Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

17 ta’ Lulju 2024 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Mission EUCAP Sahel-Niger – Aġenti Nazzjonali Kkollokati – Fastidju psikoloġiku – Ċaħda ta’ talba għad-danni – Rikors għal annullament – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dritt għad-dinjità – Artikoli 1 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Proċedura ta’ medjazzjoni – Assenza ta’ komunikazzjoni tar-rapport tal-Ombudsman – Assenza ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dmir ta’ premura – Dannu morali – Danni materjali – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑371/22,

Marco Montanari, residenti fi Reggio Emilia (l-Italja), irrappreżentat minn S. Rodrigues u A. Champetier, avukati,

rikorrent,

vs

EUCAP Sahel Niger, irrappreżentata minn E. Raoult, avukat,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2022,

–        l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar dawn l-eċċezzjonijiet, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Novembru 2022,

–        id-digriet li dawn l-eċċezzjonijiet jingħaqdu mal-mertu tas‑16 ta’ Diċembru 2022,

wara s-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Marco Montanari, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-missjoni ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger, iktar ’il quddiem il-“Missjoni”) tat‑28 ta’ April 2022 li tiċħad it-talba tiegħu għad-danni tal‑4 ta’ Frar 2022 u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-danni li huwa ġarrab minħabba sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u l-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent ġie kkollokat mill-Gvern Taljan mal-Missjoni bħala konsulent politiku mill‑14 ta’ April 2015.

3        F’Settembru 2016, il-kollokament tar-rikorrent mal-Missjoni ġie mġedded sal‑14 ta’ April 2018.

4        Fit‑8 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent talab lill-Viċi Kap tal-Missjoni sabiex jibda proċedura dixxiplinari kontra l-persuna responsabbli mill-istampa u għall-informazzjoni pubblika (iktar ’il quddiem il-“PPIO”) minħabba fatti ta’ fastidju li tagħhom ir-rikorrent kien vittma (iktar ’il quddiem l-“ewwel ilment tat‑8 ta’ Marzu 2017”).

5        Fl-istess jum, ir-rikorrent talab lill-Assistent Kap tal-Missjoni jibda proċedura dixxiplinari kontra l-Kap tal-Missjoni u l-PPIO, kif ukoll kontra l-ewwel firmatarju tal-awtorizzazzjoni għal leave mogħtija lill-PPIO sabiex imur, bl-art, lejn il-Burkina Faso fil‑25 u fis‑26 ta’ Frar 2017, minħabba li, minn naħa, tali moviment kien jikkostitwixxi, min-naħa tal-PPIO, aġir żleali lejn l-awtorità tal-Missjoni, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorizzazzjoni għal leave kienet tikkostitwixxi, min-naħa tal-Kap tal-Missjoni, negliġenza serja li tqiegħed f’dubju d-dmir ta’ premura. Sussidjarjament, fil-każ li l-Viċi Kap tal-Missjoni kien l-ewwel firmatarju tal-imsemmija awtorizzazzjoni ta’ leave, ir-rikorrent talbu jibgħat it-talba tiegħu għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari lid-Direttorat tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u speċifika li, f’każ bħal dan, huwa talab ukoll il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontrih minħabba negliġenza serja (iktar ’il quddiem it-“tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017”).

6        Fl‑24 ta’ Marzu 2017, il-Viċi Kap tal-Missjoni informa lir-rikorrent dwar l-għeluq tal-ewwel ilment tat‑8 ta’ Marzu 2017.

7        Fit‑28 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent informa lid-Direttur taċ-CPCC, fil-kwalità tiegħu ta’ Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili (KOĊ) tal-Missjoni, bil-preżentazzjoni tal-ewwel u tat-tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017 u talbu jieħu inkarigu ta’ dawn iż-żewġ ilmenti (iktar ’il quddiem is-“senjalazzjoni tat‑28 ta’ Marzu 2017”).

8        Fil‑15 ta’ Mejju 2017, l-assistent tal-KOĊ informa lill-Kap tal-Missjoni dwar it-trattament tat-tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017 bħala kwistjoni maniġerjali, mingħajr ma rrikorra għal proċedura dixxiplinari formali.

9        Fis‑17 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent talab lill-KOĊ jiftaħ investigazzjoni dwar fastidju kontra l-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap tal-Missjoni (iktar ’il quddiem is- “senjalazzjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017”). Iktar tard fl-istess jum, il-Kap tal-Missjoni bagħat twissija bil-miktub lir-rikorrent minħabba li kien naqas milli josserva matul laqgħa li saret fl‑10 ta’ April preċedenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel twissija bil-miktub”).

10      Fit‑18 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent bagħat l-ewwel twissija bil-miktub lill-KOĊ fejn talabha teħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar it-twissija tas‑17 ta’ Lulju 2017.

11      Fl‑20 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent ġie informat bil-ħatra ta’ membru tal-persunal taċ-CPCC (iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”) intiża għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post, matul il-ġimgħa ta’ wara.

12      Fil‑25 u s‑26 ta’ Lulju 2017, l-Ombudsman kellu diversi intervisti fi ħdan il-Missjoni, uħud minnhom mar-rikorrent.

13      Fis‑27 ta’ Lulju 2017, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Missjoni (iktar ’il quddiem id-“dipartiment RU”) talab lir-rikorrent jimla l-formola ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu sa mhux iktar tard mill‑4 ta’ Awwissu 2017, sabiex iġedded il-kollokament tiegħu mill‑14 ta’ April 2018.

14      Fl-istess jum, il-Kap tad-Dipartiment RU bagħat lir-rikorrent rendikont aġġornat tal-leave tiegħu, wara talba intiża sabiex huwa jiġġustifika ġranet ta’ assenza irregolari.

15      Fit‑28 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent informa lill-KOĊ bl-iskambji mad-Dipartiment RU imsemmija fil-punti 13 u 14 iktar ’il fuq sabiex jikkompleta l-fajl tat-twissija tas‑17 ta’ Lulju 2017.

16      Fid‑29 ta’ Lulju 2017, l-Ombudsman ippreżenta r-rapport tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017”).

17      Fit‑23 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrent indika lid-Dipartiment RU li huwa ma kienx ser jitlob l-estensjoni tal-kollokament tiegħu mal-Missjoni mill‑14 ta’ April 2018.

18      Fil‑25 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent bagħat lill-KOĊ elementi ġodda sabiex jikkompleta l-fajl tat-twissija tas‑17 ta’ Lulju 2017.

19      Fit‑22 ta’ Novembru 2017, il-Missjoni informat lill-awtoritajiet Taljani li r-rikorrent kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata bejn is‑17 u l‑20 ta’ Novembru 2017 u li hija kellha l-intenzjoni li tnaqqas erbat ijiem mill-ħlas tal-allowances ta’ kuljum tar-rikorrent.

20      Fit‑23 ta’ Novembru 2017, il-Kap tal-Missjoni ċaħad it-talba tar-rikorrent għar-regolarizzazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata ta’ tlett ijiem u bagħatlu t-tieni twissija bil-miktub (iktar ’il quddiem it- “tieni twissija bil-miktub”). Fl-istess jum, ir-rikorrent talab lill-KOĊ il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida minħabba li l-fatti msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq kienu jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju min-naħa tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tal-Missjoni (iktar ’il quddiem is-“senjalazzjoni tat‑23 ta’ Novembru 2017”).

21      Fit‑28 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent informa lill-KOĊ li huwa kien is-suġġett ta’ tnaqqis mis-salarju ta’ tliet ijiem u talbu wkoll jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar s-senjalazzjonijiet tas‑17 ta’ Lulju u tat‑23 ta’ Novembru 2017.

22      Fl‑4 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent bagħat lid-Deputat Segretarju Ġenerali tas-SEAE responsabbli miċ-CPCC il-kontenut tas-senjalazzjonijiet tas‑17 ta’ Lulju u tat‑23 ta’ Novembru 2017.

23      Fis‑17 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent talab lis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE jinformah fl-iqsar żmien possibbli dwar il-konklużjonijiet tal-Ombudsman u dwar il-passi rriżervati għas-senjalazzjonijiet tas‑17 ta’ Lulju u tat‑23 ta’ Novembru 2017.

24      Fit‑18 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent irriżenja mill-funzjonijiet tiegħu ta’ konsulent politiku għall-Missjoni.

25      Fl‑10 ta’ April 2018, bi tweġiba għall-ittra msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-KOĊ indika lir-rikorrent li l-allegati nuqqasijiet li dan tal-aħħar kien irrapporta kienu jaqgħu taħt “kwistjonijiet ta’ ġestjoni tal-Missjoni” u li “l-elementi tal-proċess ma kinux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018”).

26      Fil‑31 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent talab l-aċċess, b’mod partikolari, għar-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2018, is-SEAE ċaħad definittivament it-talba għal żvelar imsemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq.

28      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Montanari vs SEAE (T‑692/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:850), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2018.

29      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, kif ukoll fit‑13 ta’ Marzu u fid‑9 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrent staqsa lis-SEAE dwar is-segwitu li kellu l-intenzjoni li jirriżerva għas-sentenza msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq.

30      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2020, is-SEAE kkomunika lir-rikorrent ir-rapport kollu tad‑29 ta’ Lulju 2017, bl-eċċezzjoni tad-data personali dwar il-persuni kkonċernati l-oħra.

31      Fis‑26 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrent talab lis-SEAE jħallas is-somma ta’ EUR 971 395.92 bħala kumpens għad-danni materjali, fiżiċi u morali li allegatament seħħew minħabba fastidju psikoloġiku u ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura li r-rikorrent attribwixxa lill-Missjoni.

32      Fl‑24 ta’ Settembru 2021, is-SEAE ċaħad it-talba għad-danni msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq minħabba, b’mod partikolari, li r-rikorrent qatt ma kien ġie impjegat mis-SEAE u li l-Missjoni kienet tikkostitwixxi entità kompletament distinta mis-SEAE, kemm minn perspettiva legali kif ukoll minn dik operattiva.

33      Fit‑22 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrent bagħat lis-SEAE lment ibbażat fuq l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir- “Regolamenti tal-Persunal”) sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li tiċħad it-talba għad-danni msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq.

34      Permezz ta’ żewġ ittri distinti, tal‑4 ta’ Frar 2022, ir-rikorrent talab lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Missjoni jħallsu s-somma ta’ EUR 972 395.92 bħala kumpens għad-danni materjali, fiżiċi u morali li rriżultaw minn fatti ta’ fastidju psikoloġiku u minn ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura (iktar ’il quddiem, fir-rigward tat-talba indirizzata lill-Missjoni, it-“tielet talba għad-danni”).

35      Fil‑25 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ċaħad it-talba għad-danni msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq li kienet ġiet indirizzata lilu.

36      Fit‑28 ta’ April 2022, il-Missjoni ċaħdet it-tielet talba għad-danni.

37      Fit‑30 ta’ Mejju 2022, is-SEAE ċaħad l-ilment imsemmi fil-punt 33 iktar ’il fuq.

 Ittalbiet talpartijiet

38      Ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2022 li tiċħad it-tielet talba għad-danni;

–        tikkundanna lill-Missjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 982 840;

–        tikkundanna lill-Missjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Missjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala mressaq quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

40      Il-Missjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors minħabba li r-rikorrent eżerċita l-funzjonijiet ta’ konsulent politiku fi ħdan il-Missjoni bħala espert ikkollokat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Taljan, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas‑16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU 2012, L 187, p. 48).

