Kawża T‑579/22
ClientEarth AISBL
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal‑10 ta’ Settembru 2025
“Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern – Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Regolament Delegat (UE) 2021/2139 – Attivitajiet relatati mal-bijoenerġija – Bijomassa tal-injam – Manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi – Manifattura ta’ plastik f’forma primarja – Tassonomija – Rekwiżiti applikabbli għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/852 – Kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima – Artikolu 10 tar-Regolament 2020/852 – Attivitajiet tranżitorji – Limitu kwantitattiv – Evidenza xjentifika konklużiva – Ċiklu tal-ħajja – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Prinċipju li ma tiġix ikkawżata ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali – Artikolu 17 tar-Regolament 2020/852 – Ekonomija ċirkolari – Riżorsi tal-ilma u tal-baħar – Tniġġis”
Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Applikazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jitolbu eżami mill-ġdid intern ta’ atti amministrattivi fil-qasam tal-ambjent – Preċiżjoni tar-raġunijiet għall-eżami mill-ġdid – Neċessità li jiġu indikati l-elementi li jistgħu jqajmu dubji dwar il-fondatezza tal-att inkwistjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 10(1))
(ara l-punti 27 u 28)
Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Applikazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jitolbu eżami mill-ġdid intern ta’ atti amministrattivi fil-qasam tal-ambjent – Ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern bħala infondata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 10, u 2020/852, Artikolu 19(1))
(ara l-punti 29 sa 33, 87, 104 sa 108, 122, 143 sa 147, 151 u 152)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Ibbilanċjar mill-Kummissjoni tad-diversi rekwiżiti applikabbli – Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, Artikoli 10(3) u (5), 11(3) u (5), u 19(1)(f))
(ara l-punti 52 sa 57, u 94)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ – Ammissibbiltà
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/841 u 2020/852, Artikoli 10(1)(a) u 19(1)(d); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/2001)
(ara l-punti 61 sa 71, u 95 sa 100)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tas-servizzi – Portata
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, premessi 34, 40 u 47, u Artikolu 19(1)(g) u (5); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87)
(ara l-punti 75 sa 86, u 139 sa 142)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Kriterji stabbiliti għall-attivitajiet marbuta mal-bijoenerġija – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ kriterju dwar il-prinċipju ta’ użu kaskata tal-bijomassa tal-injam – Insuffiċjenza ta’ evidenza xjentifika – Użu ta’ approċċ gradwali – Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, Artikolu 19(1) u (5); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/2001)
(ara l-punti 114 sa 128)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Kriterji stabbiliti għall-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi downstream – Esklużjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, Artikoli 3(b), 9(c), 10(3)(b), 17(1)(c)(i) u (ii), 17(2), u 19(1)(g); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60)
(ara l-punti 156 sa 172)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Kriterji stabbiliti għall-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi – Klassifikazzjoni bħala attività tranżitorja – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza
(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Nru 1272/2008 u 2020/852, Artikoli 9(e), 10(3)(b) u 17(1)(e))
(ara l-punti 177 sa 191)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Kriterji stabbiliti għall-manifattura ta’ plastik f’forma primarja – Nuqqas ta’ limitu kwantitattiv li jikkonċerna l-użu ta’ materjali rinnovabbli – Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, Artikolu 19(1)(c) u (k))
(ara l-punti 201 sa 207)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli – Determinazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Stabbiliment mill-Kummissjoni – Kriterji stabbiliti għall-manifattura ta’ plastik f’forma primarja – Klassifikazzjoni bħala attività tranżitorja – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ kriterju li jippermetti li tiġi ddeterminata l-assenza ta’ ħsara sinjifikattiva kkawżata mill-attività ekonomika intiża għall-għan ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari – Insuffiċjenza ta’ evidenza xjentifika – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852, Artikoli 9(d), 10(3)(b), 17(1)(d), 19(1)(g) u (k), u 19(5))
(ara l-punti 220 sa 231)
Sunt
Il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ċaħdet talba għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Delegat 2021/2139 ( 1 ) li jissupplimenta r-Regolament 2020/852 dwar l-istabbiliment ta’ qafas intiż li jiġu ffaċilitati l-investimenti sostenibbli ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-tassonomija”). B’dan il-mod, hija tat għall-ewwel darba deċiżjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-tassonomija relatati mal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-bijoenerġija, mal-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi u mal-manifattura ta’ plastik f’forma primarja.
