(Kawża T‑540/22)
Ir-Repubblika Franċiża
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal‑10 ta’ Lulju 2024
“Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (MRU) – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli – Deċiżjoni tas‑SRB li ma tingħatax eżenzjoni – Rikors quddiem il‑Bord tal-Appell tas‑SRB – Ċaħda – Kundizzjoni tal‑assenza ta’ ostakolu għat‑trasferiment immedjat ta’ fondi proprji – Marġni ta’ diskrezzjoni tas‑SRB – Ċertezza legali – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza tas‑settur finanzjarju tal‑Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Rekwiżit minimu għall‑fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (EMEE) – Talba għal eżenzjoni minn EMEE imposta fuq entitajiet oħra li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni (EMEE interna) – Marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Eżami ta’ sostituti funzjonali oħra tal-EMEE interna – Kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ impediment sinifikattiv attwali jew previst għat‑trasferiment rapidu ta’ fondi proprji jew għal ħlas lura rapidu ta’ obbligazzjonijiet – Rekwiżit ta’ garanzija addizzjonali mis‑SRB sabiex tiġi ssodisfatta din il‑kundizzjoni – Eliġibbiltà bla ħsara
(Regolament tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 12 g(3) u (h)(1)(c))
(ara l-punti 42, 43, u 50)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti ta’ investiment – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Kumitat tal‑Appell tas‑SRB – Portata tal‑istħarriġ – Eżami tal‑mezzi li jinsabu fir-riferiment lis-SRB
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 85(3) u (4))
(ara l-punt 73)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Rekwiżit minimu għall‑fondi proprji u l‑obbligazzjonijiet eliġibbli (EMEE) – Talba għal eżenzjoni ta’ EMEE – Kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ impediment sinifikattiv attwali jew ippjanat għat‑trasferiment rapidu ta’ fondi proprji jew għal ħlas lura rapidu ta’ obbligazzjonijiet – Marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fl‑evalwazzjoni tal‑kriterji normattivi – Ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali – Assenza
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 12h(1) (c))
(ara l-punti 120, u 121)
Sunt
Adita b’rikors għal annullament, li hija ċaħdet, ippreżentat mir-Repubblika Franċiża kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) (iktar ’il quddiem il‑“kumitat tal-appell”) ( 1 ), il‑Qorti Ġenerali tat deċiżjoni għall-ewwel darba fuq deċiżjoni tal‑kumitat tal‑appell li vverifika l-eżami mwettaq mis-SRB sabiex jiddetermina jekk grupp bankarju kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji, stabbiliti fl-Artikolu 12h tar-Regolament Nru 806/2014 ( 2 ).
Fis-6 ta’ Novembru 2020, grupp bankarju kien issottometta, għal waħda mis-sussidjarji tiegħu, quddiem is-SRB, talba għall-eżenzjoni mir-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli (iktar ’il quddiem l-“EMEE”) applikata fuq bażi individwali skont l-Artikolu 12g tar-Regolament Nru 806/2014. Adit b’rikors kontra d-deċiżjoni tas-SRB li tiċħad l-imsemmija talba ( 3 ), ippreżentat mill-Awtorità ta’ Kontroll prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni (Franza) (iktar ’il quddiem l-“appellanti quddiem il-Kumitat tal-Appell”), il‑Kumitat tal-Appell ċaħad, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi rikors.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 12h(1) tar-Regolament Nru 806/2014 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkonċernata”), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabelxejn, skont interpretazzjoni letterali, li l-Artikolu 12h(1)(c) ta’ dan ir-regolament ma kienx jipprevedix l‑possibbiltà li tintalab garanzija speċifika sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ostakolu sinjifikattiv, attwali jew previst, għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji jew għar‑rimbors rapidu ta’ obbligazzjonijiet, u lanqas ma kienet tinkludi indikazzjoni li tipprojbixxi lis-SRB milli jeżiġi garanzija speċifika f’dan ir-rigward.
Sussegwentement, mill-perspettiva ta’ interpretazzjoni kuntestwali, hija qieset li r-rekwiżit ta’ garanziji koperti minn garanziji bejn l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha kien previst fl‑Artikolu 12g tar-Regolament Nru 806/2014 biss bħala mezz sabiex wieħed jikkonforma ruħu mal-EMEE intern u li l-kundizzjoni ta’ garanzija ma kinitx tinsab fl-Artikolu 12h tal-istess regolament fil-kuntest ta’ eżenzjoni, b’differenza minn dak li l-leġiżlatur kien ippreveda fid‑Direttiva 2014/59. ( 4 ) Għalhekk, il-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni skont id-dispożizzjoni kkonċernata bl-ebda mod ma setgħet tiġi kkundizzjonata mir-rekwiżit ta’ garanzija akkumpanjata minn garanzija li tkun simili għal dik prevista fl-Artikolu 12g(3) tal-istess regolament. L-approċċ kuntrarju jwassal sabiex id-dispożizzjoni kkonċernata titlef kull effett utli u għalhekk tikkostitwixxi ksur flagranti ta’ din id-dispożizzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjoni kkonċernata ma setax jiġi dedott li l-assenza ta’ riferiment għal garanzija fid-dispożizzjoni dwar l-eżami ta’ talba għal eżenzjoni tal-EMEE interna ( 5 ) kienet tipprekludi ipso jure lis-SRB milli jimponi rekwiżit ta’ dan it-tip fil-kuntest tal-imsemmi eżami. Għalhekk, għalkemm is-SRB huwa obbligat jiċħad talba għal eżenzjoni meta waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fid-dispożizzjoni kkonċernata ma tkunx issodisfatta, huwa jkollu, għall-kuntrarju, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina f’liema ċirkustanzi t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, marbuta mal-assenza ta’ ostakolu għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji, tiġi ssodisfatta. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, is-SRB ikun iġġustifikat li jimponi garanzija - differenti minn dik prevista fl‑Artikolu 12g(3) tar-Regolament Nru 806/2014 - sabiex tiġi ostakolata l-eżistenza ta’ ostakolu għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji.