41      Għalhekk, il-Missjoni tqis li kull ilment tar-rikorrent marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għandu jsir kontra l-awtoritajiet nazzjonali Taljani. F’dan ir-rigward, il-Missjoni ssemmi lment li r-rikorrent ressaq quddiem qorti Taljana. Hija tiċċita wkoll is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Chatzianagnostou vs Il-Kunsill et (T‑383/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:246), u li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Ir-rikorrent jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Missjoni billi jippreċiża, b’mod partikolari, li l-ilment li huwa ressaq quddiem it-taqsima tax-xogħol tat-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja) ma għandux rabta mat-tielet talba għad-danni u dan ir-rikors.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni 2012/392, il-Missjoni nħolqot sabiex tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-intervenjenti Niġerjani fil-qasam tas-sigurtà bl-għan li jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

44      B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2012/392 jipprovdi li l-persunal tal-Missjoni huwa kompost, essenzjalment, minn membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mis-SEAE, fejn dawn ibatu l-ispejjeż relatati mal-persunal li huma jikkollokaw, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonar, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, bl-esklużjoni tal-allowances ta’ kuljum.

45      Barra minn hekk, huwa minnu li l-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2012/392 jipprevedi li l-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn jew dwar il-membru tal-persunal issekondat, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.

46      Madankollu, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attività ta’ missjonijiet oħra li jaqgħu taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u redatti f’termini analogi, jew saħansitra identiċi, għal dawk tad-Deċiżjoni 2012/392 jirriżulta li, peress li l-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u dawk ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess regoli fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fuq il-post, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ ġestjoni tal-persunal relatati ma’ membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri li għandhom l-għan li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ dawn il-missjonijiet fuq il-post tal-operazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 50 u 55).

47      Fil-fatt, b’mod partikolari, kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex, meta l-istess att ta’ ġestjoni tal-persunal dwar l-operazzjonijiet “fuq il-post tal-operazzjonijiet” ikun jikkonċerna kemm membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u kemm membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-ewwel tista’ tkun inkonċiljabbli ma’ dik mogħtija mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 57).

48      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu tali atti. Din il-ġurisdizzjoni tirriżulta, rispettivament, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija atti, mill-Artikolu 263 TFUE, u, fir-rigward tat-tilwim dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 58).

49      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, billi ppreżenta lill-Qorti Ġenerali t-talbiet imsemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, ir-rikorrent iqajjem il-kwistjoni tal-legalità ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal dwar l-operazzjonijiet fuq il-post, u mhux kwistjonijiet marbuta mal-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2012/392.

50      Fil-fatt, mit-tielet talba għad-danni u mit-talbiet ippreżentati mir-rikorrent jirriżulta li dan tal-aħħar jikkritika lill-Kap tal-Missjoni talli adotta fil-konfront tiegħu, meta kien ikkollokat fi ħdan il-Missjoni u assenjat fuq il-post, deċiżjonijiet li jistgħu jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Karta li jiggarantixxu d-dritt għas-saħħa u d-dritt għad-dinjità tal-ħaddiema. Barra minn hekk, huwa jikkritika wkoll lill-KOĊ tal-Missjoni, u mhux lill-awtoritajiet Taljani, bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura meta ttratta r-rapporti dwar fastidju psikoloġiku li r-rikorrent kien wettaq matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni tiegħu fuq il-post.

51      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tilwimiet simili li joriġinaw minn membru tal-persunal nazzjonali kkollokat f’missjoni li taqa’ taħt il-PESK u persunal internazzjonali tal-Missjoni rreklutata fuq bażi kuntrattwali, mingħajr ma ġiet prekluża, f’dan l-aħħar każ, minn klawżola ta’ wieħed mill-kuntratti ta’ reklutaġġ li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru (sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, PY vs EUCAP Sahel Niger, T‑763/16, EU:T:2018:181, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il-Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548).

52      Fit-tielet lok, l-argumenti invokati mill-Missjoni ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din it-tilwima.

53      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Missjoni ma tistax tinvoka b’mod utli s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Chatzianagnostou vs Il-Kunsill et (T‑383/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:246), peress li dan id-digriet, li ma tax lok għal appell, jippreċedi l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq. Għalhekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-digriet imsemmi iktar’ il fuq ma tistax titqies li tirrifletti l-istat attwali tad-dritt.

54      It-tieni nett, mis-sentenza tat-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) tad‑19 ta’ Ottubru 2020 jirriżulta li t-tilwima mressqa mir-rikorrent quddiem din il-qorti kienet tikkonċerna l-kalkolu tas-salarji u tal-benefiċċji bażiċi li ngħatawlu mill-Gvern Taljan matul il-perijodu ta’ kollokament tiegħu mal-Missjoni. Għalhekk, din it-tilwima, li s-suġġett tagħha kien differenti minn dak ta’ dan ir-rikors, ma kinitx tirrigwarda l-legalità ta’ atti ta’ ġestjoni tal-Missjoni jew l-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħha fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ tali atti, u, għaldaqstant, tibqa’ mingħajr effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors.

55      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Missjoni ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

56      Il-missjoni tqajjem, essenzjalment, ħames eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ imputabbiltà tal-fatti li hija akkużata bihom, it-tieni, fuq it-tardività tar-rikors, it-tielet, fuq preskrizzjoni ta’ ħames snin jew erba’ snin, ir-raba’, fuq in-natura inkompleta tat-tielet talba għad-danni u, il-ħames, fuq l-assenza ta’ motiv invokat insostenn tat-talbiet għal annullament.

57      Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali qajmet ex officio, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament, hemm lok li din il-kwistjoni tiġi eżaminata l-ewwel.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

58      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku jikkostitwixxi għalhekk il-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull azzjoni ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, l-interess ġuridiku jkun nieqes biss meta l-eżitu favorevoli ta’ rikors ma jkunx ta’ natura, fi kwalunkwe każ, li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent. (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Julien vs Il-Kunsill, C‑285/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:551, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu. Fil-fatt, sabiex rikors għal annullament ta’ att ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli, huwa meħtieġ li din il-persuna tiġġustifika b’mod xieraq l-interess li għandu għaliha l-annullament ta’ dan l-att. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs Il-Kummissjoni, C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, din il-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali. (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il-Kunsill, T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-azzjoni għad-danni, ibbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ġiet stabbilita bħala rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti għall-finijiet tal-għan speċifiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fil-fatt, il-kawża għad-danni hija differenti mir-rikors għal annullament sa fejn hija intiża, mhux għall-irtirar, għat-tħassir jew għall-emenda ta’ att li jikkawża preġudizzju, iżda għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Merkur-Außenhandel vs Il-Kummissjoni, 43/72, EU:C:1973:108, punt 4, u tal‑1 ta’ Frar 2023, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑470/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:26, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, talbiet intiżi jew għall-annullament tar-rifjut ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li jirrikonoxxi dritt għal kumpens li rikorrent barra minn hekk isostni skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE, jew li l-Qorti Ġenerali tikkonstata l-obbligu tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu inkwistjoni li jammettu l-eżistenza ta’ tali dritt huma intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni huwa obbligat li jiġi kkumpensat u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li r-rikorrent ma jiġġustifika, bħala prinċipju, ebda interess li jippreżenta tali talbiet flimkien mat-talba tiegħu għal kumpens. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1972, Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit u Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, 9/71 u 11/71, EU:C:1972:52, punti 9 sa 11; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il-Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali, minbarra l-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa jattribwixxi lill-Missjoni, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-tielet talba għad-danni tiegħu, li l-għan tagħha kien li jinkiseb b’mod bonarju l-kumpens għall-istess danni.

65      Issa, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar l-interess tar-rikorrent li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2022 li permezz tagħha l-Missjoni ċaħdet it-tielet talba għal kumpens tiegħu, dan tal-aħħar wieġeb li, permezz tat-talbiet għal annullament tiegħu, huwa ma kienx qiegħed ifittex benefiċċju distint minn dak li kien jikseb jekk it-talbiet tiegħu għad-danni kellhom jintlaqgħu wkoll.

66      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ġġustifikax interess li jitlob, minbarra t-talbiet tiegħu għad-danni, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Missjoni li tiċħad it-tielet talba għad-danni tiegħu. Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati la r-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, u lanqas il-ħames, li jirrigwardaw speċifikament dawn it-talbiet.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ imputabbiltà lill-Missjoni tal-fatti li hija akkużata bihom

67      Il-missjoni ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ipproċessar tas-senjalazzjonijiet imwettqa mir-rikorrent mit‑28 ta’ Marzu 2017, peress li dawn s-senjalazzjonijiet ntbagħtu lil awtorità distinta mill-Missjoni, jiġifieri l-KOĊ. F’dan ir-rigward, hija tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(c) u tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta u ta’ Dixxiplina għall-Missjonijiet Ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il- “Kodiċi ta’ Kondotta”).

68      Bl-istess mod, il-Missjoni tippreċiża li r-rikorrent ma jistax jakkużaha li kellha tibda proċedura kontenzjuża kontra s-SEAE sabiex taċċedi għar-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017, peress li l-Missjoni la hija l-awtriċi u lanqas id-destinatarja tal-imsemmi rapport u ma kinitx tikkontrolla l-aċċess għalih.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

70      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li azzjoni intiża sabiex jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni għandha titressaq kontra din l-istituzzjoni, dan il-korp jew dan l-organu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 67, u d-digriet tal‑15 ta’ Novembru 2017, Pilla vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑784/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:806, punt 70).

71      Għalhekk, il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu inkarigat li jirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali, ibbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, fl-ewwel lok, huwa stabbilit li n-nuqqasijiet li r-rikorrent jallega li jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u li huma s-suġġett tal-ewwel motiv insostenn tat-talbiet għal kumpens tiegħu huma assoċjati, skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ma’ ċerti atti adottati mill-Kap tal-Missjoni u mill-Viċi Kap tad-Dipartiment tar-RU li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

73      B’mod partikolari, ir-rikorrent jilmenta, l-ewwel nett, li ġie eskluż mill-Kap tal-Missjoni mil-laqgħat politiċi ta’ kull ġimgħa bejn dan tal-aħħar u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fin-Niġer (iktar ’il quddiem id-“Delegazzjoni”), it-tieni nett, li rċieva mingħand il-Kap tal-Missjoni l-ewwel twissija bil-miktub fis‑17 ta’ Lulju 2017, inqas minn siegħa wara t-twissija tal-istess jum, it-tielet nett, li rċieva mid-Dipartiment tar-RU, fis‑27 ta’ Lulju 2017, jiġifieri l-għada tat-tluq tal-Ombudsman, talba intiża sabiex jimla l-formola ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni bl-għan tat-tiġdid tal-kollokament tiegħu f’April 2018 u, ir-raba’ nett, li jkun irċieva mingħand il-kap tad-Dipartiment tar-RU, fl-istess jum, rendikont aġġornat tal-leave tiegħu wara talba tal-imsemmi dipartiment sabiex jiġġustifika ġranet ta’ assenza irregolari.

74      Issa, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2012/392, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dak iż-żmien, kien jipprevedi li l-Kap tal-Missjoni kien responsabbli mill-Missjoni fuq il-post u kien jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha. L-Artikolu 6(1)(a) tal-istess deċiżjoni kien jispeċifika li, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu, il-Kap tal-Missjoni seta’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni tal-persunal lil membri tal-persunal tal-Missjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprovdi li l-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-persunal, tal-gruppi u tal-unitajiet ipprovduti mill-Istati kontribwenti.

75      Għalhekk, l-atti elenkati fil-punt 73 iktar ’il fuq, li r-rikorrent jikkritika lill-Missjoni fil-kuntest tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talbiet għad-danni, huma marbuta mal-eżerċizzju, mill-Kap tal-Missjoni, tal-prerogattivi li huwa għandu permezz tad-Deċiżjoni 2012/392 u, għaldaqstant, mal-eżekuzzjoni mill-Missjoni tal-mandat tiegħu, li din għandha tinżamm responsabbli għaliha konformement mal-Artikolu 13(4) ta’ din id-deċiżjoni.

76      Barra minn hekk, il-Missjoni ma stabbilixxietx, u lanqas allegat, li l-atti deskritti f’dan l-ewwel motiv huma karatteristiċi ta’ nuqqas serju tal-Kap tal-Missjoni, li għalih huwa biss dan tal-aħħar li għandu jassumi r-responsabbiltà, skont l-Artikolu 13(4) tad-Deċiżjoni 2012/392.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala infondata fir-rigward tal-ewwel motiv insostenn tat-talbiet għad-danni.

