SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
4 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Sussidji – Estensjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa jew meħjuta (‘GFF’li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti GFF ikkunsinjati mill-Marokk – Investigazzjoni kontra l-evażjoni – Evażjoni – Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk – Artikolu 33(a) tar-Regolament (UE) 2016/1037 – Użu ħażin ta’ poter – Kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni – Artikolu 23(3) tar-Regolament 2016/1037 – Bidla li tirriżulta minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Operazzjoni ta’ tlestija – Kunċett ta’ ‘valur miżjud’ – Prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 28(1) u (3) tar-Regolament 2016/1037 – Użu ta’ fatti disponibbli”
Fil-Kawża T‑246/22,
PGTEX Morocco, stabbilita f’Tanger (il-Marokk), irrappreżentata minn P. Vander Schueren, E. Gergondet u A. Nosowicz, avukati,
rikorrent,
sostnuta minn
LM Wind Power A/S, stabbilita f’Kolding (id-Danimarka), irrappreżentata minn B. Servais u V. Crochet, avukati,
intervenjent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u J. Zieliński, bħala aġenti,
konvenut,
sostnuta minn
Tech-Fab Europe eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn L. Ruessmann u J. Beck, avukati,
intervenjent,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn O. Porchia (Relatriċi), Presidenta, M. Jaeger, L. Madise, P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, PGTEX Morocco Sarl, titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/301, tal‑24 ta’ Frar 2022, li jestendi d-dazju kumpensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (“GFF”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iktar ’il quddiem “ir-RPĊ”) għall-importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le, u li jtemm l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kumpensatorji imposti bir-Regolament (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw fl-Eġittu minn importazzjonijiet ta’ GFF ikkonsenjati mill-Marokk, sew jekk humiex iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk jew le (ĠU 2022, L 46, p. 31, ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”). |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti, kumpannija rregolata mid-dritt Marokkin li hija stabbilita f’żona ħielsa f’Tanger (il-Marokk) u li tagħmel parti mill-grupp ta’ kumpanniji Ċiniżi PGTEX, hija produttur-esportatur ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (iktar ’il quddiem il-“GFF”) li hija tesporta b’mod partikolari lejn l-Unjoni Ewropea. |
|
3 |
Il-GFF huma materjali ta’ faxex u/jew raden tal-fibra tal-ħġieġ (iktar ’il quddiem il- “faxex tal-fibra tal-ħġieġ”) b’filament kontinwu, minsuġa u/jew meħjuta, b’elementi oħrajn jew mingħajrhom, għajr prodotti mxappin jew imxappin minn qabel u materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli ta’ daqs aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 gramma għal kull metru kwadrat (g/m2). Dawn huma prodotti użati f’varjetà kbira ta’ applikazzjonijiet, b’mod partikolari għall-produzzjoni ta’ paletti għat-turbini tar-riħ, fil-produzzjoni ta’ tagħmir tad-dgħajjes, tat-trakkijiet u tal-isport, kif ukoll fis-sistemi ta’ tiswija tal-pajpijiet. |
|
4 |
Fis‑16 ta’ Mejju 2019, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antissussidji”), il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ GFF li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (iktar ’il quddiem “l-investigazzjoni antisussidji”). |
|
5 |
L-investigazzjoni antisussidji wasslet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat‑12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU 2020, L 189, p. 1). Permezz ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni imponiet dazju kumpensatorju residwu ta’ 30.7 % fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina. |
|
6 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2021, Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kumpensatorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu, u biex tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
|
7 |
It-talba inkwistjoni tressqet mill-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, Tech-Fab Europe eV, assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ GFF tal-Unjoni. |
|
8 |
Peress li kkonkludiet, wara li informat lill-Istati Membri, li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni kontra l-evażjoni”) skont l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/863 tat‑28 ta’ Mejju 2021 li jiftaħ investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kompensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mill-Marokk, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Marokk u sew jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU 2021, L 190, p. 76). |