Fl-aħħar nett, permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni kkonċernata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-għan prinċipali komuni tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, imfittex mil-leġiżlatur billi impona l-EMEE fuq l-istabbilimenti kollha ta’ grupp bankarju, huwa li tiġi żgurata riżoluzzjoni effikaċi b’impatt negattiv minimu fuq l-ekonomija reali, is-sistema finanzjarja u l-finanzi pubbliċi. Għalhekk, meta s-SRB jeżamina talba għal eżenzjoni tal-EMEE interna, huwa għandu jevalwa jekk ikunux jeżistu arranġamenti oħra li jistgħu jservu bħala sostituti funzjonali tal-EMEE interna. Fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu, xejn ma jipprekludih milli jqis li, skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull talba għal eżenzjoni, garanzija tkun neċessarja sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-assenza ta’ ostakolu għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax teżiġi garanzija li l-karatteristiċi tagħha jkunu simili għal dawk tal-garanzija prevista fl‑Artikolu 12g(3) tar-Regolament Nru 806/2014.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li s‑SRB eżiġa mingħand il-grupp bankarju kkonċernat garanzija li kienet tikkorrispondi għal jew li kellha karatteristiċi simili għal dik tal-Artikolu 12g(3) tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas, a fortiori, li l-Bord tal-Appell approva tali approċċ tas-SRB.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami, mill-kumitat tal-appell, tal-uniċi motivi li bihom ġiet adita, il-Qorti Ġenerali fakkret preliminarjament li, skont ir-Regolament Nru 806/2014 ( 6 ), kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors quddiem il-kumitat tal-appell kontra deċiżjoni tas-SRB, li r-rikors kien jinkludi l-motivi li fuqhom kien ibbażat u li huwa l-kumitat tal-appell li għandu jiddeċiedi fuq l-imsemmi rikors. Minn dan jirriżulta li l-Kumitat tal-Appell jeżamina l-motivi mressqa quddiemu. Barra minn hekk, il‑Qorti Ġenerali rrilevat li l-argumenti ppreżentati mill-appellanti quddiem il-kumitat tal‑appell insostenn tal-ewwel motiv tagħha ma kinux jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet sostantivi mwettqa mis-SRB dwar il-garanziji tal-2014 u tal-2015 li invoka l-grupp bankarju kkonċernat sabiex isostni li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ostakolu għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji kienet issodisfatta. Fil-fatt, l-argumenti inkwistjoni kienu jirrigwardaw l-allegat żball ta’ liġi mwettaq mis-SRB sa fejn eċċeda l-ġurisdizzjoni tiegħu billi applika b’mod mekkaniku u awtomatiku kundizzjoni li ma tinsabx fl-Artikolu 12h tar-Regolament Nru 806/2014.
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li kien il-Kumitat tal-Appell li kellu jivverifika li l‑evalwazzjoni mwettqa mis-SRB ma kinitx tikkonsisti f’eżami in abstracto moħbi tal-garanziji tal-2014 u tal-2015, iżda f’eżami in concreto kredibbli tas-sitwazzjoni tal-grupp bankarju kkonċernat u tal-imsemmija garanziji ppreżentati insostenn tat-talba tiegħu għal eżenzjoni, u li l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tas-SRB kienu għalhekk ġew osservati. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-ilment li l-aggravji u l-argumenti mqajma mill-appellanti quddiem il-Kumitat tal‑Appell, ibbażati fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mis-SRB sa fejn applika b’mod żbaljat id‑dispożizzjoni kkonċernata u eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu, kellhom neċessarjament iwasslu lill-kumitat tal-appell jeżamina jekk is-SRB kienx fondat, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li jeżiġi garanzija speċifika.
Fl-aħħar lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali osservat, minn naħa, li ma setax ikun mistenni li l-Artikolu 12h(1)(ċ) tar-Regolament Nru 806/2014 isemmi d‑diversi ipoteżijiet konkreti li fihom tiġi ssodisfatta jew le l-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel mil-leġiżlatur. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li jiġu elenkati l-eżempji ta’ ostakoli għat‑trasferiment rapidu ta’ fondi proprji bl-istess mod kif ma jistax jiġi rikjest mil-leġiżlatur li jiġu ċċitati b’mod pożittiv il-miżuri li jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ assenza tal‑imsemmija ostakoli. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix lill‑awtoritajiet ikkonċernati milli jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal‑kriterji li jkunu ġew iddefiniti mil-leġiżlazzjoni. F’dan il-każ, il-fatt li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ostakolu għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji jew fir-rigward tal-mod xieraq li bih din il-kundizzjoni jkollha tiġi ssodisfatta ma jimplikax madankollu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jkun inkiser.
( 1 ) Deċiżjoni Nru 3/2021 tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tat-8 ta’ Ġunju 2022, li tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2021/44, tal-4 ta’ Novembru 2021, li tiddetermina r-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”).
( 2 ) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 226).
( 3 ) Deċiżjoni SRB/EES/2021/44, tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal-4 ta’ Novembru 2021.
( 4 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 296).
( 5 ) Jiġifieri l-Artikolu 12h(1) tar-Regolament Nru 806/2014.
( 6 ) Ara l-Artikolu 85(3) u (4) ta’ dan ir-regolament.