78      Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tieni motiv invokat insostenn tat-talbiet għad-danni, ir-rikorrent isostni li diversi nuqqasijiet li huwa jikkritika mhux biss lill-Kap tal-Missjoni, iżda wkoll lill-KOĊ, jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura imputabbli lill-Missjoni.

79      B’mod partikolari, ir-rikorrent jilmenta, l-ewwel nett, dwar l-assenza ta’ trattament, f’terminu raġonevoli, tal-ilmenti u tar-rapporti tiegħu mill-Kap tal-Missjoni u mill-KOĊ, it-tieni nett, dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet u tar-rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 u, it-tielet nett, dwar l-assenza ta’ implimentazzjoni mill-KOĊ ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

80      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/392 kien jipprevedi li l-Missjoni, bħala operazzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi, kellha linja ta’ kmand unifikata, u li l-Artikolu 5(1) tal-istess deċiżjoni kien jaħtar lid-Direttur taċ-CPCC tas-SEAE bħala l-KOĊ tal-Missjoni. Għalhekk, l-Artikolu 5(2) ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li l-KOĊ kien jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-Missjoni fil-livell strateġiku, u l-Artikolu 5(3) tiegħu kien jipprevedi li huwa kellu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta’ pariri u appoġġ tekniku.

81      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn ma jeskludux l-adozzjoni mill-KOĊ ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-mandat tal-Missjoni fuq il-post (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il-Kunsill, C‑413/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1044, punti 69 sa 71).

82      It-tieni nett, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta, adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2016, jirriżulta li l-KOĊ huwa awtorizzat jadotta atti ta’ ġestjoni tal-persunal neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-mandat tal-Missjoni fuq il-post.

83      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, japplika bl-istess mod għall-membri kollha tal-missjonijiet ċivili tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-PSDK, inklużi l-membri kkollokati mill-Istati Membri, jirriżulta li kull senjalazzjoni relatata ma’ nuqqas eventwali tal-Kap tal-Missjoni għandha tintbagħat lill-KOĊ.

84      Sussegwentement, mill-Artikolu 9 tal-Kodiċi ta’ Kondotta jirriżulta wkoll li l-awtorità responsabbli mis-segwitu li għandu jingħata fil-każ ta’ nuqqas eventwali tal-Kap tal-Missjoni huwa l-KOĊ li jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-Missjoni taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli. Skont l-Artikolu 11 tal-istess kodiċi, f’każ bħal dan, il-KOĊ jista’ jagħlaq il-każ mingħajr ma jieħu azzjoni ulterjuri, jittratta l-każ bħala kwistjoni maniġerjali mingħajr ma jirrikorri għal proċedura dixxiplinari formali, jew jibda investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari.

85      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Kondotta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-KOĊ jista’ jitlob lill-assistent tiegħu biex jieħu irrevokabbilment ir-responsabbiltà tal-Kap tal-Missjoni f’sitwazzjoni partikolari.

86      Għalhekk, in-nuqqasijiet elenkati fil-punt 79 iktar ’il fuq, li r-rikorrent jattribwixxi lill-Missjoni fil-kuntest tat-tieni motiv, huma marbuta mal-eżerċizzju, mill-KOĊ, ta’ prerogattivi li huwa għandu tad-Deċiżjoni 2012/392 u tal-Kodiċi ta’ Kondotta, u, għaldaqstant, mal-eżekuzzjoni mill-Missjoni tal-mandat tiegħu, li l-Missjoni tagħha għandha tinżamm responsabbli konformement mal-Artikolu 13(4) ta’ din id-deċiżjoni.

87      Konsegwentement, ir-rikorrent ġustament iressaq l-azzjoni tiegħu għad-danni kontra l-Missjoni minħabba n-nuqqasijiet deskritti fil-punt 79 iktar ’il fuq li huwa jattribwixxi lill-KOĊ. Minn dan isegwi li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata fir-rigward tat-tieni motiv, u li, għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq it-tardività tar-rikors

88      Il-Missjoni ssostni li d-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018 tikkostitwixxi deċiżjoni amministrattiva li tikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent fit-terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha, jew meta ġiet innotifikata, fit‑23 ta’ Lulju 2020, tar-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent ġie prekluż milli jfittex ir-responsabbiltà tal-Missjoni minħabba l-illegalità li biha hija vvizzjata din id-deċiżjoni.

89      Il-Missjoni ssostni wkoll li r-rikorrent ma esponiex ir-raġunijiet li għalihom huwa ma ppreżentax rikors għal annullament kontra l-ewwel u t-tieni twissijiet bil-miktub.

90      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumentazzjoni tal-Missjoni.

91      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq, dwar l-awtonomija tal-azzjoni għad-danni, jirriżulta li l-inammissibbiltà eventwali tat-talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li tat lok għal dannu ma twassalx awtomatikament għal dik tat-talba għal kumpens għall-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, għalkemm parti tista’ taġixxi permezz ta’ kawża għad-danni mingħajr ma tkun obbligata minn ebda dispożizzjoni tal-liġi li tfittex l-annullament tal-att illegali li kkawżalha dannu, hija ma tistax madankollu tevita b’dan il-mod l-inammissibbiltà ta’ talba li tikkonċerna l-istess illegalità u li għandha l-istess finijiet pekunarji. (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Għaldaqstant, rikors għad-danni għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli meta jkun intiż, fir-realtà, għall-irtirar, it-tħassir jew il-bidla ta’ deċiżjoni individwali li tkun saret definittiva u meta jkollu bħala effett, jekk jintlaqa’, li jelimina l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni. Dan huwa l-każ jekk ir-rikorrent ifittex, permezz ta’ talba għad-danni, li jikseb riżultat li huwa identiku għal dak li kien jagħtih is-suċċess ta’ rikors għal annullament li naqas milli jibda fi żmien xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Bl-istess mod, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli azzjoni għal kumpens li hija fformulata bħala ordni u li hija intiża, mhux sabiex tikkumpensa dannu imputabbli għal att illegali jew għal ommissjoni, iżda sabiex temenda l-att kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252, punt 103).

95      F’dan il-każ, l-azzjoni għad-danni mressqa mir-rikorrent hija intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqasijiet tal-Kap tal-Missjoni u tall-KOĊ li huma elenkati, rispettivament, fil-punti 73 u 79 iktar ’il fuq, u li wħud minnhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju, minħabba li dawn in-nuqqasijiet jikkaratterizzaw, minn naħa, sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku pprojbita mid-dispożizzjonijiet tal-Karta u, min-naħa l-oħra, ksur tad-dmir ta’ premura u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

96      Għalhekk, tali rikors ma jirrigwardax l-irtirar, it-tħassir u lanqas il-modifika ta’ eventwali deċiżjonijiet li setgħu jittieħdu mill-Kap tal-Missjoni u mill-KOĊ u li saru definittivi, iżda l-kumpens għad-danni imputabbli lill-Missjoni minħabba l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’mod partikolari, mis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrent ma jirriżultax li dan jitlob kumpens in natura li permezz tiegħu l-Missjoni għandha tiftaħ investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari fir-rigward tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap, li jkun ekwivalenti għal talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018. Minn dan jirriżulta li n-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni individwali ma tistax tostakola l-ammissibbiltà tar-rikors.

97      Fl-aħħar nett, l-awtonomija tar-rikors għad-danni mfakkar fil-punti 61 u 91 iktar ’il fuq kienet teżenta wkoll lir-rikorrent milli jiġġustifika l-motivi li għalihom huwa ma ppreżentax rikors għal annullament kontra l-ewwel u t-tieni twissijiet bil-miktub.

98      Għaldaqstant, din it-tieni eċċezzjoni ta’ inamissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq preskrizzjoni ta’ ħames snin jew ta’ erba’ snin

99      Il-Missjoni ssostni li r-rikorrent jippreżenta rikors kontriha ħames snin wara li seħħew il-fatti inkwistjoni, filwaqt li kien biss fi Frar 2022 li huwa indirizzalha t-talba tiegħu għad-danni. Hija ssostni wkoll li r-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu, erba’ snin wara, fuq ir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017.

100    Ir-rikorrent jikkontesta l-argument tal-Missjoni billi joġġezzjona li r-rikors huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, it-talbiet kif ukoll sunt tal-motivi invokati, fejn din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tar-rikors (ara d-digriet tas‑7 ta’ Settembru 2022, Rosca vs Il-Kummissjoni, C‑802/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:677, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    B’mod partikolari, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 78).

103    B’hekk, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti invokati minn parti li ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed, sa fejn ma humiex is-suġġett ta’ żvilupp ieħor u ma humiex akkumpanjati minn argument speċifiku li jissostanzjahom. (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑107/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:937, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni li jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll, b’analoġija, għall-konvenut meta dan iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, peress li tali rekwiżit ma għandu l-ebda għan ieħor ħlief li jippermetti lill-parti avversarja tipprepara d-difiża tagħha u lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha, u dan a fortiori meta l-konvenut isostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba l-preskrizzjoni.

105    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, b’differenza mit-termini tal-proċedura, l-osservanza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma hijiex (kwistjoni) ta’ ordni pubbliku u ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata sabiex tiġi estinta l-azzjoni għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-proċess jirriżulta li, għalkemm il-Missjoni semmiet terminu ta’ ħames snin li fi tmiemu dan ir-rikors ġie ppreżentat, hija ma ppreċiżatx il-bażi legali ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u lanqas ma invokat l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-azzjonijiet kontra l-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti wara ħames snin minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom.

107    It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li l-Missjoni semmiet ukoll tul ta’ erba’ snin, differenti minn dak previst mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprekludi li r-rikorrent ikun jista’ jinvoka r-rapport tad‑19 ta’ Lulju 2017, mingħajr ma jinvoka dispożizzjonijiet preċiżi insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

108    It-tielet nett, anki jekk jitqies li l-Missjoni riedet tinvoka l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma indikatx liema kienu, fil-fehma tagħha, il-fatt li ta lok għall-pretensjoni invokat mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u lanqas il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, bl-istess mod li hija astjeniet milli tesponi l-motivi ta’ liġi u ta’ fatt li għalihom hija tqis li l-imsemmija pretensjoni tkun preskritta.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Missjoni u bbażata fuq preskrizzjoni ta’ ħames snin jew ta’ erba’ snin ma hijiex suġġetta għal preċiżazzjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tagħha.

110    Konsegwentement, din it-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala insuffiċjentement preċiża u, għaldaqstant, inammissibbli.

 Fuq ilfondatezza tattalbiet għallkumpens

111    Insostenn tat-talbiet tiegħu għal kumpens, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 1 u 31 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn huwa kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap, it-tieni, fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, it-tielet, fuq l-eżistenza ta’ danni reali u ċerti u, ir-raba’, fuq l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-ksur invokat fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv u d-danni allegati fil-kuntest tat-tielet motiv.

112    Qabel ma jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrent, għandhom jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-Missjoni tista’ tiġi stabbilita fil-konfront ta’ membru tal-persunal nazzjonali kkollokat magħha.

 Fuq il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Missjoni

113    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tkun tista’ tiġi stabbilita f’każ partikolari, huwa neċessarju, fost kundizzjonijiet oħra, li l-persuna li titlob kumpens għad-dannu jew danni li hija tqis li ġarrbet minħabba aġir jew att tal-Unjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il-Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jkunu kisru din ir-regola u mill-kwistjoni ta’ jekk din l-istituzzjoni, dan il-korp jew dan l-organu kisrux b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq din is-setgħa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-imsemmija regola, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha kif ukoll tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi deċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il-Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tar-responsabbiltà ikbar tal-Unjoni meta taġixxi bħala persuna li timpjega, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità mwettqa, skont il-każ, mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) hija suffiċjenti sabiex titqies li hija ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha minħabba ksur tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jistaqsi dwar jekk hemmx ksur “suffiċjentement serju” ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2020, AL vs Il-Kummissjoni, T‑83/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:254, punti 66 u 67).

