika dwar l-applikazzjoni ta’ ‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’ skont ir-Regolament dwar l-Irkupru u r-Reżiljenża” (ĠU C, C/2023/111). Fil-fehma tagħhom, din l-ittra u l-anness tagħha huma ammissibbli, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bħala prova ġdida, peress li l-imsemmija komunikazzjoni saret disponibbli biss wara l-preżentata tar-rikors u wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Huma jqisu, essenzjalment, li din il-komunikazzjoni tikkonferma l-argumenti tagħhom insostenn tat-tieni motiv, li jgħidu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura intermittenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, kif ukoll dawk li permezz tagħhom huma jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx in-newtralità teknoloġika.
84 Fit‑12 ta’ Diċembru 2023, ir-Reġistru informa lill-partijiet, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet mistiedna tieħu pożizzjoni, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dwar l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-ittra ppreżentata fir-Reġistru mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Diċembru 2023 u tal-anness tagħha.
85 F’dan ir-rigward, waqt is-sottomissjonijiet orali tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Hija ssostni li l-komunikazzjoni annessa mal-ittra ppreżentata fir-Reġistru mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Diċembru 2023 hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, irrilevanti.
86 Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.
87 Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll għall-ilmenti jew għall-argumenti (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 Bħalma tfakkar fil-punt 83 iktar ’il fuq, fl-ittra li ġiet ippreżentata fir-Reġistru fis‑6 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-komunikazzjoni annessa mal-imsemmija ittra tikkonferma l-argumenti tagħhom insostenn tat-tieni motiv, li jgħidu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura intermittenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, kif ukoll dawk li permezz tagħhom huma jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx in-newtralità teknoloġika. Sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw l-argumenti li jinsabu f’din l-ittra fuq il-komunikazzjoni li kienet annessa magħha, huma jressqu għalhekk argumenti ġodda, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
89 Bħalma tfakkar ukoll fil-punt 83 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti huma tal-opinjoni li l-ittra li huma ppreżentaw fir-Reġistru fis‑6 ta’ Diċembru 2023 u l-anness tagħha huma ammissibbli, peress li l-komunikazzjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-anness u li fuqha huma bbażati l-argumenti l-ġodda mressqa fl-imsemmija ittra saret disponibbli biss wara l-preżentata tar-rikors u wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura f’dan il-każ. Għalhekk, huma jsostnu, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxi punt ta’ liġi jew ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u li għalhekk jiġġustifika l-preżentazzjoni tal-argumenti l-ġodda li jinsabu f’din l-ittra.
90 Issa, għalkemm huwa minnu li l-komunikazzjoni inkwistjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali biss fil‑11 ta’ Ottubru 2023 u għalhekk biss wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura f’dan il-każ, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tar-Reġistru bid-data tal‑4 ta’ Mejju 2023, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ siltiet preċiżi ta’ din il-komunikazzjoni, li għalihom jirreferu r-rikorrenti, jiġifieri l-ewwel u t-tielet paragrafu fil-punt 2.4, intitolat “Prinċipji ta’ gwida għall-valutazzjoni [tal-prinċipju ‘la tagħmilx ħsara sinjifikattiva’]” kienu diġà inklużi b’mod identiku f’verżjoni preċedenti ta’ din il-komunikazzjoni li kienet diġà ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit‑18 ta’ Frar 2021 (ĠU 2021, C 58, p. 1), u għalhekk qabel il-preżentata tar-rikors.
91 Peress li s-siltiet inkwistjoni kienu għalhekk diġà ġew ippubblikati qabel il-preżentata tar-rikors, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Is-sempliċi pubblikazzjoni mill-ġdid tagħhom wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ma tistax tbiddel din il-konstatazzjoni.
92 Minn dan isegwi li l-argumenti li jinsabu fl-ittra ppreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru fis‑6 ta’ Diċembru 2023 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr il-ħtieġa li tiġi analizzata l-ammissibbiltà ta’ din l-ittra bħala tali u lanqas dik tal-komunikazzjoni li kienet annessa magħha.
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852
93 Ir-rikorrenti jqisu li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, ir-Regolament Delegat ma jistabbilixxix obbligu li jitwettaq kejl kwantitattiv reali tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott mill-enerġija mir-riħ, u lanqas kejl tal-impatt tal-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott, bis-sorsi kollha ta’ enerġija mħallta. Dan ir-regolament delegat huwa bbażat, għall-kuntrarju, fuq preżunzjoni li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ hija kompatibbli mar-rekwiżiti tar-Regolament 2020/852.
94 Skont ir-rikorrenti, tali approċċ jevita t-tfittxija u l-eżami ta’ elementi xjentifiċi konklużivi dwar din l-attività, li ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u ma jwassalx sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli, li huwa kuntrarju għall-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852 u l-Artikolu 191(1) TFUE. Dan l-approċċ lanqas ma jikkostitwixxi użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u ma għandux jitqies li jistabbilixxi li l-attività tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fis-sens tal-Artikolu 191 TFUE. B’dan il-mod, livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu ma humiex żgurati konformement mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, kuntrarjament għall-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
95 Ir-rikorrenti jsostnu li l-istudju tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ma jistax jitqies li jippreżenta data xjentifika li tista’ tagħti lok għal kriterji tekniċi ta’ skrinjar fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament 2020/852. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament jagħmel riferiment għal analiżi fil-livell ta’ settur (f’dan il-każ dak tal-elettriku) u għall-ħtieġa li r-riżultati tal-attivitajiet fi ħdan settur jitqabblu fir-rigward tal-kontribut rispettiv tagħhom għall-għanijiet ambjentali. Huma jqisu li l-emissjonijiet ta’ CO2 għall-ġenerazzjoni ta’ kWh ta’ elettriku skont is-sors u f’ħin reali huma faċilment disponibbli.
96 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
97 Mill-proċess isegwi li, fil-parti intitolata “Ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti ressqu dan li ġej:
“L-ewwel, id-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tikkostitwixxix ‘kriterju tekniku ta’ skrinjar’ fis-sens tar-Regolament 2020/852 u għalhekk ma tissodisfax ir-rekwiżit tar-Regolament 2020/852 fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
B’mod partikolari, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2020/852 jeżiġi li kull attività ‘tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f’livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima li jkun konsistenti mal-mira fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew billi jiżdiedu l-assorbimenti tal-gassijiet serra’.
Ir-Regolament Delegat la jinkludi u lanqas isemmi prova li l-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti, u sa liema punt, għall-istabbilizzazzjoni, għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew għaż-żieda fl-eliminazzjoni tal-gassijiet serra.
Din l-assenza ta’ prova hija rilevanti fid-dawl tal-għan tar-Regolament 2020/852 u tal-‘kriterji tekniċi ta’ skrinjar’ li għandu jinkludi.
Minn naħa, ir-Regolament 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima) li jintroduċi għanijiet vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jirreferi espressament għar-Regolament 2020/852 sabiex jiġi evalwat il-progress lejn it-twettiq ta’ dan l-għan.
Min-naħa l-oħra, ir-Regolament 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika jimplika wkoll li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-kontributi rispettivi tagħhom għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u mhux preżunti li jagħmlu dan.
It-tieni, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dikjarazzjoni tikkostitwixxi kriterju tekniku ta’ skrinjar, fir-realtà din hija ipoteżi u mhux kriterju. Dan il-qari huwa kkonfermat mill-formulazzjoni tal-[anness tekniku] anness mar-rapport tal-grupp ta’ esperti tekniċi, li jindika li ‘l-enerġija mir-riħ hija attwalment suġġetta għal deroga mit-twettiq ta’ evalwazzjoni [tal-impronta tal-karbonju tal-prodott] jew [tal-gassijiet serra] matul iċ-ċiklu tal-ħajja, bla ħsara għal eżami mill-ġdid regolari skont il-limitu tat-tnaqqis. L-enerġija mir-riħ bħalissa hija meqjusa eliġibbli għat-tassonomija, li hija suġġetta għal eżami mill-ġdid regolari’ (paġna 218).
It-tielet, ir-raġunament propost fl-[anness tekniku] anness mar-rapport tal-grupp ta’ esperti tekniċi taħt it-titolu ‘Raġuni’ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-intermittenza tal-attività (dipendenza fuq ir-riħ u disponibbiltà u emissjonijiet li jirriżultaw mill-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku standby).
Fi kliem ieħor, in-natura tal-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ tfisser li l-kwistjoni dwar jekk tistax titqies ambjentalment sostenibbli jew le għandha tqis kemm il-livell previst ta’ intermittenza, peress li se jvarja skont l-istruttura tar-riħ ġeneralment disponibbli u sorsi oħra ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku (fl-Istat Membru kkonċernat), kif ukoll il-prestazzjonijiet tagħhom f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jaffettwaw ukoll il-kontenut ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-elettriku li jkun sar disponibbli għall-konsum.
Ir-raba’, l-affermazzjoni li ‘[l]-attività tipproduċi l-elettriku mir-riħ’ hija bbażata biss fuq il-perspettiva tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b’kuntrast mal-konsum tal-elettriku.
Filwaqt li l-miżura effettiva intiża sabiex tiddetermina jekk ġenerazzjoni tal-elettriku partikolari tagħtix kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jiġifieri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fil-kuntest tal-konsum finali gross tal-enerġija kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2018/2001, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.
B’mod konkret, ir-Regolament Delegat jittratta biss l-investimenti fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, jiġifieri l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn dan is-sors. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis effettiv tal-gassijiet serra u għalhekk l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni sostanzjali għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima ma jistgħux jitkejlu biss mill-perspettiva tal-livell tal-gassijiet serra fil-konsum tal-enerġija, f’dan il-każ tal-elettriku.
Din id-differenza bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum tal-elettriku kellha tiġi indirizzata fir-Regolament Delegat u għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid intern mitlub.
Il-ħames u fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni tad-delega ma hijiex sostnuta minn prova jew prova.”
98 Bħall-Kummissjoni, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma jsemmu l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852 fil-parti intitolata “Ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” tat-talba għal eżami mill-ġdid intern. Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati fir-rikors ibbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet huma ġodda u għalhekk inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq. Lanqas ma hemm riferiment għall-Artikolu 191 TFUE fl-imsemmija talba, b’tali mod li l-argumenti bbażati fuq din id-dispożizzjoni huma wkoll ġodda u għalhekk inammissibbli.
99 Fi kwalunkwe każ, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu fil-kuntest ta’ din il-parti, essenzjalment, li r-Regolament Delegat ma huwiex ibbażat fuq elementi xjentifiċi konklużivi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, mill-punt 77 tar-rikors isegwi b’mod ċar, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li r-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u mhux dik tal-imsemmi regolament delegat.