Ir-Regolament dwar it-tassonomija jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata sabiex jarmonizza, fil-livell tal-Unjoni, il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex sostenibbli minn perspettiva ambjentali fid-dawl ta’ diversi għanijiet ambjentali, bħalma hija l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ( 3 ).
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat sabiex tissupplimenta r-Regolament dwar it-tassonomija. Fih huma ddefiniti kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet ċerti attivitajiet ekonomiċi relatati mal-bijoenerġija, mal-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi u mal-manifattura ta’ plastik f’forma primarja jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ma jagħmlux ħsara sinjifikattiva lil xi wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti f’dan ir-regolament.
ClientEarth, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan li għandha bħala għan, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent, ressqet quddiem il-Kummissjoni, skont ir-Regolament Aarhus ( 4 ), talba għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Delegat, li kien jikser, fil-fehma tagħha, ir-Regolament dwar it-tassonomija.
Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid intern permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2022 (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li kienet is-suġġett ta’ dan ir-rikors.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, il-motiv ta’ ClientEarth li kien jgħid, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar it-tassonomija.
Konformement mal-paragrafu (1)(f) ta’ din id-dispożizzjoni, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva u fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 TFUE.
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, l-ewwel nett, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod restrittiv wisq il-kunċett ta’ “evidenza xjentifika konklużiva” bħala li jikkorrispondi għall-“evidenza xjentifika li tippermetti li tinsilet konklużjoni”.
Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali rrilevat li ClientEarth la spjegat kif l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni kienet tirrendi illegali d-deċiżjoni kkontestata, u lanqas għalfejn ma kinitx tikkorrispondi għall-“aħjar evidenza disponibbli” jew għall-“iktar evidenza xjentifika reċenti u affidabbli”.
Sussegwentement, hija ċaħdet l-argument ta’ ClientEarth li kien jgħid li l-Kummissjoni qieset li setgħet tinjora l-aħjar evidenza xjentifika u l-iktar reċenti għar-raġuni li r-Regolament Delegat kien ser jiġi aġġornat regolarment. Fil-fatt, dan l-argument kien ibbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tistabbilixxi biss li interpretazzjoni stretta wisq tar-rekwiżit li tittieħed inkunsiderazzjoni tali evidenza tqiegħed inkwistjoni l-għanijiet tar-Regolament dwar it-tassonomija u ċċaħħad minn kull effett utli l-obbligu tagħha li teżamina mill-ġdid regolarment il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar skont il-progress xjentifiku u teknoloġiku.
Fl-aħħar nett, ClientEarth lanqas ma wriet ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, sa fejn hija ma spjegatx kif l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-tassonomija adottata fid-deċiżjoni kkontestata kienet tikser dan il-prinċipju. F’dan il-każ, hija sempliċement sostniet li, fl-assenza ta’ evidenza xjentifika konklużiva, il-Kummissjoni kienet prekluża milli tikklassifika attività partikolari skont l-imsemmi regolament.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li kien jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar it-tassonomija billi qieset li kellha tibbilanċja d-diversi rekwiżiti previsti fih. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi numru ta’ rekwiżiti li jikkonċernaw kemm il-mertu kif ukoll il-forma tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, li jsegwu għanijiet differenti, jiġifieri, b’mod partikolari, għanijiet ambjentali, xjentifiċi, ekonomiċi, finanzjarji u ta’ fattibbiltà. Għalhekk, meta tistabbilixxi l-imsemmija kriterji, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar it-tassonomija, billi ssib, jekk ikun il-każ, il-bilanċ xieraq jew konkordanza prattika bejniethom.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ffokat fuq l-iżball ta’ liġi li l-Kummissjoni kienet allegatament wettqet billi bbażat ruħha biss fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, b’mod partikolari d-Direttiva RED II ( 5 ) u r-Regolament LULUCF ( 6 ). Skont ClientEarth, dawn l-atti leġiżlattivi, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet relatati mal-bijoenerġija, kienu jissodisfaw funzjonijiet differenti minn dawk tar-Regolament dwar it-tassonomija u kienu bbażati fuq elementi xjentifiċi obsoleti li ma kinux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament
Il-Qorti Ġenerali bdiet billi osservat li, skont l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni “kull leġislazzjoni eżistenti rilevanti tal-Unjoni” meta stabbilixxiet il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, b’tali mod li hija ma setgħetx tiġi kkritikata talli ħadet inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ.
Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tan-natura allegatament obsoleta tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva RED II u fir-Regolament LULUCF, il-Qorti Ġenerali osservat li d-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li turi nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament dwar it-tassonomija. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tagħhom, din id-direttiva u dan ir-regolament ma jistgħux jitqiesu li huma irrilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet marbuta mal-bijoenerġija. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali żiedet li r-Regolament dwar it-tassonomija jirreferi espressament għad-Direttiva RED II u indirettament għar-Regolament LULUCF, u li l-kriterji stabbiliti minn dawn iż-żewġ atti huma intrinsikament marbuta fir-rigward tal-bijokarburanti, tal-bijolikwidi u tal-karburanti mill-bijomassa prodotti mill-bijomassa tal-injam.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li sostniet ClientEarth, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-tassonomija, li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-attivitajiet ta’ manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi u ta’ manifattura ta’ plastik f’forma primarja.
F’dan ir-rigward, hija osservat li huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-integrazzjoni universali tal-kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċiklu tal-ħajja fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kienet diffiċli minħabba l-assenza ta’ data li tista’ tintuża u komparabbli. Madankollu, fir-rigward tal-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi, hija ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-emissjonijiet diretti ta’ gassijiet serra u, fir-rigward tal-manifattura ta’ plastik f’forma primarja, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kienu bbażati fuq opinjonijiet ta’ esperti kif ukoll fuq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-tassonomija la jeżiġi li jiġu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jirrigwardaw speċifikament iċ-ċiklu tal-ħajja u lanqas li titwettaq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja fil-każijiet kollha inkwistjoni. Mill-banda l-oħra, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja, u b’mod partikolari l-analiżijiet tal-imsemmi ċiklu diġà eżistenti, waqt l-adozzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali indirizzat il-motiv ta’ ClientEarth ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-bijoenerġija.
Minn naħa, ir-rikorrenti invokat żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kombustjoni tal-bijomassa tal-injam tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ma tikkawżax ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali. B’mod iktar partikolari, hija kkritikat lill-Kummissjoni talli ttrattat b’mod uniformi l-materja prima kollha ta’ oriġini forestali mingħajr ma segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex ma ssegwix dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni li seta’ jikkontesta l-plawżibbiltà tagħhom. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ ClientEarth, l-injam importat kien ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-bijoenerġija, fid-dawl tal-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva RED II.
Min-naħa l-oħra, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li ma kienx hemm biżżejjed evidenza xjentifika sabiex jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar dwar il-prinċipju li ma tiġix ikkawżata ħsara sinjifikattiva għall-għan ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għal dak li jirrigwarda l-użu tal-bijomassa tal-injam fl-attivitajiet marbuta mal-bijoenerġija, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ użu kaskata tal-bijomassa tal-injam.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li dan il-prinċipju kien estremament kumpless u li evidenza xjentifika suffiċjenti kienet essenzjali sabiex jiġu ddefiniti kriterji xierqa. F’dan il-kuntest, hija qieset li setgħet tirrikorri għal approċċ gradwali, skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament dwar it-tassonomija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li d-Direttiva RED II kienet diġà imponiet obbligi fuq l-operaturi fir-rigward tal-ġerarkija tal-iskart u tal-ekonomija ċirkolari, u li l-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva RED II kienet tipprevedi li l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-enerġija mill-bijomassa tiġi prodotta b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ġerarkija tal-iskart u l-prinċipju ta’ użu kaskata.
Issa, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti konkreti li jippermettu li tiġi kontradetta l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-insuffiċjenza ta’ evidenza xjentifika u ma wrietx li l-analiżi li wasslet għall-adozzjoni tal-approċċ gradwali msemmi iktar ’il fuq kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ffokat fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi, li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat bħala attività tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija ( 7 ).