116    Fil-fatt, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa r-regoli partikolari b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. B’hekk, b’mod differenti minn kwalunkwe individwu ieħor, l-uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni, mal-korp jew mal-organu li huwa jiddependi minnhom permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Issa, kif huwa indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, il-membri tal-persunal nazzjonali kkollokati mal-Missjoni mill-Istati Membri, minkejja li ma humiex irregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqgħu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-membri tal-persunal li huma kkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fuq il-post.

118    Konsegwentement, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti sabiex titqies li hija ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lil membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-Missjoni fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fuq il-post (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il-Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 104).

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina suċċessivament il-ksur invokat mir-rikorrent insostenn tal-ewwel u tat-tieni motiv tar-rikors, sabiex tivverifika jekk dawn humiex stabbiliti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dawn humiex suffiċjentement serji.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 31 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal

120    Ir-rikorrent isostni li l-erba’ nuqqasijiet elenkati fil-punt 73 iktar ’il fuq, li ġew irrilevati fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 u li, għall-finijiet ta’ din is-sentenza, għandhom jitqiesu bħala diversi partijiet insostenn tal-ewwel motiv, jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku li huwa jallega li kien vittma tagħha u li hija pprojbita mill-Artikoli 1 u 31 tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa applikabbli b’analoġija.

121    Il-Missjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrent.

122    Qabel ma jiġu eżaminati l-erba’ partijiet imsemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq u qabel ma ssir l-evalwazzjoni kuntestwali tagħhom, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi evalwat jekk ir-rikorrent jistax jinvoka b’mod utli l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni nett, li titfakkar id-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-livell ta’ prova meħtieġ f’dan il-qasam, it-tielet nett, li jitfakkru l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità tal-impjieg għandha tassisti lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, u, ir-raba’ nett, li jiġi ddeterminat il-livell ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża.

–       Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-kawża

123    Għandu jitfakkar li l-membri tal-persunal jew l-esperti nazzjonali ssekondati li okkażjonalment huma impjegati ma’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-fastidju psikoloġiku u l-protezzjoni funzjonali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali tal-Unjoni ma humiex direttament applikabbli għar-rikorrent.

125    Madankollu, il-membri tal-persunal ikkollokati mal-Missjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal, u dawk ikkollokati mill-Istati Membri għandhom, skont id-Deċiżjoni 2012/392, ikunu suġġetti għall-istess regoli fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fuq il-post. Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tapplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrent, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-fastidju psikoloġiku u l-protezzjoni funzjonali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali kif ukoll il-ġurisprudenza mogħtija abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il-Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, irrikonoxxut fl-Artikolu 20 tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il-Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sa fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta. (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il-Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-membri tal-persunal ikkollokati mal-Missjoni mill-Istati Membri ma humiex irregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, kuntrarjament għall-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet, din id-differenza fis-sitwazzjoni ma tistax oġġettivament tiġġustifika li dawk tal-ewwel, meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq il-post tal-operazzjonijiet u għalhekk jitqiegħdu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tat-tieni, ma jibbenefikawx mill-istess livell u mill-istess regoli ta’ protezzjoni kontra l-fastidju psikoloġiku.

129    Konsegwentement, ir-rikorrent jista’ jinvoka b’mod utli l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, apparti l-Artikoli 1 u 31 tal-Karta.

–       Fuq id-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-livell ta’ prova meħtieġ

130    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 l-Artikolu 31(1) tal-Karta jipprevedu rispettivament, minn naħa, li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u li għandha tiġi rrispettata u protetta, u, min-naħa l-oħra, li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

131    Barra minn hekk, l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li kull uffiċjal għandu jastjeni minn kull forma ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali.

132    B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “turment [fastidju] psikoloġiku”, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ddefinit bħala “imġiba mhux xierqa” li timmaterjalizza ruħha permezz ta’ aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet “tul perjodu, [huma] ripetittiv[i] jew sitemati[ċi]”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li essenzjalment iseħħ tul iż-żmien u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu u li huwa “intenzjonali”, għall-kuntrarju ta’ “aċċidentali”. Min-naħa l-oħra, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku”, dan l-aġir, kliem, dawn l-atti, dawn l-azzjonijiet jew dawn l-atti bil-miktub għandu jkollhom l-effett li jbaxxu l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, EM vs Il-Parlament, C‑299/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:429, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-atteġġjament fiżiku, lingwaġġ imlissen jew miktub, azzjonijiet jew atti oħra inkwistjoni jkunu twettqu bl-intenzjoni li titbaxxa l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, il-fastidju psikoloġiku jista’ jiġi kkaratterizzat mingħajr ma jintwera li l-persuna li tagħti fastidju kellha l-intenzjoni li, bl-azzjonijiet tagħha, tiskredita lill-vittma jew tiddegrada intenzjonalment il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Biżżejjed li dan l-aġir, meta jkun twettaq volontarjament, ikun wassal oġġettivament għal tali konsegwenzi. (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, ZU vs Il-Kummissjoni, T‑671/18 u T‑140/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:715, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fit-tieni lok, peress li l-aġir inkwistjoni għandu jkollu, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, natura abbużiva, il-klassifikazzjoni ta’ “fastidju” hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, iqishom bħala eċċessivi u ta’ min jikkritikahom (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, ZU vs Il-Kummissjoni, T‑671/18 u T‑140/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:715, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Fit-tielet lok, il-fastidju psikoloġiku jista’, minħabba d-definizzjoni tiegħu stess, ikun ir-riżultat ta’ sensiela ta’ aġir differenti, li, meħuda waħedhom, ma jikkostitwixxux neċessarjament fihom infushom fastidju psikoloġiku, iżda li, evalwati globalment u b’mod kuntestwali, inkluż minħabba l-akkumulazzjoni tagħhom ratione temporis, jistgħu jitqiesu bħala tali. Huwa għal din ir-raġuni li, meta tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-aġir invokat mir-rikorrent ikkonċernat jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku, għandhom jiġu eżaminati dawn il-fatti kemm waħedhom kif ukoll kollha flimkien bħala elementi ta’ ambjent globali ta’ xogħol maħluq mill-aġir ta’ membru tal-persunal fil-konfront ta’ membru tal-persunal ieħor (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, ZU vs Il-Kummissjoni, T‑671/18 u T‑140/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:715, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Fir-raba’ lok, kull deċiżjoni li tkun ġiet adottata matul il-perijodu li matulu persuna ssostni li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku u li l-legalità tagħha ma ġietx ikkontestata, bħala tali, hija element fattwali li jista’ jikkostitwixxi indizju ta’ fastidju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fost oħrajn, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir eżami tal-legalità tagħha jew li l-eżawriment tat-termini għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tagħha ma jostakolax lill-qorti milli tikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju. Għalhekk, hija l-qorti li għandha tevalwa jekk deċiżjoni bħala element fattwali tistax titqies bħala indizju ta’ fastidju psikoloġiku, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali rilevanti kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, FD vs Impriża Konġunta Fusion for Energy, T‑641/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:388, punt 44).

–       Fuq id-dmir ta’ assistenza tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jħaddem fil-każ ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku

137    Għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ġie mfassal sabiex jipproteġi lill-uffiċjali tal-Unjoni kontra l-fastidju jew trattament degradanti jkun xi jkun, b’mod partikolari mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom jew mill-kollegi tagħhom. (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, GV vs Il-Kummissjoni, T‑705/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:590, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Għandu jitfakkar li, meta quddiem l-Awtorità tal-Ħatra titressaq, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija regolamenti, hija għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan l-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-aġir tiegħu. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu inkwistjoni li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqet dan l-ilment u, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, li għandha tadotta l-miżuri neċessarji, bħalma huma l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, kontra l-persuna implikata meta l-amministrazzjoni tikkonkludi, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, li kien hemm fastidju psikoloġiku (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il-Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 80, u tal‑14 ta’ Lulju 2021, AI vs ECDC, T‑65/19, EU:T:2021:454, punt 64).

139    B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir għall-amministrazzjoni li teżamina serjament, b’ħeffa u bil-kunfidenzjalità kollha, it-talba għal assistenza li fiha jiġi allegat tali fastidju u li tinforma lill-persuna li tagħmel din it-talba bis-segwitu mogħti lilha (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il-Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 81).

140    Fl-aħħar nett, adita b’motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali għandha tfittex jekk l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kkonċernat wettaqx żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tad-definizzjoni tal-fastidju prevista f’din id-dispożizzjoni, u mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, GV vs Il-Kummissjoni, T‑705/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:590, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    B’mod partikolari, il-fondatezza tad-deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza mingħajr ma tkun infetħet investigazzjoni amministrattiva għandha tiġi evalwata mill-qorti fid-dawl tal-elementi li jkunu tressqu għall-konjizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu kkonċernat, b’mod partikolari mill-persuna li tressaq it-talba għal assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, GV vs Il-Kummissjoni, T‑705/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:590, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża

142    Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ stħarriġ applikabbli f’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk ir-rapport tad-29 ta’ Lulju 2017 huwiex ekwivalenti għar-riżultat ta’ investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 138 u 141 iktar ’il fuq, li kellu l-għan li jistabbilixxi l-fatti li taw lok għas-senjalazzjonijiet tat-28 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Lulju 2017.

143    Fil-fatt, jekk dan ma jkunx il-każ, hija l-Qorti Ġenerali, skont id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji mfakkra fil-punti 130 sa 141 iktar ’il fuq, li għandu jevalwa, waqt l-eżami tal-partijiet korrispondenti, jekk l-erba’ nuqqasijiet allegati mir-rikorrent lill-Kap tal-Missjoni u lill-assistent tiegħu jikkostitwixxux każ ta’ fastidju psikoloġiku, iżda indizji ta’ tali fastidju, li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.

144    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018 jirriżulta li r-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 ġie stabbilit minn membru tal-persunal taċ-CPCC tas-SEAE skont l-Artikolu 11(1)(b) tal-Kodiċi ta’ Kondotta, li jawtorizza lill-KOĊ, fil-każ ta’ senjalazzjoni li tinvolvi lill-Kap tal-Missjoni, li jittratta l-każ bħala kwistjoni maniġerjali mingħajr ma jirrikorri għal proċedura dixxiplinari formali u, jekk ikun il-każ, billi jirrikorri għal proċedura ta’ medjazzjoni.

145    B’hekk, jidher li r-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 ġie stabbilit sabiex jingħata rendikont ta’ tentattiv ta’ medjazzjoni, u mhux sabiex tiġi stabbilita, fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari prevista fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-fondatezza tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku li jinsabu fis-senjalazzjonijiet tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017.

146    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, fir-rapport tiegħu tad‑29 ta’ Lulju 2017, l-Ombudsman ma ħax pożizzjoni espliċita dwar jekk il-fatti allegati mir-rikorrent fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tiegħu kinux jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju jew kinux jikkostitwixxu indizji ta’ tali sitwazzjoni.

147    Huwa minnu li mill-konklużjoni tar-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 jista’ jiġi dedott li l-Ombudsman impliċitament ikkunsidra li ċerti fatti allegati mir-rikorrent kontra l-Missjoni, b’mod partikolari dawk li huma s-suġġett tal-erba’ partijiet invokati insostenn tal-ewwel motiv, kienu jikkostitwixxu indizji ta’ fastidju psikoloġiku.

148    Fil-fatt, f’din il-konklużjoni, l-Ombudsman jipproponi miżura ta’ paċifikazzjoni, jiġifieri assenjazzjoni temporanja tar-rikorrent fi Brussell (il-Belġju) wara l-leave tas-sajf, billi jirreferi espressament għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-fastidju, kif ukoll għal regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipprevedu l-possibbiltà ta’ fażi informali qabel it-tnedija tal-proċedura formali u minħabba li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet kienu xierqa għal tali fażi informali.