100 Fil-punt 1.1 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kriterju tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ġej:
“L-att delegat jiddefinixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar applikati għall-valutazzjoni tal-kontribut sostanzjali u l-prinċipju [‘la tagħmilx ħsara sinjifikattiva’ (DNSH)) fir-rigward tal-għanijiet ambjentali speċifiċi għall-attivitajiet ekonomiċi individwali. Il-kontribut sostanzjali għall-għanijiet ambjentali huwa ddefinit fl-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament [2020/852], filwaqt li l-ħsara sinjifikattiva lill-għanijiet ambjentali hija ddefinita fl-Artikolu 17 [tal-imsemmi regolament]. Il-portata eżatta tal-attivitajiet ekonomiċi hija ddefinita fl-att delegat. Peress li [dan ir-regolament] jirrigwarda prinċipalment l-attivitajiet ekonomiċi, ma kienx possibbli li l-portata tal-valutazzjoni tiġi estiża għal analiżi tas-sistema kollha. Kull attività ġiet ivvalutata għall-kontribut sostanzjali tagħha għall-għanijiet klimatiċi u għall-ħsara sinjifikattiva kkawżata lil għanijiet ambjentali oħra, mingħajr ma ġew ivvalutati l-attivitajiet l-oħra li huma relatati magħhom. Fil-kuntest ta’ dan l-approċċ, ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-attivitajiet.
Il-valutazzjoni tal-Impatt dwar it-Tibdil fil-Klima mehmuża mal-att delegat tispjega r-raġunament wara l-applikazzjoni ta’ limitu kwantitattiv ta’ 100 g ta’ CO2 għal kull kWh, teknoloġikament newtrali u bbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, għall-attivitajiet kollha ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku. Hija tippreżenta wkoll il-ġustifikazzjoni mressqa biex tinħoloq deroga mill-obbligu li jitwettaq kalkolu tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u eżenzjoni de facto mill-obbligu li jiġi osservat il-limitu teknoloġikament newtrali. Abbażi ta’ evidenza xjentifika konklużiva, ippreżentata b’mod partikolari mill-IPCC [...] u bbażata fuq data globali dwar l-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tat-teknoloġiji tal-provvista tal-elettriku, il-Kummissjoni – f’konformità mal-approċċ tal-[Grupp ta’ Esperti Tekniċi (GET)] – iddeċidiet li teżenta ċerti attivitajiet minn dan il-limitu. Dawn il-każijiet huma limitati għal dawk fejn il-medjan globali tal-emissjonijiet għal kull ċiklu tal-ħajja kien inqas minn 100 g ta’ CO2 għal kull kWh. Skont id-data tal-IPCC, l-emissjonijiet ta’ [gassijiet serra (GHG)] għal kull ċiklu tal-ħajja tal-enerġija mir-riħ (kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar) huma ferm taħt il-livell limitu (emissjonijiet massimi ta’ 56 g ta’ CO2 għal kull kWh). Il-limitu huwa għalhekk dejjem osservat mill-attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ u r-rekwiżit applikabbli li jifdal huwa limitat għall-kalkolu taċ-ċiklu tal-ħajja skont waħda mit-tliet teknoloġiji alternattivi. Fid-dawl tar-riżultati tar-riċerka tal-IPCC dwar l-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, ir-rikonoxximent li l-kriterji ser jitnaqqsu għal proċedura amministrattiva f’ċerti attivitajiet b’emissjonijiet baxxi u d-direzzjoni tal-politika tal-enerġija Ewropea – li tippromwovi l-użu rapidu tal-enerġija rinnovabbli u tqis ir-rekwiżit tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament [2020/852] li l-kriterji għandhom ikunu faċli biex jintużaw –, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżenta l-enerġija mir-riħ mill-obbligu li tikkonforma mal-kriterji tekniċi kwantitattivi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
101 Għalhekk, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom hija kienet għażlet li tfassal il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, fir-rigward tal-kriterju tal-kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif għamlet fir-Regolament Delegat. Hija għamlet riferiment għall-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat l-imsemmi regolament delegat u li minnha jirriżulta li hija kienet ibbażat ruħha fuq elementi xjentifiċi konklużivi, ippreżentati b’mod partikolari mill-IPCC.
102 Fil-punt 77 tar-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, “[għ]alkemm l-istudji ċċitati [mill-Kummissjoni] huma ta’ natura li jiġġustifikaw iż-żewġ eżenzjonijiet u l-preżunzjoni, [dawn] madankollu ma jikkostitwixxux data xjentifika li tista’ tagħti lok għal ‘kriterji tekniċi ta’ skrinjar’ fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament 2020/852”. Huma jqisu li din hija “kontradizzjoni” (punt 78 tar-replika) u li dispożizzjoni preċiża tar-Regolament 2020/852 kienet tobbliga lill-Kummissjoni twettaq “analiżi fil-livell tas-settur (f’dan il-każ dak tal-elettriku), iżda wkoll [li] tqabbel ir-riżultati tal-attivitajiet f’settur meta mqabbla mal-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għall-għanijiet ambjentali” (punt 80 tar-replika), aspett li “[i]ż-żewġ eżenzjonijiet u l-preżunzjonijiet” irendu impossibbli (punt 81 tar-replika).
103 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li t-test iċċitat mir-rikorrenti fil-punt 79 tar-replika fir-realtà jirriżulta mill-Artikolu 19(1)(j) tar-Regolament 2020/852 u mhux mill-Artikolu 19(1)(f), kif jindikaw huma. Issa, din l-ewwel dispożizzjoni qatt ma ssemmiet fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, u lanqas fir-rikors dwar din il-parti. L-argumenti bbażati fuq din id-dispożizzjoni huma għalhekk inammissibbli.
104 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jirrikonoxxu espliċitament, fil-punt 77 tar-replika, li mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni fil-fatt ibbażat ruħha fuq data xjentifika. Għalhekk, huma jikkontradixxu l-argument tagħhom li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq data xjentifika konklużiva. Barra minn hekk, l-argumenti l-oħra mressqa fir-replika, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma humiex konformi mar-Regolament 2020/852 għal raġunijiet oħra, huma inammissibbli, peress li huma ġodda.
105 Peress li r-rikorrenti għalhekk irrikonoxxew li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar fir-rigward tal-kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ huma bbażati fuq data xjentifika konklużiva, din il-parti għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852
106 Ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn ir-Regolament Delegat ma jistabbilixxix obbligu li jitwettaq kejl kwantitattiv reali tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott mir-riħ u lanqas kejl tal-impatt tal-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott, is-sorsi kollha ta’ enerġija mħallta, huwa ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament 2020/852, li jipprovdi li għandu jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-attività tikkontribwixxi b’mod sostanzjali sabiex jiġu stabbilizzati l-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera. L-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li ma kienx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza, juru li din hija fatt magħruf mill-Kummissjoni. Hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħadithiex inkunsiderazzjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni jkun ifisser li tiġi evitata valutazzjoni globali tal-impatt ambjentali tal-attività kollha kemm hi. Sussidjarjament, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmi regolament billi ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tipproċedi għal kejl kwantitattiv reali tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku prodott mir-riħ u lanqas għal kejl tal-impatt tal-intermittenza.
107 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
108 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-rikors jistgħu jagħtu l-impressjoni li jikkritikaw ir-Regolament Delegat, mill-punt 82 tar-rikors isegwi b’mod inekwivoku li dawn iqisu li t-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għat-talba għal eżami mill-ġdid intern hija kuntrarja għall-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jitqiesu li jirrigwardaw l-imsemmija deċiżjoni.
109 L-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li “Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat [...] biex [...] tissupplimenta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat taħt liema kundizzjonijiet attività ekonomika speċifika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”.
110 L-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852 jagħmel riferiment biss għal “taħt liema kundizzjonijiet” attività titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati billi jsostnu li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija “[intiża] sabiex tiddetermina jekk u sa liema punt l-attività” tagħti tali kontribuzzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għall-idea ta’ evalwazzjoni neċessarjament kwantitattiva, fis-sens tal-osservanza ta’ limitu ddefinit.
111 Barra minn hekk, fit-tieni paragrafu ċċitat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li hija kienet tqis, għar-raġunijiet indikati fl-analiżi tal-impatt tar-Regolament Delegat, li kull attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku (jiġifieri t-teknoloġiji kollha flimkien) li tikkawża emissjonijiet taħt limitu ta’ 100 g ta’ CO2 għal kull kWh ibbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
112 Ir-rikorrenti ma pproduċewx elementi fit-talba għal eżami mill-ġdid intern jew fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li jikkontestaw il-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq li fuqha huwa bbażat l-approċċ segwit mill-Kummissjoni.
113 Sussegwentement, fit-tieni paragrafu ċċitat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat li mid-data tal-IPCC kien isegwi li “l-emissjonijiet ta’ [gassijiet serra] għal kull ċiklu tal-ħajja tal-enerġija mir-riħ (kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar) huma ferm taħt il-livell limitu (emissjonijiet massimi ta’ 56 g ta’ CO2 għal kull kWh)”.
114 Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi għalhekk li l-Kummissjoni applikat limitu kwantitattiv. Peress li dan tal-aħħar huwa dejjem osservat mill-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, hija madankollu qieset, essenzjalment, li kien inutli li tiġi evalwata l-osservanza tagħha f’kull każ speċifiku.
115 L-uniku argument imressaq mir-rikorrenti li jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-limitu ta’ 100 g ta’ CO2 għal kull kWh (bħala tali mhux ikkontestat mir-rikorrenti, ara l-punt 112 iktar ’il fuq) huwa dejjem osservat mill-ġenerazzjoni ta’ elettriku mir-riħ huwa bbażat fuq l-“intermittenza” tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
116 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, fl-ewwel paragrafu ċċitat fil-punt 100 iktar ’il fuq, li huwa r-Regolament Delegat li jiddefinixxi l-portata eżatta tal-attivitajiet ekonomiċi differenti. Fil-fehma tagħha, “[p]eress li r-Regolament [2020/852] jirrigwarda prinċipalment l-attivitajiet ekonomiċi, ma kienx possibbli li tiġi estiża l-portata tal-evalwazzjoni għal analiżi fil-livell tas-sistema”, “[k]ull attività ġiet evalwata għall-kontribut sostanzjali tagħha għall-għanijiet klimatiċi u għad-dannu materjali kkawżat lil għanijiet ambjentali oħra, mingħajr ma ġew evalwati l-attivitajiet l-oħra marbuta magħhom” u, “[f]il-kuntest ta’ dan l-approċċ, ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-attivitajiet”.
117 Qabelxejn, minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2020/852 isegwi b’mod inekwivoku li dan huwa bbażat fuq l-idea li huma “attivitajiet ekonomiċi” preċiżi li huma s-suġġett tal-kriterji previsti minn jew abbażi ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi evalwat jekk dawn l-“attivitajiet ekonomiċi” humiex ikkunsidrati bħala ambjentalment sostenibbli.
118 Fil-fatt, l-ewwel, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li dan ir-regolament “jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment”.
119 It-tieni, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/852 jipprovdi li “attività ekonomika għandha tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli fejn dik l-attività ekonomika” tissodisfa ċerti kundizzjonijiet.