F’dan il-kuntest, ClientEarth sostniet b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti. Issa, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprevedi kriterji tekniċi ta’ skrinjar li kienu jirrigwardaw speċifikament iċ-ċiklu tal-ħajja u lanqas li twettaq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja fil-każijiet kollha inkwistjoni.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet li, billi kklassifikat l-attività ta’ manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi bħala attività tranżitorja, peress li hija intiża esklużivament għal użi li huma essenzjali għas-soċjetà, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterji għall-applikazzjoni tal-prinċipju li ma tiġix ikkawżata ħsara sinjifikattiva għall-għan ta’ prevenzjoni u ta’ tnaqqis tat-tniġġis.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata kien jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala attività tranżitorja tista’ tiġi aċċettata biss jekk il-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi sseħħ skont proċess inqas intensiv fil-karbonju. Barra minn hekk, din il-klassifikazzjoni ma tapplikax għall-manifattura ta’ sustanzi kimiċi bażiċi organiċi, peress li hija kkonċernata l-manifattura ta’ sustanzi li jistgħu jkunu kklassifikati għal ċerti perikli u ċerti kategoriji ta’ periklu, ħlief “jekk ikun ġie pprovat li l-użu tagħhom huwa essenzjali għas-soċjetà”. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma setgħex tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ressqitx elementi suffiċjenti dwar l-użu downstream tas-sustanzi perikolużi u dwar l-użi tagħhom li huma essenzjali għas-soċjetà.
Il-Qorti Ġenerali żiedet li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ ClientEarth, ir-Regolamenti REACH ( 8 ) u CLP ( 9 ), li għalihom irreferiet id-deċiżjoni kkontestata, kienu rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mir-rekwiżiti legali fil-qasam tas-sigurtà kimika, previsti b’mod partikolari fl-imsemmija regolamenti, jirriżulta li l-użi downstream tas-sustanzi kimiċi bażiċi organiċi huma rregolati u li l-manifatturi ta’ dawn is-sustanzi, kif ukoll partijiet interessati oħra fil-katina tal-provvista, huma suġġetti għal firxa ta’ obbligi fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ reġistrazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ skambju ta’ data.
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali analizzat il-motiv ta’ ClientEarth dwar l-attività ta’ manifattura ta’ plastik f’forma primarja.
Skont ir-rikorrenti, għal din l-attività, il-Kummissjoni kellha tiffissa kriterju kwantitattiv li jistabbilixxi proporzjon minimu ta’ materja prima rinnovabbli neċessarju sabiex din il-manifattura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat madankollu li, fir-Regolament Delegat, il-Kummissjoni stabbilixxiet, minn naħa, kriterju kwalitattiv li kien jobbliga l-użu ta’ materja prima rinnovabbli fi kwantità mhux iddeterminata u, min-naħa l-oħra, kriterju kwantitattiv li kien iġiegħel l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma jaqbżux il-limiti stabbiliti. Issa, din l-għażla kienet konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament dwar it-tassonomija, li ma jirrendix obbligatorja l-inklużjoni ta’ kriterji kwantitattivi jew ta’ limiti fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar fis-sitwazzjonijiet kollha.
Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, reviżjonijiet futuri tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Fil-fatt, skont l-ewwel u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament dwar it-tassonomija, tali reviżjoni hija obbligatorja mill-inqas kull tliet snin għall-attivitajiet ikklassifikati bħala tranżitorji, li għalihom tappartjeni l-manifattura ta’ plastik f’forma primarja.
Barra minn hekk, ClientEarth ilmentat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiddetermina jekk l-attività ta’ manifattura ta’ plastik f’forma primarja kinitx tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-għan ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, hija ma kinitx segwiet rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ esperti tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli dwar dan is-suġġett.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat qabelxejn li r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti ma jorbtux lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(1)(g) u (k) tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja tal-attività inkwistjoni, iżda għandhom ukoll ikunu faċli sabiex jintużaw u jiġu vverifikati. Il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-integrazzjoni universali tal-elementi taċ-ċiklu tal-ħajja fil-kriterji kienet diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ data li tista’ tintuża u paragunabbli u l-multipliċità tal-applikazzjonijiet tal-plastik b’bażi bijoloġika. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura operattiva jew is-suffiċjenza ta’ evidenza xjentifika u kumplessa sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx possibbli li jiġi stabbilit tali kriterju ta’ eżami tekniku.
Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti kollha ta’ ClientEarth, hija ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.
( 1 ) Regolament Delegat (UE) 2021/2139 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 178, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”).
( 2 ) Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159).
( 3 ) Artikoli 9 u 10 tar-Regolament dwar it-tassonomija.
( 4 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 356, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Aarhus”).
( 5 ) Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva RED II”).
( 6 ) Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall‑2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU 2018, L 156, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament LULUCF”).
( 7 ) L-attivitajiet tranżitorji huma dawk li għalihom ma tkun teżisti l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament fattibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iżda li jiffavorixxu t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kriterji.
( 8 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84).
( 9 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).