149    Madankollu, l-evalwazzjoni personali tal-Ombudsman li tinsab fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 ma tteħditx f’ismu mill-Missjoni.

150    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018, li seħħet wara t-tmiem tal-kollokament tar-rikorrent mal-Missjoni, il-KOĊ informah bl-ipproċessar tas-senjalazzjonijiet tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 bħala kwistjoni maniġerjali, skont l-Artikolu 11(1)(b) tal-Kodiċi ta’ Kondotta, mingħajr ma fetaħ investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari u mingħajr ma ta bidu għal proċedura dixxiplinari formali fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tal-Missjoni.

151    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, il-Missjoni qieset li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku li jinsabu fis-senjalazzjoni tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 ma kinux fondati jew, tal-inqas, li ma kinux issostanzjati biżżejjed sabiex jikkostitwixxu indizji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari.

152    Għalhekk, peress li l-Missjoni astjeniet, permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018, milli twettaq investigazzjoni amministrattiva sabiex tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent u milli tieħu pożizzjoni dwar l-eventwalità li n-nuqqasijiet allegati mir-rikorrent fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-assistent tiegħu jikkaratterizzaw sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, tali deċiżjoni hija ekwivalenti, fl-effetti tagħha, għaċ-ċaħda ta’ talba għal assistenza mingħajr il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, li l-Qorti Ġenerali għandha, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 iktar ’il fuq, tevalwa l-fondatezza tagħha fid-dawl tal-elementi li r-rikorrent ressaq għall-konjizzjoni tal-Missjoni.

–       Fuq l-ewwel parti, dwar l-esklużjoni tar-rikorrent mil-laqgħat politiċi ta’ kull ġimgħa bejn il-Kap tal-Missjoni u l-Kap tad-Delegazzjoni

153    Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-esklużjoni tiegħu mil-laqgħat politiċi ta’ kull ġimgħa bejn il-Kap tal-Missjoni u l-Kap tad-Delegazzjoni (iktar ’il quddiem il- “laqgħat tal-istat maġġur”) kienet tikkostitwixxi indizju ta’ fastidju psikoloġiku li kien jiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva.

154    F’dan ir-rigward, minn posta elettronika tas‑26 ta’ Mejju 2017 jirriżulta li, minn din id-data, il-Kap tal-Missjoni talab lir-rikorrent sabiex ma jibqax jipparteċipa fil-laqgħat tal-persunal.

155    B’hekk, mir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 jirriżulta li r-rikorrent ikkunsidra li l-esklużjoni tiegħu mil-laqgħat tal-istat maġġur kellha bħala konsegwenza li ċċaħħdu minn sors importanti ta’ informazzjoni sabiex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ konsulent politiku, li jipprekludih milli jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ koordinazzjoni mad-Delegazzjoni għat-tfassil tar-rapporti fuq il-kwistjonijiet politiċi, u li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tiegħu.

156    Madankollu, minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni tas‑26 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punt 154 iktar ’il fuq kienet issegwi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tar-rikorrent, minħabba l-assenza ta’ segwitu min-naħa tiegħu ta’ dawn il-laqgħat ta’ kull ġimgħa, u, it-tieni nett, li dawn il-laqgħat kienu politikament sensittivi u l-Kap tal-Missjoni kellu raġunijiet sabiex jemmen li informazzjoni li tirriżulta minn dawn il-laqgħat kienet ġiet żvelata lill-awtoritajiet Taljani.

157    Ċertament, fir-rapport tiegħu tad‑29 ta’ Lulju 2017, l-Ombudsman qies li l-esklużjoni tar-rikorrent mil-laqgħat tal-persunal u d-deċiżjoni li jistiednu biss għal-laqgħat ta’ tmexxija ta’ kull ġimgħa ma kinux vijabbli, fid-dawl tal-funzjonijiet tiegħu ta’ konsulent politiku u ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam, u li kien jiswa aħjar li r-rikorrent jibqa’ assoċjat okkażjonalment mal-laqgħat tal-istat maġġur.

158    Madankollu, fir-rigward tal-ewwel motiv tal-esklużjoni tar-rikorrent mil-laqgħat tal-istat maġġur, minn posta elettronika indirizzata mill-Kap tal-Missjoni lir-rikorrent fis‑6 ta’ April 2017 jirriżulta wkoll li, matul dawn il-laqgħat ta’ kull ġimgħa, il-kontribuzzjoni tar-rikorrent kienet nulla.

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2012/392 jipprovdi li l-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet ipprovduti mill-Istati kontribwenti u għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni sabiex din titmexxa b’mod effettiv fuq il-post tal-operazzjonijiet, filwaqt li tiżgura l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tagħha.

160    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-servizz. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, EU:C:1981:248, punt 19).

161    Issa, ir-rikorrent ma pproduċiex elementi ta’ natura li jikkontradixxu l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni li l-kontribut tiegħu għal-laqgħat tal-persunal kien null, b’tali mod li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellu dan tal-aħħar u fid-dawl tar-rekwiżit ta’ effikaċja mfakkar fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2012/392, ma jidhirx li d-deċiżjoni tiegħu li jeżenta lir-rikorrent minn kull parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat kienet eċċessiva jew kritikabbli fid-dawl tal-interess tas-servizz.

162    It-tieni nett, mill-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni 2012/392 jirriżulta wkoll li l-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi, bla ħsara għall-katina ta’ kmand, gwida politika fil-livell lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni.

163    Konsegwentement, sa fejn il-laqgħat tal-persunal kellhom b’mod partikolari bħala għan it-trażmissjoni tal-linji gwida politiċi lokali min-naħa tal-Kap tad-Delegazzjoni, ma jidhirx li l-preżenza tar-rikorrent f’dawn il-laqgħat kienet indispensabbli.

164    It-tielet nett, ma ntweriex, u lanqas allegat, li l-laqgħat tal-istat maġġur kienu jikkostitwixxu l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-Missjoni u d-Delegazzjoni dwar il-kwistjonijiet politiċi, b’tali mod li ma jidhirx li l-esklużjoni tar-rikorrent minn dawn il-laqgħat kienet tostakola l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, peress li kienu jinvolvu koordinazzjoni mal-kontroparti jew mal-kontroparti tiegħu tad-Delegazzjoni dwar il-kwistjonijiet politiċi.

165    Konsegwentement, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2017 imsemmi fil-punt 156 iktar ’il fuq, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kunfidenzjalità ta’ dawn il-laqgħat u tal-iżvelar mir-rikorrent ta’ ċerta informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani, din id-deċiżjoni li jiġi eskluż mil-laqgħat tal-persunal ma tistax titqies, meħuda waħedha, bħala indizju ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrent, b’tali mod li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, dwar il-wasla tal-ewwel twissija bil-miktub mir-rikorrent fis17 ta’ Lulju 2017, inqas minn siegħa wara senjalazzjoni tal-istess jum

166    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li n-notifika tal-ewwel twissija bil-miktub inqas minn siegħa wara li saret in-notifika tas‑17 ta’ Lulju 2017 tikkostitwixxi l-indizju ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tiegħu.

167    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta jipprovdi li l-membru tal-Missjoni li jkun irrapporta nuqqas eventwali ma għandux jiġi ppenalizzat minħabba, jew wara, din is-senjalazzjoni, bil-kundizzjoni li jkun aġixxa b’mod raġonevoli u in bona fide.

168    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li, fis‑17 ta’ Lulju 2017, il-Kap tal-Missjoni bagħat lir-rikorrent twissija bil-miktub talli naqsu mir-rispett matul laqgħa li saret fl‑10 ta’ April 2017 u li matulha l-Missjoni kienet laqgħet personalità politika ta’ Stat Membru. Fil-fatt, il-Kap tal-Missjoni kkritika lir-rikorrent talli, permezz tal-lingwaġġ tal-ġisem tiegħu, esprima b’mod ċar ħafna n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-fatt li kellu jieħu noti waqt din il-laqgħa meta kien mistenni li jagħmel dan, u li adotta espressjonijiet tal-wiċċ jew ġesti mhux xierqa kull darba li l-Kap tal-Missjoni kien qed jitkellem.

169    B’mod partikolari, din l-ewwel twissija ntbagħtet lir-rikorrent fis‑17 ta’ Lulju 2017, inqas minn siegħa wara li bagħat lill-KOĊ senjalazzjoni li kienet tinvolvi lill-Kap tal-Missjoni u lill-assistent tiegħu għal fastidju psikoloġiku.

170    L-ewwel nett, mill-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta jirriżulta li, abbażi ta’ rapport li jikkonstata nuqqas eventwali, id-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli dwar l-azzjoni li għandha tittieħed għall-imsemmi nuqqas, li tista’ twassal lill-awtorità sabiex tittratta l-każ bħala kwistjoni maniġerjali, għandha tittieħed f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol.

171    F’dan il-każ, peress li l-ewwel twissija bil-miktub ma segwietx proċedura dixxiplinari formali u mit-titolu tagħha jirriżulta li din hija ta’ natura “maniġerjali”, għandu jiġi kkonstatat, fl-assenza ta’ bażi legali oħra mressqa mill-Missjoni, li din ġiet adottata skont l-Artikolu 11(b) tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

172    It-tieni nett, għalkemm mir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 jirriżulta li l-Kap tal-Missjoni ġġustifika mal-Ombudsman it-trażmissjoni tardiva tal-ewwel twissija bil-miktub permezz tal-istruzzjonijiet taċ-CPCC tas-SEAE li wassluh sabiex jipposponi din it-trażmissjoni, il-Missjoni ma pprovdiet ebda prova ta’ din il-korrispondenza ta’ natura li tistabbilixxi r-realtà ta’ din il-ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, hija ma wrietx, u lanqas allegat, li ċ-CPCC jew il-KOĊ approvaw l-inizjattiva tal-Kap tal-Missjoni li jinnotifika l-ewwel twissija bil-miktub lir-rikorrent fis‑17 ta’ Lulju 2017.

173    Konsegwentement, anki jekk jitqies li t-terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol stabbilit mill-Artikolu 11(b) tal-Kodiċi ta’ Kondotta ma jikkostitwixxix terminu ta’ rigorożità, xorta jibqa’ l-fatt li l-Missjoni ma ġġustifikatx ir-raġunijiet li għalihom intbagħtet l-ewwel twissija bil-miktub fis‑17 ta’ Lulju 2017, iktar minn tliet xhur wara l-avveniment li wassal għal din it-twissija, u inqas minn siegħa wara li r-rikorrent għamel senjalazzjoni li tinvolvi lill-Kap tal-Missjoni.

174    It-tielet nett, huwa minnu li s-senjalazzjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017 saret mir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika indirizzata biss lill-KOĊ u lill-assistent ta’ dan tal-aħħar, u li l-Missjoni ssostni li l-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap ma kinux jafu b’din is-senjalazzjoni fil-mument li saret.

175    Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma tistax timponi fuq il-Missjoni l-oneru li tipprova r-realtà tal-allegazzjonijiet tagħha, peress li tali oneru jammonta għal impożizzjoni fuqu li jipproduċi prova negattiva, huwa lanqas ma jista’ jitlob lir-rikorrent jistabbilixxi jekk u, jekk ikun il-każ, id-data eżatta li fiha l-KOĊ informa lill-Kap tal-Missjoni bl-eżistenza u, eventwalment, il-kontenut tas-senjalazzjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017, peress li ma jeżistux raġunijiet sabiex jitqies li r-rikorrent għandu din l-informazzjoni.

176    Għalhekk, fl-assenza ta’ prova dwar id-data eżatta li fiha l-KOĊ informa lill-Kap tal-Missjoni bl-eżistenza tas-senjalazzjoni tar-rikorrent tas‑17 ta’ Lulju 2017 u dwar il-kontenut preċiż ta’ din l-informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Missjoni ma użatx dispożizzjonijiet li kienu jostakolaw it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-Kap tal-Missjoni jew lill-Viċi Kap tal-Missjoni.