120 It-tielet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2020/852, “[a]ttività ekonomika għandha tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn dik l-attività tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f’livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima [...] billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew billi jiżdiedu l-assorbimenti tal-gassijiet serra”.
121 Ir-raba’, skont l-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852, att delegat jiġi adottat mill-Kummissjoni sabiex “tissupplimenta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi determinat taħt liema kundizzjonijiet attività ekonomika speċifika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”.
122 Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni strutturat ir-Regolament Delegat billi pprovdiet, fl-Annessi I u II tiegħu, punti għal kull attività ekonomika li huwa jsemmi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx dan l-approċċ.
123 Fil-punt 4.3 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat, intitolat “Il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-potenza eolika”, il-Kummissjoni tat id-“[d]eskrizzjoni tal-attività” li ġejja: “Il-kostruzzjoni jew it-tħaddim ta’ faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li jipproduċu l-elettriku mill-potenza eolika”.
124 Għalhekk huwa ċar li l-attività ekonomika inkwistjoni hija ddefinita b’tali mod li, minn naħa, hija tkopri biss il-ġenerazzjoni tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, l-uniku sors ta’ enerġija rilevanti huwa l-enerġija mir-riħ. Min-naħa l-oħra, ma humiex koperti minn din l-attività ekonomika, minn naħa, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ elettriku lil klijenti finali u lanqas, min-naħa l-oħra, il-ġenerazzjoni ta’ elettriku minn sorsi oħra ta’ enerġija.
125 Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija mir-riħ kienet “intermittenti”, fis-sens li ma kinitx tirrigwarda potenza elettrika kontinwa, iżda potenza li tvarja skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi.
126 Madankollu, il-Kummissjoni qieset li “ma [kienx] possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza”, peress li, essenzjalment, il-“kumpens” għas-“sottoġenerazzjoni” ta’ elettriku ta’ impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku mir-riħ permezz ta’ sorsi oħra ta’ enerġija ma kienx jagħmel parti minn din l-ewwel attività u li tali “attivitajiet oħra” hekk “marbuta” ma kinux ser jiġu evalwati f’dan il-kuntest.
127 Din il-pożizzjoni ma għandhiex żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
128 Minn naħa, fid-dawl tal-punti 117 sa 122 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni ġustament li, skont ir-Regolament 2020/852, attività ekonomika għandha bħala prinċipju tiġi evalwata individwalment.
129 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament issostni wkoll li jkun diffiċli ħafna li tiġi kkwantifikata l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ u li jiġi stabbilit l-effett tagħha.
130 Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu, kif isostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, li data storika eżistenti turi ċerta varjazzjoni tal-ġenerazzjoni totali tal-elettriku mir-riħ f’ċerti żoni ġeografiċi, xorta jibqa’ l-fatt li tali data statistika relatata ma’ żoni ġeografiċi pjuttost wiesgħa ma tippermettix li tiġi dedotta b’ċertezza l-ġenerazzjoni futura reali ta’ impjant preċiż ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
131 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-effett tal-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ jiddependi qabel kollox mit-teknoloġiji li jkunu involuti sabiex tiġi kkumpensata ġenerazzjoni possibbilment baxxa ta’ enerġija mir-riħ. Issa, ma huwiex possibbli li jiġu mbassra t-teknoloġiji eżatti li jkunu involuti sabiex tiġi kkumpensata l-ġenerazzjoni baxxa ta’ enerġija mir-riħ permezz ta’ impjant preċiż.
132 Fit-tielet lok, dawn huma, fi kwalunkwe każ, fatturi li ma humiex f’idejn dawk li jeżerċitaw l-attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ. Issa, tali fatturi esterni, li huwa diffiċli li jiġu stabbiliti, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-operaturi ta’ impjant ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ mingħajr ma jinħolqu diffikultajiet partikolari għal dawn l-operaturi. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan imur kontra l-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament 2020/852, li minnu jirriżulta li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar “ikunu faċli biex jintużaw u jitfasslu b’mod li jiffaċilita l-verifika tal-konformità magħhom”.
133 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
134 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-limitu ta’ 100 g ta’ CO2 għal kull kWh huwa dejjem osservat mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punti 114 u 115 iktar ’il fuq).
135 Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma applikatx limitu kwantitattiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħal din il-parti li ġie ppreżentat insostenn tagħha.
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament 2020/852
136 Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament 2020/852, u lanqas il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika li fih, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1)(j) tal-istess regolament, li jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiżgura li l-attivitajiet jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament jekk dawn jikkontribwixxu b’mod ugwali għat-twettiq ta’ għan ambjentali wieħed jew diversi. L-approċċ adottat mill-Kummissjoni huwa l-oppost tan-newtralità teknoloġika inkwantu hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-intermittenza. Din l-intermittenza hija karatteristika li tiddetermina l-livell tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku kkonċernata kollha hemm hi. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kWh prodotta minn sorsi ta’ elettriku alternattivi li jikkumpensaw l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
137 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
138 Għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li t-talba għal eżami mill-ġdid intern ma tinkludi strettament xejn li jista’ jiġi interpretat bħala li jsostni li “prinċipju ta’ newtralità teknoloġika” allegatament previst mill-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament 2020/852, jew li l-ugwaljanza fit-trattament ta’ attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod ugwali għat-twettiq ta’ għan ambjentali wieħed jew diversi, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(j) tal-istess regolament, ma ġewx osservati.
139 Konsegwentement, l-argumenti mressqa insostenn ta’ din il-parti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li huma ġodda, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq.
140 Din il-parti għandha għalhekk tiġi miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852
141 Ir-rikorrenti jsostnu li, billi ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata li ma kienx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852 li kien jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kellhom jiggarantixxu li l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw karburanti fossili solidi ma kinux ikkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. L-intermittenza hija karatteristika inevitabbli tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ, filwaqt li l-konsum tal-elettriku jeħtieġ provvista kostanti u fuq talba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tevalwa jekk u sa liema punt il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn karburanti fossili solidi ma titqiesx de facto bħala ambjentalment sostenibbli. Il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi kriterju ta’ eżami tekniku speċifiku sabiex tiżgura li l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ ma kinitx timplika l-użu sistematiku ta’ karburanti fossili solidi mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku użati min-netwerk tal-elettriku sabiex tikkumpensa għall-intermittenza.
142 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
143 Bħalma ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal eżami mill-ġdid intern ma tgħid xejn fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852 u li r-rikorrenti ma sostnewx, fl-imsemmija talba, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma kinux jeskludu li attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw karburanti fossili solidi jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.
144 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali argument, ibbażat espressament fuq l-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852, lanqas ma jista’ jitqies bħala s-sempliċi amplifikazzjoni tal-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti, minn naħa, jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ u, min-naħa l-oħra, jagħmlu riferiment għar-rwol ta’ din l-attività fil-ġenerazzjoni globali tal-elettriku. Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmi regolament li ġie eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, filwaqt li din il-parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament. Peress li l-bażijiet legali rispettivi invokati mir-rikorrenti huma differenti, ma jistax jiġi sostnut li din il-parti għandha rabta suffiċjentement stretta mat-tieni parti tat-tieni motiv sabiex tkun tista’ titqies li tirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq.
145 Konsegwentement, l-argumenti mressqa insostenn ta’ din il-parti kif ukoll din tal-aħħar għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li huma ġodda, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq.
146 Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq it-tielet motiv, dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima
147 Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti argumenti mressqa fit-talba għal eżami mill-ġdid intern fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiġi evalwata l-kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u b’dan il-mod kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006. L-ewwel, il-Kummissjoni ma eżaminatx u wisq inqas ikkontestat l-affermazzjoni, li tinsab fl-imsemmija talba, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar adottati fir-Regolament Delegat kienu f’kontradizzjoni mal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament 2020/852. It-tieni, hija lanqas ma wieġbet għall-argumenti, ifformulati f’din it-talba, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma kinux preċiżi biżżejjed, peress li kunċetti, bħal dawk ta’ “soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi li jnaqqsu b’mod sostanzjali r-riskji klimatiċi fiżiċi l-iktar sinjifikattivi li huma importanti għal din l-attività”, ma ġewx iddefiniti. It-tielet, hija ma weġbitx għall-argument dwar l-assenza ta’ metodu ta’ verifika tal-kontribuzzjoni sostanzjali u tad-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “indikaturi ddefiniti minn qabel”. Ir-raba’, hija ma qalet xejn dwar il-kwistjoni jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-enerġija mir-riħ tiddependi mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi. Il-ħames, hija ma qalet xejn fuq il-kwistjoni dwar jekk l-attività kellhiex tiġi ddefinita mill-perspettiva tal-konsum tal-enerġija.
148 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
149 Bħalma rrikonoxxew ukoll ir-rikorrenti waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, mill-formulazzjoni tat-tielet motiv isegwi li dawn sempliċement jallegaw li l-Kummissjoni ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti argumenti li jinsabu fit-talba għal eżami mill-ġdid intern.
150 L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi li “ [l-]istituzzjoni [...] [tal-Unjoni] għandhom jikkunsidraw kull talba [għal eżami mill-ġdid intern] [...] L-istituzzjoni [...] għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom f’risposta bil-miktub”.
151 Hemm lok li dan l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet għat-tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 jiġi interpretat bl-istess mod bħall-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
152 Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti ġuridiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati u, min-naħa l-oħra, li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprevedi l-obbligu, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.
153 Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari ħafna, sa fejn din tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk għandhiex l-intenzjoni li tippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, hija tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).
154 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
155 Għalhekk, huwa rrikonoxxut li motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti Ġenerali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, EU:T:2011:363, punt 302 u l-ġurisprudenza ċċitata).
156 Minn dan isegwi li r-rikorrenti jiżbaljaw meta jikkunsidraw, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet obbligata twieġeb separatament għal kull punt preċiż imqajjem fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Sa fejn isegwi b’mod impliċitu mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ċaħdet punt imqajjem mir-rikorrenti fl-imsemmija talba, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 billi ma weġbitx separatament għal dan il-punt.
157 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qalet xejn dwar l-allegata kontradizzjoni bejn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament 2020/852.
158 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għas-siltiet segwenti tat-talba għal eżami mill-ġdid intern:
“L-ewwel, l-erba’ punti ppreżentati bħala kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jindirizzaw l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2020/852 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima:
[...]
Kif inhuma fformulati bħalissa, l-erba’ punti ma jippermettux li jiġi ddeterminat sa liema punt il-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ tista’ tikkontribwixxi għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi evalwat jekk tali kontribuzzjoni tistax titqies bħala sostanzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
159 Fid-dawl tas-siltiet inkwistjoni, li għalihom jagħmlu riferiment espliċitament ir-rikorrenti, huwa manifest li dan l-argument ifformulat fir-rikors għandu jinftiehem bħala li jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kritika fformulata fit-talba għal eżami mill-ġdid intern li tgħid li, essenzjalment, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma humiex kwantitattivi u, minħabba f’hekk, la jippermettu li tiġi evalwata l-portata tal-kontribuzzjoni għall-adattament għat-tibdil fil-klima u lanqas jekk din il-kontribuzzjoni hijiex sostanzjali.
160 Taħt it-titolu “Ġenerazzjoni ta’ elettriku mir-riħ dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsab fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat dan li ġej:
“L-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima previst fl-Appendiċi A tal-Anness I u fl-Anness II tar-Regolament Delegat huwa spjegat fil-[punti] 1.2 u 2.3 tal-Anness III iktar ’il fuq, bi tweġiba għall-allegazzjonijiet magħmula minn applikant ieħor [għal eżami mill-ġdid intern] magħmula fil-punti 106 u 107, 161 sa 177 u 381 sa 389 tat-talba ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni tispjega hemmhekk li l-approċċ tagħha dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa konformi [mal-Artikolu] 11(1), [mal-Artikolu] 17(1)(b) u [mal-Artikolu] 19(1) tar-[Regolament 2020/852]. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-partijiet tat-tweġiba tal-Kummissjoni, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti [kienu] infondati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
161 Fil-punt 1.2 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Il-kriterji dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:
“L-approċċ tal-Kummissjoni huwa spjegat fil-paġni 30 [u] 31 tal-valutazzjoni tal-impatt fuq it-tibdil fil-klima mehmuża mal-att delegat, li jindika:
[...]
Għal kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, huma stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar uniformi u prinċipalment kwalitattivi u orjentati lejn il-proċess għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet adattati, kif ukoll kriterji speċifiċi u mfassla apposta għal numru limitat ta’ attivitajiet abilitanti. In-natura essenzjalment kwalitattiva tal-kriterji tirriżulta mill-assenza ta’ parametri referenzjarji mkejla jew ta’ parametri aċċettati biex jiġu ddefiniti kriterji kwantitattivi ta’ skrinjar għall-adattament f’dan l-istadju, u mill-assenza relattiva ta’ għanijiet kwantitattivi ta’ adattament iddefiniti fil-livell nazzjonali, settorjali jew sottonazzjonali. Id-definizzjoni ta’ kriterji uniformi u kwalitattivi għall-attivitajiet adattati, koerenti fis-setturi kollha tal-ekonomija, kienet sostnuta wkoll mill-kummenti dwar l-adattament irċevuti mill-partijiet ikkonċernati fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet tal‑2019 tal-[GET] [...]
Minn dan l-estratt jirriżulta li:
[...]
In-natura essenzjalment kwalitattiva tal-kriterji tirriżulta mill-assenza ta’ parametri referenzjarji mkejla jew ta’ parametri aċċettati biex jiġu ddefiniti kriterji kwantitattivi ta’ skrinjar għall-adattament f’dan l-istadju, u mill-assenza relattiva ta’ għanijiet kwantitattivi ta’ adattament iddefiniti fil-livell nazzjonali, settorjali jew sottonazzjonali.
Dan l-approċċ huwa konformi mal-awtorizzazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament [2020/852] u mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 19(1) [ta’ dan ir-regolament], b’mod partikolari r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 19(1)(c) [tiegħu], li jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom ‘ikunu kwantitattivi u kemm jista’ jkun jinkludu limiti, u b’mod ieħor ikunu kwalitattivi’.
Għalhekk, il-Kummissjoni ma abbużatx mis-setgħat delegati tagħha meta ddeċidiet li:
[...]
tipprevedi regoli uniformi ta’ natura kwalitattiva għall-attivitajiet adattati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
162 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat sew għaliex hija kienet stabbilixxiet kriterji tekniċi ta’ skrinjar ta’ natura kwalitattiva iktar milli kwantitattiva. Fiha hija spjegat ukoll li hija kienet tqis li dan l-approċċ kien konformi mar-Regolament 2020/852, b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 19(1)(c) tal-imsemmi regolament, li skontu l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom “ikunu kwantitattivi u kemm jista’ jkun jinkludu limiti, u b’mod ieħor ikunu kwalitattivi”. Fil-fehma tagħha, ma kienx hemm kriterji kwantitattivi aċċettati.
163 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wieġbet tajjeb għal dan l-argument imqajjem mir-rikorrenti fit-talba għal eżami mill-ġdid intern.
164 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-argument li, anki jekk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kienu meqjusa kompatibbli mal-Artikolu 11 tar-Regolament 2020/852, dawn ma jippermettux skrinjar tekniku suffiċjentement preċiż tal-attività, peress li kunċetti bħal dawk ta’ “soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi li jnaqqsu b’mod sostanzjali r-riskji klimatiċi fiżiċi l-iktar sinjifikattivi li huma importanti għal din l-attività”, ma ġewx iddefiniti.
165 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li qajmu l-argument inkwistjoni fis-silta segwenti tat-talba għal eżami mill-ġdid intern:
“It-tieni, anki jekk jitqies li l-kriterji stabbiliti fil-punt 4.3 tal-Anness II tar-Regolament Delegat huma konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) imsemmi iktar ’il fuq, l-erba’ punti ma jippermettux skrinjar tekniku preċiż biżżejjed tal-attività.
Fir-rigward tal-ewwel punt (‘soluzzjonijiet ta’ adattament’), il-kunċett ta’ ‘soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi’ ma huwiex iddefinit u l-kundizzjoni li dawn is-soluzzjonijiet ‘jnaqqsu b’mod sostanzjali r-riskji klimatiċi fiżiċi l-iktar sinjifikattivi li huma importanti għal din l-attività’ hija vaga u ma tippermettix li l-prestazzjoni ta’ din l-attività titkejjel b’mod oġġettiv.
Bl-istess mod, it-tieni punt (‘riskji klimatiċi fiżiċi’) u t-tielet punt (‘l-aħjar prattiki u gwida disponibbli’) joħolqu preżunzjoni ta’ kontribut sostanzjali tal-attività għall-adattament għat-tibdil fil-klima mingħajr raġunament ta’ sostenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
166 Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li t-tielet paragrafu tal-kwotazzjoni li tinsab fil-punt 165 iktar ’il fuq ma jikkonċernax l-allegata assenza ta’ definizzjoni ta’ kunċetti użati fir-Regolament Delegat u li għalhekk ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.
167 Barra minn hekk, anki jekk, fir-rikors, ir-rikorrenti kkritikaw assenza iktar ġeneralizzata ta’ definizzjoni tal-kunċetti użati fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, għandu jiġi enfasizzat li huma effettivament ittrattaw biss, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, l-assenza ta’ definizzjoni ta’ ċerti kunċetti, jiġifieri dawk tas-“soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi li jnaqqsu b’mod sostanzjali r-riskji klimatiċi fiżiċi l-iktar sinjifikattivi li huma importanti għal din l-attività”, iċċitata wkoll bħala eżempju (“kunċetti bħal”) fir-rikors. Konsegwentement, l-argument tagħhom huwa ammissibbli biss sa fejn huma jinvokaw nuqqas ta’ tweġiba għall-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti.
168 F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni msemmija fil-punt 160 iktar ’il fuq ma tippermettix li jiġu identifikati elementi li jistgħu jiġu interpretati bħala tweġiba diretta tal-Kummissjoni għall-argument inkwistjoni.
169 Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 minħabba li ma weġbitx b’mod separat għall-argument inkwistjoni jekk jirriżulta b’mod impliċitu mid-deċiżjoni kkontestata li hija ċaħditu.
170 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li “mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi b’mod ċar li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima stabbiliti fl-att delegat fir-rigward [tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ] huma konformi mal-Artikolu 11 tar-Regolament [2020/852] u li għalhekk ma kienx neċessarju li tingħata tweġiba għal kull wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti”. Għalhekk, hija ssostni, essenzjalment, li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi dikjarazzjoni ġenerali li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima, huma konformi mar-rekwiżiti kollha tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tiegħu.
171 B’mod partikolari, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-punt 1.2 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, li, min-naħa tiegħu, jagħmel riferiment għall-punti 1.2 u 2.3 tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni.
172 Bħalma ġie rrilevat fil-punt 160 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, fil-punt 1.2 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-approċċ [tagħha] dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima [kien] spjegat fil-[punti] 1.2 u 2.3 tal-Anness III [tal-imsemmija deċiżjoni], bi tweġiba għall-allegazzjonijiet magħmula minn applikant ieħor [għal eżami mill-ġdid intern]” u li “[hija] spjegat li l-approċċ tagħha dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima [kien] konformi mal-Artikolu 11(1), [mal-Artikolu] 17(1)(b) u [mal-Artikolu] 19(1) tar-[Regolament 2020/852]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tagħha, “[g]ħar-raġunijiet esposti f’dawn il-partijiet ta’ [din id-deċiżjoni] [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti [kienu] infondati”.
173 Barra minn hekk, fil-punt 2.3 tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-approċċ tagħha dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva għall-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima “[kien] konformi [mal-Artikolu] 10(3), [mal-Artikolu] 19(1) u [mal-Artikolu] 17(1)(b) tar-[Regolament 2020/852], interpretati fid-dawl tal-Artikolu 11(1)(a) [tal-imsemmi regolament]”.
174 Għalhekk, minn qari flimkien tal-punt 1.2 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata u tal-punti 1.2 u 2.3 tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni jsegwi li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima stabbiliti fir-Regolament Delegat, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ inkwistjoni f’din il-kawża, kienu konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament 2020/852, b’mod partikolari ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament.
175 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, permezz ta’ tali dikjarazzjoni ġenerali ta’ konformità, il-Kummissjoni ċaħdet impliċitament l-argument inkwistjoni.
176 Konsegwentement, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-argument inkwistjoni, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006.
177 Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-argument dwar l-assenza ta’ metodu ta’ verifika tal-kontribuzzjoni sostanzjali u tad-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “indikaturi ddefiniti minn qabel”.
178 L-argument inkwistjoni jidher fil-paragrafu segwenti tat-talba għal eżami mill-ġdid intern:
“It-tielet, ir-raba’ punt (‘kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jissodisfaw is-soluzzjonijiet implimentati’) lanqas ma jippermetti verifika. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ indikaturi ddefiniti minn qabel fil-[punt 4](d) [tat-tabella intitolata ‘Kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima’] ma huwiex spjegat.”
179 Għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma weġbitx b’mod dirett għall-argument inkwistjoni, hija madankollu affermat b’mod ġenerali li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima stabbiliti fir-Regolament Delegat, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ inkwistjoni f’din il-kawża, kienu konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament 2020/852, b’mod partikolari ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament (ara l-punti 172 sa 174 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, hija impliċitament ċaħdet dan l-argument (ara, b’analoġija, il-punt 175 iktar ’il fuq).
180 Konsegwentement, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-argument inkwistjoni, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006.