177    Barra minn hekk, il-Missjoni lanqas ma indikat lill-Qorti Ġenerali d-data eżatta li fiha l-KOĊ jew iċ-CPCC informaw lill-Kap tal-Missjoni dwar il-wasla tal-Ombudsman, filwaqt li huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, waqt it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni, il-Kap tal-Missjoni sar jaf bl-eżistenza u, jekk ikun il-każ, bil-kontenut tat-twissija tas‑17 ta’ Lulju 2017.

178    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni mill-Missjoni tan-natura tardiva tal-formulazzjoni tal-ewwel twissija, kemm fir-rigward tat-terminu previst mill-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta kif ukoll tal-anzjanità tal-fatti li wasslu għal din it-twissija, u fl-assenza ta’ indikazzjonijiet dwar id-data eżatta li fiha l-Kap tal-Missjoni sar jaf bit-twissija tas‑17 ta’ Lulju 2017, il-komunikazzjoni ta’ din it-twissija inqas minn siegħa wara din is-senjalazzjoni tista’ titqies bħala eċċessiva jew kritikabbli.

179    Fil-fatt, din tista’ tiġi interpretata bħala li hija intiża li tippenalizza lir-rikorrent minħabba l-imsemmija senjalazzjoni, kuntrarjament għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, u, għaldaqstant, tikkostitwixxi, meħuda waħedha, l-indizju ta’ fastidju psikoloġiku.

180    Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tintlaqa’.

–       Fuq it-tielet parti, dwar it-talba li rċieva r-rikorrent, fis27 ta’ Lulju 2017, intiża sabiex jimla l-formola ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni bl-għan tat-tiġdid tal-kollokament tiegħu

181    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-mument magħżul mid-Dipartiment RU sabiex jerġa’ jibda l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu, fis‑27 ta’ Lulju 2017, jiġifieri l-għada tat-tluq tal-Ombudsman, jikkostitwixxi indizju ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tiegħu.

182    B’mod partikolari, mir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 jirriżulta li r-rikorrent qies li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet ma kinitx prevista mir-regoli għall-ġestjoni tal-persunal tal-Missjoni u li t-tnedija ta’ din il-proċedura fil-konfront tiegħu kellha biss l-għan li tneħħih mis-servizz.

183    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, fis‑6 ta’ April 2017, il-Kap tal-Missjoni ddeċieda li jibda proċedura bl-għan li jistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet (PER) fir-rigward tar-rikorrent u li dan tal-aħħar oppona dan minħabba, essenzjalment, li din ma kinitx formalment prevista mill-pjan operaattiv irrivedut tal-Missjoni (iktar ’il quddiem l- “OPLAN”) fit‑13 ta’ Lulju 2022.

184    Sussegwentement, fis‑27 ta’ Lulju 2017, membru tal-persunal tad-Dipartiment RU bagħat lir-rikorrent l-abbozz tal-PER li kellu jiġi kkompletat, b’skadenza ġdida stabbilita għall‑4 ta’ Awwissu 2017. Madankollu, ir-rikorrent reġa’ rrifjuta li jimla l-PER tiegħu minħabba li din il-proċedura l-ġdida kienet prematura fid-dawl tat-tmiem tal-kollokament tiegħu previst fl‑14 ta’ April 2018. Il-kap tad-Dipartiment RU għalhekk spjega lir-rikorrent li din il-proċedura kienet tikkonċerna l-persunal kollu tal-Missjoni li l-kollokament tiegħu kellu jiskadi sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ April 2018, u li, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fiha, il-pożizzjoni tiegħu kienet ser tiġi ddikjarata vakanti.

185    Fl-aħħar nett, fit‑23 ta’ Awwissu 2017, il-Kap tad-Dipartiment RU reġa’ nieda lir-rikorrent billi reġa’ talab jerġa’ jagħti l-PER tiegħu debitament ikkompletat. Ir-rikorrent sussegwentement ċaħad din it-talba minħabba li ma kienx ser jitlob l-estensjoni tal-kollokament tiegħu b’effett minn April 2018.

186    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 7 tal-Anness IX tal-OPLAN, dwar ir-riżorsi umani, jissuġġetta l-estensjoni tal-kollokament ta’ membru tal-persunal ikkollokat għall-appovazzjoni tal-Kap tal-Missjoni, abbażi ta’ talba f’dan is-sens tal-membru tal-persunal ikkonċernat ippreżentata tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ kollokament attwali u ta’ PER favorevoli stabbilit mir-responsabbli ġerarkiku dirett tiegħu.

187    Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-Anness IX tal-OPLAN jipprevedi li l-membri kollha tal-Missjoni għandhom ikunu regolarment suġġetti għal PER, b’mod partikolari qabel it-tluq definittiv tagħhom mill-Missjoni.

188    Fl-aħħar nett, il-Missjoni użat dokument intitolat “Linji gwida għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni fi ħdan il-missjonijiet PESD”, li minnu jirriżulta li l-proċedura ta’ stabbiliment tal-PER kienet sistematika qabel it-tluq tal-Missjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat, irrakkomandata ħafna fi tmiem kull perijodu ta’ kollokament jew ta’ kuntratt, irrakkomandata fi tmiem perijodu ta’ sitt xhur fil-każ tal-istazzjonament inizjali tal-membru tal-persunal għal perijodu ta’ sena, u possibbli f’kull mument meta dan jitqies neċessarju, fil-każ ta’ bidla ta’ superjur ġerarkiku jew ta’ evoluzzjoni tal-prestazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat, b’konsultazzjoni mad-Dipartiment RU.

189    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-possibbiltà li jiġi evalwat membru tal-persunal tal-Missjoni fil-każ ta’ bidla ta’ superjur ġerarkiku jew ta’ evoluzzjoni tal-prestazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat ma hijiex espressament prevista mill-Anness IX tal-OPLAN, ma jidhirx li din ir-regola tostakola tali prattika, peress li l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness ma jiddefinixxix b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom il-membri tal-Missjoni għandhom jiġu evalwati.

190    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma użax regola oħra li pprekludiet l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu mill-Kap tal-Missjoni.

191    Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2012/392 u mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 160 iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li l-Kap tal-Missjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi li jistabbilixxi l-PER ta’ wieħed mis-subordinati tiegħu jekk iqis li din il-proċedura hija neċessarja għall-effikaċja tagħha fuq il-post tal-operazzjonijiet.

192    Għalhekk, ma jistax jitqies li, fil-prinċipju, id-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni tas‑6 ta’ April 2017 li jwettaq l-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent kienet eċċessiva jew kritikabbli fir-rigward tal-interess tas-servizz, u dan peress li mis-seduta jirriżulta li r-rikorrent ma kienx għadu ġie evalwat għall-prestazzjonijiet tiegħu wara x-xahar ta’ Ġunju 2016.

193    Fit-tieni lok, madankollu, mit-talba l-ġdida tad-Dipartiment RU tas‑27 ta’ Lulju 2017 sabiex ir-rikorrent jimla l-PER tiegħu jirriżulta li din it-talba ma kinitx tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni tas‑6 ta’ April 2017 imsemmija fil-punti 183 u 192 iktar ’il fuq, iżda għall-ħtieġa li jiġu identifikati t-talbiet għat-tiġdid tal-kollokament u li jiġu antiċipati pożizzjonijiet vakanti eventwali għall-membri tal-persunal kollha kkollokati fi ħdan il-Missjoni sat‑30 ta’ April 2018, sabiex isiru l-pubblikazzjonijiet tal-pożizzjonijiet tal-membri tal-persunal li l-kollokament tagħhom jintemm f’din l-aħħar data.

194    Issa, għalkemm ma huwiex ikkontestat li din id-deċiżjoni ma kinitx tikkonċerna biss lir-rikorrent, xorta jibqa’ l-fatt li l-Missjoni ma ġġustifikatx ir-raġunijiet li għalihom id-Dipartiment RU beda dan l-approċċ amministrattiv mis‑27 ta’ Lulju 2017, filwaqt li mill-Artikolu 7 tal-Anness IX tal-OPLAN, dwar ir-riżorsi umani, jirriżulta li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-membri tal-persunal li xtaqu jitolbu t-tiġdid tal-kollokament tagħhom mal-Missjoni kellha sseħħ meta titressaq talba f’dan is-sens min-naħa tagħhom, sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-kollokament, jiġifieri fl‑14 ta’ Jannar 2018 fir-rigward tar-rikorrent.

195    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tad-Dipartiment RU imsemmija fil-punti 184 u 193 iktar ’il fuq saret l-għada tat-tluq tal-Ombudsman.

196    Issa, jista’ raġonevolment jitqies li s-senjalazzjonijiet tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 u d-deċiżjoni tal-KOĊ tal‑20 ta’ Lulju 2017 li jintbagħat Ombudsman fuq il-post mill‑25 ta’ Lulju 2017 kienu jeżiġu li l-Missjoni, fl-istennija tal-konklużjonijiet tal-Ombudsman, taġixxi fir-rigward tar-rikorrent bil-prudenza li timponi, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

197    Fil-fatt, minbarra li dan l-obbligu li wieħed jaġixxi bi prudenza jinsab fil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il-Kummissjoni, C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, b’mod partikolari, fl-obbligu ta’ diliġenza, dan kien impost ukoll f’dan il-każ minħabba l-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta li jipprojbixxi lill-Missjoni milli tippenalizza membru tal-Missjoni li jkun indika nuqqas eventwali, minħabba jew wara din s-senjalazzjoni.

198    B’hekk, mir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 jirriżulta li l-Ombudsman ikkunsidra li l-proċess tad-Dipartiment RU li beda mill-ġdid, fis‑27 ta’ Lulju 2017, jiġifieri immedjatament wara l-missjoni tiegħu ta’ evalwazzjoni fuq il-post, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent kienet sfavorevoli u kienet seħħet b’mod antiċipat meta mqabbla mal-prattika abitwali.

199    F’dan il-kuntest, jista’ jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ittieħdet, id-deċiżjoni li tinbeda mill-ġdid il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent l-għada stess tat-tluq tal-Ombudsman, mingħajr ma wieħed jistenna l-konklużjonijiet tiegħu, u iktar minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-kollokament tar-rikorrent, hija eċċessiva jew kritikabbli.

200    Fil-fatt, tali tnedija mill-ġdid tista’ tiġi interpretata bħala intiża li teskludi lir-rikorrent mill-Missjoni fi tmiem il-kollokament tiegħu mingħajr ma tistenna l-proposti tal-Ombudsman, b’tali mod li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, meħuda waħedha, indizju ta’ fastidju psikoloġiku.

201    Konsegwentement, it-tielet parti għandha tintlaqa’.

–       Fuq ir-raba’ parti, dwar ir-riċezzjoni mir-rikorrent tad-dikjarazzjoni aġġornata tal-leave tiegħu wara talba mid-Dipartiment RU intiża sabiex huwa jiġġustifika ġranet ta’ assenza irregolari

202    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent jilmenta dwar ir-reazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment RU fir-rigward tar-ritorn tardiv tiegħu minn perijodu ta’ leave f’Ġunju 2017.

203    F’dan ir-rigward, minn posta elettronika tat‑28 ta’ Lulju 2017 indirizzata lill-KOĊ jirriżulta li r-rikorrent ikkompleta s-senjalazzjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017 permezz ta’ skambju ta’ posta elettronika bejn dan tal-aħħar u l-Kap tad-Dipartiment RU dwar ir-ritorn tiegħu mil-leave f’Ġunju 2017, lil hinn mill-iskadenza inizjalment prevista.