181 Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti huma tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar, minn naħa, jekk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ta’ kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima jistgħux jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività tiddependi mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività għandhiex tkun marbuta mal-konsum tal-enerġija iktar milli mal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
182 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għaż-żewġ paragrafi li ġejjin tat-talba għal eżami mill-ġdid intern:
“Ir-raba’, il-fatt li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ hija attività suġġetta għad-disponibbiltà ta’ riħ adegwat, u għalhekk mhux faċilment disponibbli, filwaqt li l-elettriku ma tantx jista’ jiġi maħżun b’mod vijabbli fuq skala kbira, la huwa ttrattat bħala restrizzjoni prattika u lanqas f’termini ta’ impatt li dan jista’ jkollu fuq iċ-ċiklu ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, jiġifieri l-konsegwenzi, inkluż f’termini ta’ neċessità ta’ sors permanenti ieħor ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku sabiex tiġi kkompletata l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
Bħalma diġà ġie indikat fir-rigward tal-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-allegat kontribut sostanzjali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jenħtieġ li jiġi vvalutat mill-perspettiva tal-konsum finali tal-elettriku u mhux esklużivament mill-perspettiva tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.”
183 Bħalma jsegwi mill-kunsiderazzjonijiet dwar it-tieni motiv u b’mod partikolari mill-punt 116 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-intermittenza u li hija kienet iddefinixxiet l-attività ekonomika inkwistjoni bħala dik tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
184 Minn dan isegwi li, anki jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jinsabux fil-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati speċifikament għall-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiġi evalwata l-kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni effettivament ħadet pożizzjoni f’dan ir-rigward.
185 Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ motiv, dwar il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinjifikattiva” għal għanijiet ambjentali oħrajn
186 Ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għat-talba għal eżami mill-ġdid intern dwar il-prinċipju li l-attività inkwistjoni ma għandhiex tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali l-oħra. Insostenn ta’ dan il-motiv, huma jippreżentaw erba’ partijiet dwar kull wieħed minn dawn l-erba’ għanijiet ambjentali l-oħrajn, jiġifieri, l-ewwel, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, it-tieni, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, it-tielet, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u, ir-raba’, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.
187 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat dan li ġej: il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar previsti sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika suġġetta għall-imsemmija kriterji, stabbiliti skont l-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852 (kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima) u l-Artikolu 11(3)(a) tal-imsemmi regolament (kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima), tikkawżax ħsara sinjifikattiva għal wieħed jew iktar mill-għanijiet ambjentali rilevanti ġew stabbiliti f’termini essenzjalment identiċi fil-punt 4.3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat, skont l-Artikolu 10(3)(b) tal-imsemmi regolament, fir-rigward ta’ attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u fil-punt 4.3 tal-Anness II tal-imsemmi regolament delegat, skont l-Artikolu 11(3)(b) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ tali attività li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima. L-unika differenza tinsab fil-fatt li, minbarra l-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra, dak dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, filwaqt li dak dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huwa msemmi fl-Anness II tal-istess regolament.
188 Madankollu, sa mit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti kkritikaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar biss fir-rigward tal-erba’ għanijiet ambjentali l-oħra. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet ambjentali huma stabbiliti b’mod identiku fil-punt 4.3 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat, fil-linji 3 sa 6 tat-tabella intitolata “Ma għandux jiġi kkawżat dannu sinjifikanti”.
189 Huwa għalhekk li r-rikorrenti ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żewġ annessi tar-Regolament Delegat, minkejja li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ġew stabbiliti abbażi ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti (Artikolu 10(3)(b) u Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament 2020/852).
Fuq l-ewwel parti, dwar l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar
190 Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma weġbitx għall-allegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi akwatiċi u tal-baħar, u b’hekk kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2020/852. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma eżaminatx speċifikament l-effett ta’ esklużjoni li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ jkollha de facto fl-ispazju marittimu. Huma jqisu li din il-kwistjoni, imqajma fl-imsemmija talba, qajmet dubji serji dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u hija, minħabba f’hekk, ammissibbli. L-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ ma kinitx neċessarjament twassal għal użu esklużiv tal-ispazju marittimu ma hija sostnuta minn ebda prova u ma tissodisfax il-konklużjonijiet ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew iċċitata f’din it-talba. Ir-riferiment għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jindirizzax il-konsegwenzi tal-effett ta’ esklużjoni tal-attività u lanqas l-implikazzjonijiet tagħha għall-ambjent.
191 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
192 Għandu jiġi osservat li, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti l-ewwel iċċitaw il-kriterju tekniku ta’ skrinjar dwar l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar u allegaw dan li ġej:
“Il-kriterji msemmija iktar ’il fuq ma jinkludux l-impatt tal-ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-kosta mir-riħ bħala użu esklużiv tal-ispazju marittimu (nota ta’ qiegħ il-paġna: ‘Kif identifikat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar l-impatt fuq is-settur tas-sajd tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta u sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli, punt 30.’], l-għarfien xjentifiku insuffiċjenti fil-qasam tal-effetti fuq l-ambjent [nota ta’ qiegħ il-paġna: ‘Idem, punti 4, 14 u 38’] u lanqas il-kwistjoni dwar jekk din l-esklużività tal-imsemmija attività tikkostitwixxix użu sostenibbli tal-ispazju u tar-riżorsi marittimi.”
193 Fil-punt 1.3 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel ikkunsidrat li l-allegazzjoni inkwistjoni kienet inammissibbli, peress li ma kinitx sostnuta minn provi. Sussegwentement, hija kkunsidrat dan li ġej:
“Madankollu, [hija] tinnota li l-ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-kosta ma twassalx neċessarjament għal użu esklużiv tal-ispazju marittimu, peress li użu multiplu tal-ispazju huwa possibbli u jista’ jikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tal-ispazju marittimu (bħal użu multiplu bejn l-akkwakultura, is-sajd, ir-restawr tan-natura, it-turiżmu u l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta). Is-sostenibbiltà ambjentali tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta hija żgurata permezz tal-kriterji DNSH li jibnu fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti, b’mod partikolari fuq il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali meħtieġa mid-Direttiva [2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157)], mid-Direttiva [2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44)], mid-[Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU 2008, L 164, p. 19)], mid-Direttiva [2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2009, L 20, p. 7)], u mid-Direttiva [tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)]”.
194 Qabelxejn, anki jekk ċerti siltiet tar-rikors dwar din il-parti jistgħu jagħtu l-impressjoni li r-rikorrenti qegħdin jikkontestaw il-kriterju tekniċi ta’ skrinjar fuq il-mertu, huma jifformulaw, fil-punt 140 tar-rikors, bħala “konsegwenza” tal-argumenti tagħhom, li t-tweġiba tal-Kummissjoni, kif tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, “għandha titqies li ma tindirizzax dan il-punt tat-talba [għal eżami mill-ġdid intern] bi ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006”.
195 Għaldaqstant, minn dan isegwi li, permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jikkritikaw biss l-allegat nuqqas ta’ tweġiba għall-allegazzjoni inkwistjoni.
196 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni effettivament wieġbet għall-allegazzjoni inkwistjoni fil-punt 1.3 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata. Fih hija tindirizza b’mod espliċitu l-allegat użu esklużiv tal-ispazju marittimu, l-impatti fuq is-sajd, l-analiżi tal-impatti ekoloġiċi u s-sostenibbiltà ambjentali tal-attività.
197 Fil-mertu, it-talba għal eżami mill-ġdid intern sempliċement tirreferi għal riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar “L-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd” (dokument P9_TA (2021) 0338) sabiex jiġi sostnut, minn naħa, li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ lil hinn mill-kosta tagħmel użu esklużiv tal-ispazju marittimu u, min-naħa l-oħra, li ma kinitx teżisti data xjentifika suffiċjenti dwar l-effetti ambjentali.
198 Issa, il-punt 30 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar “L-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd” ma jsemmix tali esklużività:
“[il-Parlament] [j]insab imħasseb dwar il-fatt li, apparti l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd, is-sajjieda għandhom it-tendenza li jevitaw sajd f’żoni bl-OWFs, anke jekk l-aċċess ikun permess, minħabba r-riskju ta’ ħsara aċċidentali, snagging u telf tal-irkaptu tas-sajd, u li konsegwentement il-biża’ ta’ esponiment potenzjali għar-responsabbiltà hija sors ta’ tħassib li xxekkel il-koeżistenza”.
199 Apparti l-affermazzjoni li l-punt 30 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar “L-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd” jirrigwarda użu esklużiv tal-ispazju marittimu minn installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ lil hinn mill-kosta meta mqabbla mas-sajd, għandu jiġi kkonstatat li dan il-punt ma jgħid assolutament xejn dwar is-setturi l-oħra kollha. Għalhekk ma jistax jintuża bħala argument sabiex tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni inkwistjoni, li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ lil hinn mill-kosta tuża l-ispazju marittimu b’mod esklużiv, jiġifieri, bl-esklużjoni tal-attivitajiet l-oħra kollha.
200 Konstatazzjoni simili tapplika fir-rigward tar-riferiment għall-punti 4, 14 u 38 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar “L-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd” li jinsab kemm fit-talba għal eżami mill-ġdid intern kif ukoll fir-rikors. Fil-punt 4 tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Parlament jindika li huwa “mħasseb dwar in-nuqqas ta’ riċerka dwar id-dekummissjonar ta’ turbini eoliċi fuq il-baħar u dwar l-effetti tad-dekummissjonar fuq l-ambjent”. Fil-punt 14 ta’ din ir-riżoluzzjoni, huwa “[j]enfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati l-effetti potenzjali [...] fuq il-ħajja tal-baħar u s-sajd, li jistgħu jkunu limitati għall-fażi operattiva u li jiġi eżaminat kif id-dekummissjonar jista’ jitwettaq b’tali mod li l-benefiċċji tiegħu jistgħu ma jkunux temporanji” u “jissottolinja li meta jiġu dekummissjonati l-[parks eoliċi fuq il-baħar], is-siti jeħtieġ li jitħallew fi stat li jippermetti attivitajiet tas-sajd [...] u li jipproteġi u jirrispetta l-ambjent”. Fil-punt 38 tal-istess riżoluzzjoni, huwa “[j]enfasizza li huma meħtieġa programmi standardizzati ta’ monitoraġġ u armonizzazzjoni tad-data dwar l-isforz tas-sajd biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-impatt ekoloġiku u soċjoekonomiku kif ukoll ambjentali kumulattiv tal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar u jisħaq fuq [il-fatt] li għandhom jittejbu l-kompatibbiltà u l-komparabbiltà tad-data”.
201 Indipendentement mill-fatt li riżoluzzjoni politika tal-Parlament ma tistax tiġi invokata sabiex “tipprova” dikjarazzjonijiet fattwali ta’ natura xjentifika, il-punti 4, 14 u 38 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar “L-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd” ma jinkludu, fi kwalunkwe każ, ebda dikjarazzjoni ċara li ma kinitx teżisti data xjentifika suffiċjenti dwar l-effetti ambjentali. Għall-kuntrarju, billi esprima, fil-punt 38 tal-imsemmija riżoluzzjoni, ix-xewqa tiegħu li “għandhom jittejbu l-kompatibbiltà u l-komparabbiltà tad-data”, il-Parlament jammetti espliċitament li tali data sabiex “ssir valutazzjoni tal-impatt ekoloġiku u soċjoekonomiku kif ukoll ambjentali kumulattiv tal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar” tabilħaqq teżisti, iżda li jeħtieġ sforz sabiex din tkun tista’ tintuża iktar.