204    B’mod partikolari, minn din il-posta elettronika jirriżulta li r-rikorrent irċieva ittra li talbitu jiġġustifika l-motivi li għalihom huwa kien irritorna l-leave nhar it‑Tnejn 3 ta’ Lulju 2017 minflok id-data inizjalment iffissata għall‑Ħamis 29 ta’ Ġunju 2017. F’posta elettronika tal‑24 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent invoka “raġunijiet personali” u indika li kien talab lill-kollegi sabiex jipprevjenu l-Missjoni, fid-dawl tal-impossibbiltà li sab ruħu fiha li jagħmel dan huwa stess. Sussegwentement, permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Lulju 2017, il-Kap tad-Dipartiment RU bagħat lir-rikorrent “rendikont tal-leave aġġornat” li jsemmi l-ġranet tad‑29 u tat‑30 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li bagħat kopja b’mod partikolari lill-Kap tal-Missjoni u lill-Viċi Kap tal-Missjoni. Ir-rikorrent għalhekk indika li ma kienx talab dan id-dokument u li xtaq ikun jaf ir-raġunijiet għalfejn l-interlokutur tiegħu kien ikkopja lil destinatarji oħra, fir-rigward ta’ dokument li huwa qies li kien strettament kunfidenzjali.

205    Fl-ewwel lok, jirriżulta li t-talba għal ġustifikazzjoni ta’ leave mid-Dipartiment RU kienet datata 24 ta’ Lulju 2017 u ġiet innotifikata lir-rikorrent fl-istess jum, b’tali mod li din saret lejliet il-wasla tal-Ombudsman.

206    Issa, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent kien indika din it-talba ta’ ġustifikazzjoni għal leave lill-Ombudsman waqt intervisti bilaterali li huwa kellu ma’ dan tal-aħħar fil‑25 u fis‑26 ta’ Lulju 2019, meta huwa seta’ jagħmel dan.

207    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma qiesx li t-talba għal ġustifikazzjoni ta’ leave tal‑24 ta’ Lulju 2017 kienet tikkostitwixxi l-indizju ta’ fastidju psikoloġiku fir-rigward tiegħu, iżda li huwa qies li dan kien il-każ meta ntbagħat ir-rapport ta’ leave aġġornat fis‑27 ta’ Lulju 2017.

208    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrent kien irritorna tard minn leave f’Mejju 2017 u li huwa rrepeta dan l-aġir f’Awwissu 2017, mingħajr ma osserva r-regoli interni dwar it-talbiet għal leave.

209    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-obbligu ta’ diliġenza u, b’mod partikolari, għall-prudenza msemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq, fl-istennija tal-konklużjonijiet tal-Ombudsman, la l-Artikoli 1 u 31 tal-Karta, la l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’dan il-każ, u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Anness IX tal-OPLAN u tal-Kodiċi ta’ Kondotta ma kienu jimponu fuq il-Missjoni l-obbligu li tneħħi lir-rikorrent mill-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Missjoni għas-sempliċi raġuni li kien għamel rapporti dwar fastidju psikoloġiku kontra l-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap tal-Missjoni.

210    Għalhekk, is-senjalazzjonijiet tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 ma setgħux jostakolaw lid-Dipartiment RU, taħt il-kontroll tal-Kap tal-Missjoni u tal-assistent tiegħu, milli jibgħat lir-rikorrent, fis‑27 ta’ Lulju 2017, formola li tinkludi d-dikjarazzjoni aġġornata tal-leave tiegħu, wara l-ġranet ta’ assenza irregolari tad‑29 u tat‑30 ta’ Ġunju 2017, u dan minkejja li tali dokument huwa, bħala prinċipju, neċessarju sabiex ikun jaf bi preċiżjoni d-drittijiet għal-leave tal-membru tal-persunal ikkonċernat għall-bqija tas-sena kurrenti.

211    Konsegwentement, il-fatt li d-Dipartiment RU bagħat lir-rikorrent, fis‑27 ta’ Lulju 2017, rendikont aġġornat tal-leave tiegħu ma jistax jitqies, meħud waħdu, bħala att eċċessiv jew kritikabbli ta’ natura li jikkaratterizza indizju ta’ fastidju psikoloġiku fir-rigward tiegħu, b’tali mod li r-raba’ parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq l-evalwazzjoni globali u kuntestwali tal-aġir ikkritikat mir-rikorrent fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tiegħu

212    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 135 iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq evalwazzjoni globali u kuntestwali tal-aġir allegat mir-rikorrent fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tal-Missjoni.

213    F’dan ir-rigward, minn posta elettronika mibgħuta mill-Kap tal-Missjoni lir-rikorrent fis‑6 ta’ April 2017 jirriżulta li l-ewwel wieħed kien ikkomunika x-xewqa tiegħu lill-awtoritajiet Taljani u lill-KOĊ li jiksbu r-ripatrijazzjoni tat-tieni minħabba telf ta’ fiduċja, marbut ma’ allegat ksur tas-sigriet professjonali min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

214    Huwa minnu li l-Artikolu 8 tal-Anness IX tal-OPLAN jippermetti lill-Kap tal-Missjoni jtemm il-kollokament ta’ membru tal-persunal qabel it-terminu previst, b’mod partikolari għal raġunijiet dixxiplinari, konformement mal-Kodiċi ta’ Kondotta, jew minħabba l-inkapaċità tal-membru tal-persunal ikkonċernat li josserva r-rekwiżiti bażiċi tal-Missjoni.

215    Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li l-Missjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani sabiex tintemm il-kollokament tar-rikorrent qabel it-tmiem tagħha u lanqas li hija bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness IX tal-OPLAN.

216    Fil-fatt, bi tweġiba għal mistoqsija waqt is-seduta, il-Missjoni ppreċiżat li l-proċedura ta’ terminazzjoni antiċipata tal-kollokament prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness IX tal-OPLAN kienet ta’ ċerta kumplessità amministrattiva u kienet teħtieġ l-istabbiliment ta’ kumitat responsabbli għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-Kap tal-Missjoni ppreveda t-tmiem antiċipat tal-kollokament tiegħu.

217    Għalhekk, l-ambjent globali tax-xogħol li fih jaqgħu l-fatti invokati mir-rikorrent kien ikkaratterizzat mill-intenzjoni tal-Kap tal-Missjoni, kif tirriżulta mill-posta elettronika tas‑6 ta’ April 2017 iċċitata fil-punt 213 iktar ’il fuq, li jitbiegħed mir-rikorrent mingħajr madankollu ma jimplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness IX tal-OPLAN.

218    Issa, minn naħa, l-eżistenza ta’ tali kuntest setgħet tikkorrobora l-evalwazzjoni magħmula mir-rikorrent tal-fatti allegati fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tal-Missjoni fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienu jikkostitwixxu indizji ta’ fastidju psikoloġiku. Min-naħa l-oħra, il-fatti kkritikati mir-rikorrent kontra l-Kap tal-Missjoni u lill-assistent tiegħu fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ partijiet, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kinux jikkostitwixxu, meħuda waħedhom, indizji ta’ fastidju psikoloġiku, setgħu huma stess jidhru bħala tali fir-rigward tal-imsemmi kuntest, b’mod partikolari minħabba l-okkorrenza ta’ dawn il-fatti kollha f’perijodu ta’ żmien limitat.

219    Konsegwentement, ir-rikorrent għandu raġun isostni li, billi naqset milli twettaq investigazzjoni amministrattiva wara l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ fastidju psikoloġiku, il-Missjoni kisret l-Artikolu 1 l-Artikolu 31(1) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

 It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

220    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li t-tliet allegati nuqqasijiet li huma elenkati fil-punt 79 iktar ’il fuq u li, għall-ħtiġijiet ta’ din is-sentenza, għandhom jitqiesu bħala numru ta’ partijiet insostenn ta’ dan il-motiv jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

221    Il-Missjoni tikkontesta l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent.

222    Qabel ma jiġu eżaminati dawn it-tliet partijiet, hemm lok li l-Qorti Ġenerali tevalwa jekk ir-rikorrent jistax jinvoka b’mod utli ksur tad-dmir ta’ premura, u, f’każ li jista’, jekk il-kontenut ta’ dan l-obbligu huwiex differenti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba.

–        Fuq l-applikabbiltà tad-dmir ta’ premura għat-tilwima

223    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u l-amministrazzjoni tagħhom. Flimkien mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dan il-bilanċ jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. (ara d-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2022, Barata vs Il-Parlament, C‑305/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:253, punti 7 u 8 (teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata))

224    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 125 sa 129 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li ssir applikazzjoni b’analoġija għall-każ ta’ membri tal-persunal nazzjonali kkollokati ma’ korp jew organu bħall-Missjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ġurisprudenza speċifika fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, meta dawn il-membri tal-persunal ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ membri tal-persunal suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal u li d-differenza fis-sitwazzjoni bejn wieħed u ieħor ma tistax oġġettivament tiġġustifika li tal-ewwel, meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq il-post, ma jibbenefikawx mill-istess livell u mill-istess regoli ta’ protezzjoni bħat-tieni.

225    Dan japplika, b’mod partikolari, għad-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jimpjega fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il-Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

226    Konsegwentement, ir-rikorrent jista’ utilment jinvoka d-dmir ta’ premura.

–       Fuq il-portata tad-dmir ta’ premura u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

227    Għandu jitfakkar li r-rikorrent jilmenta, essenzjalment, fil-kuntest tal-ewwel parti, li l-Missjoni ma ttrattatx l-ilmenti tiegħu tat‑8 ta’ Marzu 2017 u r-rapporti tagħha tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 f’terminu raġonevoli, fil-kuntest tat-tieni parti, li ma kellhiex għarfien tal-konstatazzjonijiet u tar-rakkomandazzjoni li jinsabu fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 u, fil-kuntest tat-tielet parti, li l-Missjoni ma segwietx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.

228    F’dan ir-rigward l-Artikolu 41(1) tal-Karta jistabbilixxi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jippreskrivi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha negattivament.

229    Min-naħa l-oħra, id-dmir ta’ premura, kif iddefinit mill-ġurisprudenza, ma jsemmix l-obbligu tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li timpjega li jiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni jew it-talba ta’ wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu f’terminu raġonevoli, jew wara li jinstema’, u lanqas, b’mod partikolari, l-obbligu li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn Ombudsman maħtur wara lment dwar fastidju psikoloġiku.

230    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li hemm rabta diretta jew espliċita bejn, minn naħa, id-dmir ta’ premura u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tiġi investigata talba, b’mod partikolari lment għal fastidju psikoloġiku, f’terminu raġonevoli, id-dritt għal smigħ, u l-obbligu eventwali li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn Ombudsman maħtur wara lment għal fastidju psikoloġiku.

231    Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dmir ta’ premura jikkorrispondi għal rekwiżit ikbar ta’ responsabbiltà lejn l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni meta jaġixxu bħala persuni li jimpjegaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma speċifikax in-natura tal-obbligi li, f’din il-kawża, kellhom il-Missjoni skont id-dmir ta’ premura u li huma distinti minn dawk li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba.

233    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur eventwali tad-dmir ta’ premura, ma huwiex akkumpanjat minn preċiżazzjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu u, f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala insuffiċjentement preċiż u inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ trattament tal-ilmenti tat8 ta’ Marzu 2017 u tas-senjalazzjonijiet tat28 ta’ Marzu u tas17 ta’ Lulju 2017 f’terminu raġonevoli

234    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Missjoni ma ttrattatx l-ilmenti tiegħu tat‑8 ta’ Marzu 2017 u r-rapporti tagħha tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017 f’terminu raġonevoli filwaqt li ntbagħtet lura fix-xahar ta’ Marzu 2017, li l-Ombudsman ippreżenta r-rapport tiegħu fid‑29 ta’ Lulju 2017 u li l-Missjoni tat risposta lir-rikorrent biss fl‑10 ta’ April 2018.

235    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li fit‑8 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent indirizza żewġ ilmenti lill-Kap tal-Missjoni, fosthom fastidju psikoloġiku min-naħa ta’ kollega tax-xogħol, qabel ma għamel, fit‑28 ta’ Marzu 2017, twissija mal-KOĊ sabiex jinvestiga dawn iż-żewġ ilmenti.