202 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal eżami mill-ġdid intern bl-ebda mod ma kienet sostnuta minn provi li jikkonfermaw dak li r-rikorrenti kienu qajmu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twieġeb għalihom b’mod espliċitu.
203 Għaldaqstant, din il-parti għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti, dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari
204 Ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tindirizzax il-kwistjoni, imqajma fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, dwar l-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment dwar id-disponibbiltà u l-faċilità ta’ użu tat-tagħmir u tal-komponenti neċessarji, id-durabbiltà u r-riċiklabbiltà rispettivi tagħhom kif ukoll il-faċilità ta’ żarmar u ta’ rinnovazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni ma kinitx fondata tiċħad din il-kwistjoni bħala inammissibbli. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2020/852, li jindika preċiżament f’liema kundizzjonijiet attività titqies li tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-għan ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Billi tagħmel riferiment għall-fatt li strumenti politiċi u testi leġiżlattivi oħra setgħu jissodisfaw dawn il-prijoritajiet aħjar, hija tikkonferma li ma applikatx ir-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni.
205 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
206 Fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti ċċitaw qabelxejn il-kriterju tekniku ta’ skrinjar dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari u allegaw dan li ġej:
“L-eżami mill-ġdid intern għandu jwassal sabiex jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment ċari a) tad-disponibbiltà u tal-użu tat-tagħmir u tal-komponenti neċessarji, b) tad-durabbiltà u tar-riċiklabbiltà rispettivi tagħhom u c) tal-faċilità ta’ żarmar u ta’ rinnovazzjoni tagħhom konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament 2020/852.”
207 Fil-punt 1.4 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-allegazzjoni inkwistjoni kif ġej:
“Din l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta minn provi u għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. L-applikant ma stabbilixxiex minn fejn għandu jiġi mislut dan l-obbligu. Minflok, huwa sempliċement jagħmel dikjarazzjoni ta’ prinċipju.
Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-prinċipju DNSH applikat għall-għan ta’ ekonomija ċirkolari huwa allinjat mar-[Regolament 2020/852]. Il-kunċetti ta’ ‘disponibbiltà’, ta’ ‘użu’, ta’ ‘durabbiltà’ u ta’ ‘faċilità ta’ żarmar’ u ta’ ‘rinnovazzjoni’ huma kumplessi ħafna, u dan jillimita l-effettività tal-limiti ġenerali fil-kuntest tat-tassonomija Ewropea. Strumenti politiċi u leġiżlazzjonijiet oħra huma f’pożizzjoni aħjar biex jindirizzaw dawn il-prijoritajiet. Pereżempju, il-proposta għal Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli [...], adottata reċentement mill-Kummissjoni, għandha tippermetti li jiġi implimentat proċess effettiv biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li għandhom jiġu osservati għat-tqegħid fis-suq ta’ dan it-tagħmir jew komponenti. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni hija wkoll infondata.”
208 Qabelxejn, ir-rikorrenti ġustament jikkritikaw il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fl-ewwel paragrafu ċċitat fil-punt 207 iktar ’il fuq, li tgħid li din l-allegazzjoni li tinsab fit-talba għal eżami mill-ġdid intern kienet inammissibbli.
209 Minn naħa, għandu jitfakkar li l-kriterju tekniku ta’ skrinjar inkwistjoni jaqra kif ġej: “L-attività tivvaluta d-disponibbiltà ta’ tagħmir u ta’ komponenti b’durabilità u b’riċikabilità għoljin u li huma faċli li jiġu żarmati u rikondizzjonati, u tużahom”. Dak li r-rikorrenti kkritikaw fit-talba għal eżami mill-ġdid intern huwa limitat għall-assenza ta’ indizji ta’ riferiment ċari f’dan ir-rigward, li huma meħtieġa. Ma kienx possibbli li din l-allegazzjoni tal-assenza ta’ tali indizji tiġi ssostanzjata b’elementi fattwali. Kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu ċċitat fil-punt 207 iktar ’il fuq, il-fatt li din l-allegazzjoni tal-assenza ta’ tali indizji ma kinitx sostnuta minn provi ma kienx għalhekk jirrendiha inammissibbli.
210 Min-naħa l-oħra, huwa b’mod żbaljat li, fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu ċċitat fil-punt 207 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li din l-allegazzjoni kienet inammissibbli peress li r-rikorrenti ma kinux indikaw, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, id-dispożizzjoni li minnha jista’ jirriżulta obbligu li jiġu stabbiliti indiċijiet ta’ referenza ċari. Kwistjonijiet ta’ liġi ma jaqgħux fil-kuntest fattwali li għandu jiġi stabbilit mill-partijiet permezz tal-produzzjoni ta’ provi.
211 Fuq il-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-allegazzjoni inkwistjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2020/852. Skont din id-dispożizzjoni, “l-attività ekonomika għandha titqies li tagħmel ħsara sinifikanti [...] lill-ekonomija ċirkolari, inklużi l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, fejn:
(i) dik l-attività twassal għal ineffiċjenzi sinifikanti fl-użu tal-materjali jew fl-użu dirett jew indirett ta’ riżorsi naturali bħal sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, materja prima, ilma u art f’wieħed jew aktar stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, riparabbiltà, kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, kapaċità ta’ użu mill-ġdid jew riċiklabbiltà ta’ prodotti;
(ii) dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni, fl-inċinerazzjoni jew fir-rimi tal-iskart, bl-eċċezzjoni tal-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli; jew
(iii) ir-rimi fit-tul tal-iskart jista’ jikkawża ħsara sinifikanti u fit-tul lill-ambjent”.
212 Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu li jiġu stabbiliti indiċijiet ta’ referenza ċari jirriżulta mill-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2020/852, li jikkostitwixxi preċiżjoni ammissibbli tal-allegazzjoni inkwistjoni. L-argument imressaq mill-Kummissjoni li dan huwa motiv ġdid u għalhekk inammissibbli għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.
213 L-argument tar-rikorrenti jikkonsisti, essenzjalment, f’li jingħad li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi limiti kwantitattivi jew indiċijiet ta’ referenza ċari.
214 Issa, mill-Artikolu 19(1)(c) tar-Regolament 2020/852 isegwi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament għandhom “ikunu kwantitattivi u kemm jista’ jkun jinkludu limiti, u b’mod ieħor ikunu kwalitattivi” (ara wkoll il-punt 162 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar ħafna, fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ċċitat fil-punt 207 iktar ’il fuq li, fil-fehma tagħha, il-kunċetti ta’ “disponibbiltà”, ta’ “użu”, ta’ “durabbiltà” u ta’ “faċilità ta’ żarmar” u ta’ “rinnovazzjoni”, użati fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, kienu kumplessi ħafna, li kien jillimita l-effikaċja tal-limiti ġenerali fil-kuntest tat-tassonomija Ewropea.
215 Lanqas ma jeżistu elementi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2020/852 li jindikaw li l-kriterji msemmija fih għandhom ikunu kwantitattivi fis-sens li jistabbilixxu limiti preċiżi jew indiċijiet ta’ riferiment ċari. Bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li dan huwa l-każ, iżda ma jressqu ebda argument iktar iddettaljat insostenn ta’ din it-teżi.
216 L-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
217 Fil-fatt, mit-tielet u mir-raba’ sentenza tat-tieni paragrafu ċċitat fil-punt 207 iktar ’il fuq isegwi li “[s]trumenti politiċi u leġiżlazzjonijiet oħra huma f’pożizzjoni aħjar biex jindirizzaw dawn il-prijoritajiet” u li “[p]ereżempju, il-proposta għal Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli [...], adottata reċentement mill-Kummissjoni, għandha tippermetti li jiġi implimentat proċess effettiv biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li għandhom jiġu osservati għat-tqegħid fis-suq ta’ dan it-tagħmir jew komponenti”. Ir-rikorrenti donnhom jiddeduċu minn dan li l-Kummissjoni tammetti li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma humiex biżżejjed sabiex tiġi evitata ħsara sinjifikattiva għall-ekonomija ċirkulari, li tinkludi l-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ.
218 Madankollu, ir-rikorrenti jiżnaturaw dak li qalet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, hija affermat li l-kunċetti ta’ “disponibbiltà”, ta’ “użu”, ta’ “durabbiltà” u ta’ “faċilità ta’ żarmar” u ta’ “rinnovazzjoni”, użati fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, kienu kumplessi ħafna, li kien jillimita l-effikaċja tal-limiti ġenerali fil-kuntest tat-tassonomija Ewropea (ara l-punt 214 iktar ’il fuq). Għalhekk, huwa ċar li hija tqis qabel kollox li, fil-kuntest speċifiku tat-tassonomija, id-data kienet kumplessa wisq sabiex tippermetti li jiġu stabbiliti limiti ġenerali. Huwa biss fit-tieni lok li l-Kummissjoni spjegat, essenzjalment, li strumenti legali iktar speċifiċi, jiġifieri ddedikati għall-aspetti tal-ekonomija ċirkolari, huma ħafna iktar adattati sabiex jiġi stabbilit qafas iktar iddettaljat u, potenzjalment, limiti kwantitattivi. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni sempliċement ma tgħidx dak li qegħdin jaqraw ir-rikorrenti.
219 Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni magħmula fuq il-mertu mill-Kummissjoni fir-rigward tal-allegazzjoni inkwistjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda.
Fuq it-tielet parti, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis
220 Fir-rigward tal-prinċipju li jikkonsisti f’li ma ssirx ħsara sinjifikattiva għall-għan ambjentali tal-prevenzjoni u tal-kontroll tat-tniġġis, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-argumenti li huma kienu ressqu fit-talba għal eżami mill-ġdid intern kienu inammissibbli. Fil-fehma tagħhom, il-kontestazzjoni tal-assenza ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma tistax tiġi miċħuda bħala mhux sostnuta. L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101), proposta mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, tmur kontra l-ispirtu u l-formulazzjoni ta’ din id-direttiva u tmur kontra l-għan u l-effettività tar-Regolament Nru 1367/2006. Il-Kummissjoni kellha tindika jekk kinitx ser tindirizza jew le l-kwistjoni li l-imsemmija direttiva tiġi ssupplimentata b’dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006.
221 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
222 Fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti allegaw dan li ġej fir-rigward tal-kriterju tekniku ta’ skrinjar dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis:
“Kif imsemmi iktar ’il fuq, ir-Regolament Delegat jistipula li l-għan ambjentali tal-prevenzjoni u tat-tnaqqis tat-tniġġis ma japplikax (‘mhux applikabbli’ [...]) għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ.
L-eżami mill-ġdid intern għandu b’mod partikolari jevalwa l-prinċipju DNSH tal-attività fil-qasam tat-tniġġis akustiku u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet u l-effett utli tad-Direttiva 2002/49 dwar it-tniġġis akustiku.
L-assoċjazzjonijiet jagħmlu riferiment ukoll għad-deċiżjoni tal-Kumitat PETI tal-Parlament Ewropew tal‑10 ta’ Jannar 2022 dwar il-petizzjoni 0482/2021 dwar l-istorbju tat-turbini tar-riħ, li jiġu eżaminati ulterjorment mhux biss in-natura tal-istorbju tat-turbini tar-riħ, iżda wkoll l-aħjar mod kif dan jista’ jiġi rrimedjat permezz tal-adozzjoni ta’ regoli tal-Unjoni.”
223 Fil-punt 1.5 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-allegazzjoni inkwistjoni kif ġej:
“Din l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta minn provi u għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. L-applikant ma stabbilixxiex minn fejn għandu jiġi mislut dan l-obbligu. Minflok, huwa sempliċement jagħmel dikjarazzjoni ta’ prinċipju.
Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li din l-affermazzjoni tinjora l-aspetti essenzjali tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għall-proġetti tal-enerġija mir-riħ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Istati Membri jivvalutaw jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-proġetti, il-post tagħhom u l-impatt potenzjali tagħhom, huwiex meħtieġ li titwettaq stima tal-impatt ambjentali konformement mad-Direttiva [2011/92]. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-istorbju, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi l-monitoraġġ ta’ każijiet fejn hemm effetti sinjifikattivi fuq is-saħħa relatati mal-istorbju, bħal f’siti industrijali qrib agglomerazzjoni, u t-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ azzjoni (ara [d-Direttiva 2002/49]). Id-deċiżjoni dwar jekk l-immaniġġar tal-istorbju għas-siti industrijali kollha għandux jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-Unjoni u l-effettività ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament 2020/852]. Konsegwentement, din l-affermazzjoni hija wkoll infondata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
224 Ir-rikorrenti jsostnu li din it-tweġiba mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għat-talba għal eżami mill-ġdid intern hija kuntrarja għall-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006. Madankollu, huma ma jispjegawx għalfejn iqisu li din id-dispożizzjoni ġiet miksura. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.
225 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jsostnux ksur tal-Artikolu 17(1)(e) tar-Regolament 2020/852, li (flimkien mal-Artikolu 10(3)(b) u mal-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament 2020/852) huwa madankollu l-bażi legali tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-parti.
226 Fir-rigward tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti mressqa fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, indirizzata kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-risposta, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punt 210 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkritikati li ma rreferewx għal dispożizzjoni preċiża li minnha jirriżulta obbligu li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar preċiżi sabiex jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ ma tikkawżax ħsara sinjifikattiva għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tat-tniġġis.
227 Il-Kummissjoni tidher li taċċetta li, bħala prinċipju, ir-Regolament 2020/852 jeħtieġ tali kriterji. Issa, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, f’din is-sitwazzjoni, jista’ jkun sorprendenti li r-Regolament Delegat ma jistabbilixxix, fil-fatt, kriterji tekniċi ta’ skrinjar sa fejn jindika sempliċement “mhux applikabbli”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju li tingħata motivazzjoni ulterjuri għat-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-rikorrenti, li sempliċement isostnu li kellhom jiġu indikati kriterji preċiżi minflok “mhux applikabbli”.
228 Fuq il-mertu, l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw biss l-aspett tal-istorbju u b’mod iktar partikolari d-Direttiva 2002/49. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li din id-direttiva tapplika għall-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ. Huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha tindika b’mod ċar jekk hija kinitx ser tikkompleta (jew le) din id-direttiva b’dispożizzjonijiet speċifiċi għal din l-attività.
229 Dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi. Fil-fatt, sa fejn, permezz tagħhom, huma sempliċement isostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok li tiġi emendata d-Direttiva 2002/49, ir-rikorrenti ma jinvokawx iktar eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Delegat iżda pjuttost eżami mill-ġdid intern tal-imsemmija direttiva. Issa, anki jekk jitqies li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tista’ tiġi interpretata bħala li tirreferi wkoll għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li tali talba kienet tardiva, għaliex ma tressqitx fit-terminu ta’ tmien ġimgħat wara l-adozzjoni jew il-pubblikazzjoni tad-direttiva (jew tal-atti li emendawha) li huwa previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fatt, l-imsemmija talba ġiet ippreżentata fit‑3 ta’ Jannar 2022 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u d-Direttiva 2002/49 ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1226 tal‑21 ta’ Diċembru 2020 (ĠU 2021, L 269, p. 65), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit‑28 ta’ Lulju 2021 u għalhekk ħafna iktar minn tmien ġimgħat qabel it-tressiq tat-talba għal eżami mill-ġdid intern. Konsegwentement, dawn l-argumenti ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u huma għalhekk ineffettivi.
230 Sa fejn mill-punt 142 tar-replika jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti jirreferu, fir-realtà, mhux għad-Direttiva 2002/49, iżda għall-“assenza ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar fir-rigward tal-prinċipju li ma ssirx ħsara sinjifikanti fir-rigward tal-għan tal-prevenzjoni u tat-tnaqqis tat-tniġġis”, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti ppreċiżawx b’mod ammissibbli dak li huma kienu ressqu fir-rikors jew jekk biddlux l-argumenti tagħhom b’mod inammissibbli f’dan l-istadju tal-proċedura.
231 Madankollu, anki jekk din il-preċiżazzjoni kellha tiġi aċċettata, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, bħalma tispeċifika l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għad-Direttiva 2011/92. Skont il-Kummissjoni, għall-attivitajiet jew proġetti li jkunu s-suġġett ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kriterji tal-prinċipju li ma għandhiex issir ħsara sinjifikattiva għall-għan ambjentali ta’ protezzjoni u ta’ restawr tal-bijodiversità tal-ekosistemi skont l-Appendiċi D tal-Anness I u l-Anness II tar-Regolament Delegat, l-impatti akustiċi potenzjali jiġu vvalutati fil-kuntest ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Minn dan isegwi li l-impatti akustiċi jiġu indirizzati fir-Regolament Delegat.
232 Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-kontroreplika, li r-rikorrenti ma qalu assolutament xejn, kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika, dwar l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq id-Direttiva 2011/92. Fin-nuqqas ta’ argumenti li jikkontestaw jew tal-inqas jindirizzaw dan l-argument ewlieni tal-Kummissjoni, huma naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li juru żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni allegatament wettqet fid-deċiżjoni kkontestata. Din il-parti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti, dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi
233 Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti stabbiliti fil-punt 4.3 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat kif ukoll fl-Appendiċi D tal-imsemmi regolament kinux japplikaw biss fiż-żoni “Natura 2000”. Barra minn hekk, huma jqisu li l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni ma setgħetx tibqa’ tinżamm fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament delegat. Fil-fehma tagħhom, huma kellhom id-dritt li jqajmu dawn l-iżviluppi li ma setgħux jiġu fformulati fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, peress li kienu għadhom ma jeżistux f’dak il-mument. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006.
234 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
235 Fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti allegaw dan li ġej fir-rigward tal-kriterju tekniku ta’ skrinjar dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi:
“Ir-Regolament Delegat iqis li l-prinċipju DNSH għall-protezzjoni u għar-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi huwa ssodisfat f’kundizzjonijiet simili għal dawk tal-għan ta’ użu sostenibbli u ta’ protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar (il-punt 4.3 tal-Annessi I u II tar-Regolament [Delegat]).
Dan iqajjem żewġ kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid intern.
Minn naħa, dan ifisser li l-valutazzjoni tal-prinċipju DNSH fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni u tar-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi ma teżaminax il-karatteristiċi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq l-art (għall-kuntrarju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-kosta) mir-riħ kollha kemm hi, iżda tittratta biss iż-żoni ta’ Natura 2000 [...].
[...]
Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti stabbiliti li jikkonċernaw speċifikament il-ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-kosta mir-riħ jikkostitwixxu biss riferiment ġenerali għad-Direttiva 2008/56, għad-Deċiżjoni 2017/848 u għad-Direttiva 2011/92.”
236 Fil-punt 1.6 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-allegazzjoni inkwistjoni kif ġej:
“Din l-affermazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Appendiċi D tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat. L-Appendiċi D ma jagħmilx distinzjoni bejn l-attivitajiet tal-art u l-attivitajiet lil hinn mill-kosta, peress li l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta huma kollha kkonċernati minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew valutazzjoni xierqa (Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats). Għall-proġetti tal-enerġija mir-riħ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Istati Membri jeżaminaw il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali konformement mad-Direttiva 2011/92/UE biex jiġu koperti l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, inklużi l-bijodiversità u t-teħid nett tal-ħamrija. Tali valutazzjoni tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-proġetti, il-lokalizzazzjoni tagħhom u l-impatt potenzjali tagħhom. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll barra miż-żoni Natura 2000. Konsegwentement, l-affermazzjoni tal-applikant ma hijiex fondata.”
237 Ir-rikorrenti jsostnu li din it-tweġiba hija kuntrarja għall-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006. Madankollu, huma ma jispjegawx għalfejn iqisu li din id-dispożizzjoni ġiet miksura. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.
238 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma indirizzatx l-allegazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jikkonċernawx biss iż-żoni Natura 2000.
239 Il-Kummissjoni ssostni li sabet estensjoni inammissibbli tal-allegazzjoni inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, fir-rikors, ir-rikorrenti fformulaw “allegazzjoni ġenerali u globali dwar ‘il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti’”.
240 Madankollu, il-formulazzjoni “[b]’mod partikolari” li tinsab fil-bidu tal-punt 163 tar-rikors tispjega b’mod ċar liema aspett speċifiku r-rikorrenti jinvokaw sabiex jaffermaw li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar joħolqu problema. Issa, il-kwistjoni tal-applikabbiltà barra miż-żoni Natura 2000 ġiet indirizzata sew mir-rikorrenti fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Peress li l-argumenti tar-rikorrenti fir-rikors ġew interpretati b’dan il-mod, ma tqumx problema ta’ ammissibbiltà.
241 Fuq il-mertu, l-allegazzjoni inkwistjoni hija manifestament infondata. Fil-fatt, mis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-paragrafu ċċitat fil-punt 236 iktar ’il fuq isegwi b’mod inekwivoku li, skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk proġett jinsabx f’żona Natura 2000 hija irrilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wieġbet tajjeb għal din l-allegazzjoni, b’tali mod li din il-parti ma hijiex fondata f’dan ir-rigward.
242 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal żviluppi sussegwenti għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat.