236    Issa, l-ewwel ilment tat‑8 ta’ Marzu 2017 dwar fastidju psikoloġiku ġie tterminat mingħajr segwitu mill-Viċi Kap tal-Missjoni, u r-rikorrent ġie informat b’dan permezz ta’ posta elettronika tal‑24 ta’ Marzu 2017.

237    Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-ewwel ilment ma ġiex investigat f’terminu raġonevoli.

238    Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017, mid-dokumenti prodotti mill-Missjoni jirriżulta li, fl‑20 ta’ Marzu 2017, il-Kap tal-Missjoni talab lill-KOĊ l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Kondotta sabiex il-Viċi KOĊ jieħu responsabbiltà irrevokabbli għall-investigazzjoni ta’ dan l-ilment, ħaġa li l-KOĊ aċċetta u dak li r-rikorrent ġie informat b’dan fit‑30 ta’ Marzu 2017. Fl‑24 ta’ April 2017, l-assistent tal-KOĊ ippreżenta rapport ta’ investigazzjoni preliminari u, permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Mejju 2017, informa lill-Kap tal-Missjoni li, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta, kien ġie deċiż li dan l-ilment jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ ġestjoni, mingħajr ma tintuża proċedura dixxiplinari formali.

239    B’mod partikolari, permezz ta’ din il-posta elettronika, il-Viċi KOĊ fakkar lill-Kap tal-Missjoni dwar il-ħtieġa li l-membri kollha tal-Missjoni josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà u talbu jiżgura l-osservanza ta’ dan l-obbligu.

240    Ir-rikorrent ġie informat bit-telefon, fid‑29 ta’ Mejju 2017, bl-eżitu tat-tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017, b’tali mod li lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li t-terminu għat-trattament ta’ dan l-ilment, li dam ftit iktar minn xahrejn, kien irraġonevoli.

241    Fit-tieni lok, ir-rikorrent għamel l-ewwel senjalazzjoni fit‑28 ta’ Marzu 2017 sabiex il-KOĊ jiżgura l-investigazzjoni taż-żewġ ilmenti tat‑8 ta’ Marzu 2017.

242    Issa, fir-rigward tat-tieni lment tat‑8 ta’ Marzu 2017, mill-punt 238 iktar ’il fuq jirriżulta li dan kien qed jiġi investigat fit‑28 ta’ Marzu 2017 u li dan l-ilment ġie effettivament investigat mill-assistent tal-KOĊ fil‑15 ta’ Mejju 2017.

243    Konsegwentement, ma kienx hemm lok li l-KOĊ jinterferixxi fit-trattament ta’ dan l-ilment, u dan peress li mill-Kodiċi ta’ Kondotta ma jirriżultax li l-KOĊ għandu tali prerogattiva fir-rigward tas-senjalazzjonijiet li ġew għal konjizzjoni tal-Kap tal-Missjoni jew tal-assistent tiegħu.

244    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel ilment tat‑8 ta’ Marzu 2017 dwar fastidju psikoloġiku, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta lanqas ma jirriżulta li l-KOĊ għandu l-possibbiltà li jemenda d-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni jew tal-Viċi Kap li ma tittiħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ lment ta’ membru tal-persunal dwar eventwali ksur tar-regoli ta’ sigurtà applikabbli għall-Missjoni.

245    Konsegwentement, is-senjalazzjoni tat‑28 ta’ Marzu 2017 intiża sabiex tressaq quddiem il-KOĊ l-ewwel ilment tat‑8 ta’ Marzu 2017 ma setax ikollha l-effett li tiftaħ mill-ġdid terminu ta’ investigazzjoni ġdid.

246    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-notifika li saret fis‑17 ta’ Lulju 2017 mir-rikorrent mal-KOĊ, għal fastidju psikoloġiku kontra l-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap tal-Missjoni, għandu jitfakkar li r-rikorrent ġie informat, sa mill‑20 ta’ Lulju 2017, bil-wasla tal-Ombudsman matul il-ġimgħa ta’ wara u li l-Ombudsman ħejja r-rapport tiegħu fid‑29 ta’ Lulju 2017.

247    B’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Ombudsman irrakkomandaw li ma tinfetaħx, f’dan l-istadju, investigazzjoni formali kif prevista mill-Kodiċi ta’ Kondotta, konformement mal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 11(b) ta’ dan il-kodiċi, li tippermetti lill-Missjoni tittratta rapport bħala kwistjoni maniġerjali mingħajr ma tirrikorri għal proċedura dixxiplinari formali u li tissuġġettaha għal proċeduri ta’ medjazzjoni, jekk ikun hemm bżonn.

248    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-senjalazzjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017 għal fastidju psikoloġiku kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni inizjali li ntemmet fid‑29 ta’ Lulju 2017, u li t-terminu meħud minn din l-investigazzjoni ma kienx ta’ natura irraġonevoli.

249    Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni lir-rikorrent tal-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjoni li jinsabu fir-rapport tad29 ta’ Lulju 2017

250    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent jikkritika lill-Missjoni talli ma informatux dwar il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017.

251    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura istruttorja ta’ talba għal assistenza jew ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, l-allegata vittma ta’ fastidju tista’ tinvoka d-dritt għal smigħ, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Barra minn hekk, dan l-Artikolu 41 jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu li d-dritt għal amministrazzjoni tajba b’mod partikolari jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju; kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti motivi għad-deċiżjonijiet tagħha.

253    B’mod iktar preċiż, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

254    Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tilwim fil-qasam tal-fastidju li jinvolvi uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, il-persuna li tkun ressqet ilment dwar fastidju hija intitolata, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha lill-istituzzjoni kkonċernata qabel din tieħu deċiżjoni dwar l-ilment tagħha, li tirċievi, minn tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u tad-diversi xhieda li nstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, jekk ikun il-każ, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    Dan jgħodd ukoll sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ġew użati fir-rapport mogħti lill-awtorità li ħadet id-deċiżjoni li ma taġixxix fuq l-ilment, u li kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet li fid-dawl tagħhom din l-awtorità kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

256    Sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda u l-għanijiet li din tipproteġi, filwaqt li jiġi żgurat li huwa b’mod utli li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jkun ressaq talba għal assistenza għal fastidju psikoloġiku jinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, jistgħu jintużaw ċerti tekniki bħall-anonimizzazzjoni, jew l-iżvelar tas-sustanza tax-xhieda fil-forma ta’ sunt, jew ukoll li jinħbew ċerti partijiet tal-kontenut tax-xhieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, għalkemm ir-rikorrent fil-fatt instema’ mill-Ombudsman matul iż-żjara tiegħu fuq il-post tal‑25 u tas‑26 ta’ Lulju 2017, huwa la kien jaf bil-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni u tal-Viċi Kap tal-Missjoni, u lanqas bil-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda l-oħra mismugħa mill-Ombudsman.

258    Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li r-rikorrent ma kienx jaf bir-rakkomandazzjoni li l-Ombudsman kellu l-intenzjoni li jagħmel lill-KOĊ.

259    Issa, peress li l-KOĊ adotta d-deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018 abbażi tar-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017 u fid-dawl tar-rakkomandazzjoni li kienet tinsab fih, huwa kellu jiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent billi jagħtih l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan ir-rapport u eventwalment jipprovdi informazzjoni addizzjonali qabel ma jadotta din id-deċiżjoni. Fil-fatt, is-smigħ tar-rikorrent seta’ jwassal lill-KOĊ jadotta konklużjoni differenti, jiġifieri d-deċiżjoni li ssir investigazzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, EEAS vs De Loecker (C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 73).

260    Barra minn hekk, li kieku r-rikorrent kien ġie informat bir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li tinsab fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017, huwa kien ikun f’pożizzjoni, wara li kkonstata l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, li jużaha mal-Missjoni, b’mod partikolari sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari, li tagħha huwa sar jaf biss fl‑10 ta’ April 2018.

261    Konsegwentement, ir-rikorrent għandu raġun isostni li l-Missjoni kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba billi astjeniet milli tikkomunikalu l-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjoni li jinsabu fir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017, tal-inqas, fil-forma ta’ sunt anonimizzat, sabiex ikun f’pożizzjoni li jifformula b’mod utli osservazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument, qabel ma l-KOĊ jadotta deċiżjoni dwar is-segwitu li għandu jingħata lill-imsemmija konstatazzjonijiet u lill-imsemmija rakkomandazzjoni dwar l-allerti tat‑28 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2017.

262    Huwa minnu li l-Missjoni ssostni li l-Kap tal-Missjoni ma kkomunikax ir-rapport tad‑29 ta’ Lulju 2017, b’tali mod li kien impossibbli għaliha li tinnotifika dan ir-rapport lir-rikorrent.

263    Issa, anki jekk tiġi preżunta vera, dan il-fatt ma jaffettwax l-imputabbiltà lill-Missjoni tal-ksur imsemmi fil-punt 261 iktar ’il fuq, peress li mill-punti 78 sa 87 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet meħuda mill-KOĊ fir-rigward tar-rikorrent, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta, huma ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Missjoni.

264    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

265    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent jikkritika lill-Missjoni talli ma implimentatx ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li tikkonsisti f’li jiġi previst perijodu ta’ paċifikazzjoni, b’mod partikolari billi jiġi assenjat fi Brussell.

266    F’dan ir-rigward, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li r-rikorrent għandu raġun isostni li n-nuqqasijiet allegati fil-konfront tal-Kap tal-Missjoni u tal-assistent tiegħu fil-kuntest tal-erba’ partijiet li jikkostitwixxu dan il-motiv kienu jikkostitwixxu indizji ta’ fastidju psikoloġiku li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva bl-għan li tiġi stabbilita l-fondatezza tagħhom.

267    Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-awtorità tal-impjieg titressaq quddiemha talba għal assistenza, hija għandha, skont l-obbligu ta’ assistenza, jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, mhux biss tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti, iżda wkoll tieħu miżuri xierqa meta l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tagħha jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li kien isuġġettat għalihom.

268    Dan l-obbligu ta’ assistenza jikkostitwixxi varjazzjoni tal-obbligu ta’ diliġenza li jirriżulta mid-dritt għal amministrazzjoni tajba u li jimponi fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li jaġixxu b’kura u bi prudenza billi jeżaminaw l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, SGL Carbon et vs Il-Kummissjoni, C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P, EU:C:2022:470, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269    F’dan il-każ, peress li mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li r-rikorrent kien ipproduċa bidu ta’ prova tal-fastidju psikoloġiku li lmenta dwaru, kien il-kompitu tal-Missjoni, minn naħa, li tibda, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta, investigazzjoni preliminari jew dixxiplinari bl-għan li tistabbilixxi r-realtà ta’ dan il-fastidju u, min-naħa l-oħra, li tipproteġi lir-rikorrent, jekk ikun il-każ billi tafdalu temporanjament assenjazzjoni li kienet tneħħih minn taħt l-awtorità diretta tal-Kap tal-Missjoni u tal-assistent tiegħu, fl-assenza ta’ miżura oħra iktar xierqa sabiex tiżgura din il-protezzjoni temporanja.

270    F’dan ir-rigward, il-Missjoni ma għandhiex raġun issostni li hija ma setgħetx, għal raġunijiet prattiċi, tassenja temporanjament lir-rikorrent fi Brussell, peress li kemm mill-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni 2012/392 kif ukoll mill-organigramma tagħha jirriżulta li hija għandha “Element ta’ Appoġġ” li jinsab f’din il-belt.

271    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ wkoll.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-konklużjonijiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tat28 ta’ April 2022 li biha l-EUCAP Sahel Niger ċaħdet it-talba għal kumpens ta’ Marco Montanari tal4 ta’ Frar 2022 huma inammissibbli.

2)      EUCAP Sahel Niger hija kkundannata tħallas lil Marco Montanari s-somma ta’ EUR 6 000.

3)      EUCAP Sahel Niger hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Truchot

Kanninen

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Lulju 2024

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.