243 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mill-punt 164 tar-rikors isegwi li r-rikorrenti ma jirrigwardawx id-deċiżjoni kkontestata, iżda r-Regolament Delegat. Issa, il-Kummissjoni tiżnatura l-argument tagħhom. Huwa minnu li, fl-imsemmi punt tar-rikors, huma jitilqu mill-ipoteżi espressa li “l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kienu jiżguraw li l-attività ma kinitx tikkawża ħsara sinjifikanti għall-għan ambjentali ta’ protezzjoni u ta’ ristorazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fir-Regolament Delegat”. Madankollu, l-argument li r-rikorrenti jippreżentaw huwa bbażat fuq il-fatt li, b’kuntrast, “tali konklużjoni ma setgħetx tibqa’ tiġi aċċettata mill-perspettiva legali fil-mument tal-adozzjoni [tal-imsemmija deċiżjoni] fid-dawl tal-pożizzjoni pubblika tal-Kummissjoni fuq dawn l-istess kwistjonijiet”. Għalhekk huwa evidenti li r-rikorrenti jagħmlu riferiment għal din id-deċiżjoni u li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-imsemmi regolament delegat huma biss ipotetiċi. L-argument tal-Kummissjoni li jsostni l-inammissibbiltà tar-rikors f’dan ir-rigward għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.
244 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq żviluppi sussegwenti għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat huma inammissibbli, għaliex ma tqajmux fit-talba għal eżami mill-ġdid intern u huma għalhekk ġodda.
245 Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn l-argumenti, ibbażati fuq rakkomandazzjoni u fuq proposta għal direttiva tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Mejju 2022, ma setgħux jiġu fformulati fit-talba għal eżami mill-ġdid intern imressqa fit‑3 ta’ Frar 2022. Id-deċiżjoni kkontestata tas‑7 ta’ Lulju 2022 kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din ir-rakkomandazzjoni u ta’ din il-proposta għal direttiva meta mqabbla mal-għan ta’ protezzjoni u ta’ restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi.
246 Bħalma ssostni ġustament il-Kummissjoni, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Bħalma tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikors kontra deċiżjoni li tiċħad bħala infondata talba għal eżami mill-ġdid intern ma jistax ikun ibbażat fuq motivi ġodda jew fuq provi li ma kinux jidhru fit-talba għal eżami mill-ġdid, għaliex inkella r-rekwiżit relatat mal-motivazzjoni ta’ tali talba, li jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu u s-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba jiġi emendat. L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li huma l-awtur tal-att amministrattiv li tiegħu jintalab l-eżami mill-ġdid intern ma humiex obbligati jeżaminaw motivi oħra għajr dawk ipprovduti mill-persuna li tressaq it-talba mal-preżentata tat-talba għal eżami mill-ġdid intern.
247 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-effetti tar-rakkomandazzjoni u tal-proposta għal direttiva mhux imsemmija fit-talba għal eżami mill-ġdid intern u dan iktar u iktar meta kellha tagħmel dan fuq inizjattiva tagħha stess.
248 Dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
249 Konsegwentement, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda kollha kemm hi u, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq il-ħames motiv, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni
250 Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata f’żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, l-affermazzjoni li ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intermittenza tal-attivitajiet ma hijiex motivata fid-dawl tar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2020/852. Ir-raġunament impliċitu bbażat fuq l-aspett li l-imsemmi regolament jirrigwarda prinċipalment l-attivitajiet ekonomiċi u li analiżi tas-sistema kollha ma kinitx possibbli, ma jikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti, peress li, minn naħa, l-intermittenza tikkonċerna l-attività nnifisha u li, min-naħa l-oħra, l-għan ta’ dan ir-regolament lanqas ma huwa ddefinit jew spjegat. Fit-tieni lok, l-għażla li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ tiġi eżentata mill-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kwantitattivi ta’ kontribuzzjoni sostanzjali għall-għan ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, ma hijiex sostnuta minn motivazzjoni suffiċjenti. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tirrifletti l-pożizzjonijiet espressi minn korpi konsultattivi u mhux il-pożizzjoni ta’ dik l-istituzzjoni.
251 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
252 Għandu jitfakkar qabelxejn li l-obbligu li jiġu mmotivati deċiżjonjiet jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li dan jaqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata dik id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
253 Għalhekk, permezz taż-żewġ argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jidhru li qegħdin jikkontestaw mhux il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, iżda pjuttost il-fondatezza tagħha.
254 Issa, fir-rigward tal-ewwel argument, mill-punti 115 sa 133 iktar ’il fuq isegwi, minn naħa, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ippermettiet kemm lir-rikorrenti jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll lill-Qorti Ġenerali, bħala qorti kompetenti, teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), b’tali mod li ma jistax jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma għandhiex żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
255 Fir-rigward tat-tieni argument, mill-punti 159 sa 163 iktar ’il fuq isegwi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat sew għaliex hija kienet stabbilixxiet kriterji tekniċi ta’ skrinjar ta’ natura kwalitattiva iktar milli ta’ natura kwantitattiva.
256 Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ikkritikata mir-rikorrenti, hija suffiċjenti fid-dawl tal-kriterji ġurisprudenzjali u, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ikkritikata fl-ewwel argument tar-rikorrenti, ma għandhiex żbalji ta’ evalwazzjoni.
257 Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Delegat
258 Fir-replika, ir-rikorrenti jinvokaw, sussidjarjament, motiv addizzjonali abbażi tal-Artikolu 277 TFUE li huwa bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Delegat. Dan il-motiv huwa ppreżentat “bi tweġiba għall-argumenti ta’ inammissibbiltà […] li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-deċiżjoni kkontestata, iżda r-Regolament Delegat” li l-Kummissjoni ressqet, skont ir-rikorrenti, fil-punti 33 sa 35, 58, 62, 74, 90, 101, 102, 128, 135, 153 u 156 tar-risposta. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal ċerti argumenti li huma ressqu fir-rikors insostenn tal-ewwel (jiġifieri l-punti 51 sa 58, 63 u 68 sa 70 tar-rikors), tat-tieni (jiġifieri l-punti 75, 82, 83, 91 sa 97 tar-rikors) u tar-raba’ (jiġifieri l-punti 139, 140, 144, 145, 147, 148, u 162 sa 171 tar-rikors) motiv u jqisu li hemm lok li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata abbażi ta’ dan il-motiv sussidjarju invokat skont l-Artikolu 277 TFUE u bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Delegat.
259 Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dan il-motiv sussidjarju. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni rtirat parzjalment l-argumenti li permezz tagħhom hija kienet sostniet li ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors kienu inammissibbli, għaliex ma kinux diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda kontra r-Regolament Delegat, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Dawn huma l-argumenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punti 34, 58, 62, 74, 90 (iżda biss fir-rigward tal-punti 82 u 83 tar-rikors), 128 u 135 tar-risposta.
260 Essenzjalment, ir-rikorrenti jressqu dan il-motiv sussidjarju fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis bħala fondati l-argumenti tal-Kummissjoni li jsostnu l-inammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mqajma fir-rikors minħabba li dawn tal-aħħar ma jikkontestawx id-deċiżjoni kkontestata, iżda r-Regolament Delegat.
261 Issa, l-ewwel, il-Kummissjoni rtirat l-imsemmija argumenti sa fejn dawn jinsabu fil-punti 34, 58, 62, 74, 90 (iżda biss fir-rigward tal-punti 82 u 83 tar-rikors), 128 u 135 tar-risposta (ara l-punt 259 iktar ’il fuq). Filwaqt li l-punt 33 tal-imsemmija risposta jservi biss sabiex jintroduċi l-argument ippreżentat fil-punt 34 ta’ din ir-risposta, il-punt 35 tal-istess risposta sempliċement jiżviluppah. L-irtirar ta’ dan l-argument mill-Kummissjoni jinkludi għalhekk il-punti 33 sa 35 kollha tar-risposta inkwistjoni, li għalihom jirreferu r-rikorrenti (ara l-punt 258 iktar ’il fuq).
262 It-tieni, fir-rigward tal-kumplament tal-imsemmija argumenti tal-Kummissjoni, jiġifieri dawk li hija kienet ressqet fil-punti 90 (iżda mhux fir-rigward tal-punti 82 u 83 tar-rikors, ara l-punt 259 iktar ’il fuq, u għalhekk biss fir-rigward tal-punti 91 u 92 tar-rikors), 101, 102, 153 kif ukoll 156 tar-rikors, għandu qabel kollox jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jidhru li jikkunsidraw ir-rikorrenti (ara l-punt 258 iktar ’il fuq), fil-punti 102 u 156 tar-risposta, il-Kummissjoni ssostni l-inammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti li huma identifikati fihom mhux talli semmew ir-Regolament Delegat minflok id-deċiżjoni kkontestata, iżda għal raġunijiet oħra.
263 It-tielet, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv, li għaliha jirreferi l-argument tal-Kummissjoni fil-punt 90 tar-risposta, u t-tielet parti tar-raba’ motiv, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-punt 101 tal-imsemmija risposta, setgħu jiġu miċħuda fuq il-mertu (ara l-punti 109 sa 135 u 224 sa 232 iktar ’il fuq). Ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-punt 153 ta’ din ir-risposta, ġiet miċħuda bħala parzjalment inammissibbli għal raġuni differenti minn dik li hija indirizzata kontra r-Regolament Delegat u mhux kontra d-deċiżjoni kkontestata, u parzjalment bħala infondata (ara l-punti 237 sa 249 iktar ’il fuq).
264 Sussegwentement, l-argumenti kollha tal-Kummissjoni li jsostnu l-inammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors, minħabba l-fatt li dawn tal-aħħar ma jikkontestawx id-deċiżjoni kkontestata, iżda r-Regolament Delegat, ġew jew irtirati, jew ma ntlaqgħux mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-kundizzjoni imposta mir-rikorrenti għall-invokazzjoni ta’ dan il-motiv sussidjarju ma hijiex issodisfatta. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex għalfejn tanalizzaha.
Konklużjonijiet
265 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motivi kollha ppreżentati mir-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
266 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
267 Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Fédération environnement durable, Bundesinitiative Vernunftkraft eV, Vent de Colère ! - Fédération nationale u Vent de Raison - Wind met Redelijkheid (VdR-WmR) huma kkundannati għall-ispejjeż.
Costeira |
Kancheva |
Öberg |
Zilgalvis |
Tichy-Fisslberger |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
It-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-Regolament 2020/852 u r-Regolament Delegat
Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq it-talba għal eżami mill-ġdid intern u l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ewwel motiv, dwar it-tfassil tar-Regolament Delegat
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 6 sa 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1367/2006
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(4), tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2020/852
Fuq it-tieni motiv, dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima
Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ittra li huma ppreżentaw fir-Reġistru fis 6 ta’ Diċembru 2023
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament 2020/852
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament 2020/852
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament 2020/852
Fuq it-tielet motiv, dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima
Fuq ir-raba’ motiv, dwar il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinjifikattiva” għal għanijiet ambjentali oħrajn
Fuq l-ewwel parti, dwar l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar
Fuq it-tieni parti, dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari
Fuq it-tielet parti, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis
Fuq ir-raba’ parti, dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi
Fuq il-ħames motiv, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni
Fuq il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Delegat
Konklużjonijiet
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.