|
9 |
Il-perijodu kopert mill-investigazzjoni kontra l-evażjoni kien mifrux mill‑1 ta’ Jannar 2019 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). Qabel l‑2019, ma kienx hemm volumi sinifikanti ta’ esportazzjoni tal-GFF mill-Marokk lejn l-Unjoni. Inġabret data għall-imsemmi perijodu biex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri kumpensatorji fuq il-prodott ikkonċernat, u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew xogħol li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2020 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perijodu ta’ rapportar”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza tas-sussidjar. |
|
10 |
Matul l-investigazzjoni kontra l-evażjoni, il-grupp PGTEX, kompost mir-rikorrenti u mill-kumpanniji relatati tiegħu fiċ-Ċina, jiġifieri PGTEX China Co., Ltd (iktar ’il quddiem “PGTEX China”) u Chongqing Polycomp International Corporation (iktar ’il quddiem “CPIC”), bagħat it-tweġiba tiegħu għall-formola tal-impriżi li titlob eżenzjoni (iktar ’il quddiem il-“formola tat-talba għal eżenzjoni”) kompluta. PGTEX China wieġbet ukoll ikkompletat il-formola ddestinata għall-produtturi esportaturi. Fit‑8 ta’ Settembru 2021, l-imsemmi grupp wieġeb għat-talba għal informazzjoni addizzjonali mibgħuta mill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Awwissu 2021 (iktar ’il quddiem ir-“risposta għat-talba għal informazzjoni addizzjonali”). |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tibbaża ruħha fuq data disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku antisussidji. Fit‑12 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti wieġbet għal din l-ittra (iktar ’il quddiem ir-“risposta għall-ittra tal-Artikolu 28”). |
|
12 |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti bagħtet informazzjoni oħra sabiex turi li t-trasformazzjoni implimentata fil-Marokk ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “operazzjoni ta’ assemblaġġ” u li din kienet fiha nnifisha ġġustifikata minn perspettiva ekonomika (iktar ’il quddiem id-“dokumentazzjoni addizzjonali”). |
|
13 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tagħha (iktar ’il quddiem id-“DIG”) li fih hija tirrakkomanda l-estensjoni tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu għall-importazzjonijiet ta’ GFF ikkunsinnati mill-Marokk u ċaħdet it-talba magħmula mir-rikorrenti għal eżenzjoni minn dawn id-dazji. Fis‑7 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrenti ppreżentat il-kummenti tagħha fuq id-DIG (iktar ’il quddiem il-“kummenti fuq id-DIG”). |
|
14 |
B’mod parallel, ir-rikorrenti talbet, fid‑29 ta’ Diċembru 2021, l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta, billi kkunsidrat li d-DIG, billi applika data disponibbli fil-konfront tagħha, ma kienx iwieġeb għall-osservazzjonijiet magħmula fir-risposta għall-ittra dwar l-Artikolu 28. Saret seduta fl‑10 ta’ Jannar 2022 mal-Kummissjoni u fit‑12 ta’ Jannar ta’ wara mal-Uffiċjal tas-Seduta. Dan tal-aħħar ippreżenta r-rapport tiegħu fil‑25 ta’ Jannar 2022 (iktar ’il quddiem ir- “rapport tal-uffiċjal tas-seduta”). |
|
15 |
Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. |
II. It‑talbiet tal‑partijiet
|
16 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
L-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, LM Wind Power A/S, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
19 |
l-intervenjenti, insostenn tal-Kummissjoni, qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex:
|
III. Id‑dritt
|
20 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati:
|
|
21 |
Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi mbagħad, sussegwentement, jekk ikun il-każ, it-tieni motiv. |
A. Fuq l‑ewwel motiv
|
22 |
Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, l-istess bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tressaq, essenzjalment, tliet ilmenti. |
|
23 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni, preliminarjament, li l-GFF li hija tipproduċi huma kkunsidrati, skont ir-regoli applikabbli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bħala “li joriġinaw” mill-Marokk. L-oriġini preferenzjali tal-imsemmija GFF hija kkonfermata mill-prova tal-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet Marokkini skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġifieri ċ-ċertifikati EUR.1, li l-validità tagħhom ġiet ikkonfermata mill-amministrazzjoni Marokkina tad-dwana. Barra minn hekk, din l-oriġini preferenzjali ma hijiex ikkontestata. |
|
24 |
Għaldaqstant, billi impona dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF tar-rikorrenti li jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali Marokkina, fi tmiem l-investigazzjoni kontra l-evażjoni u mhux tal-investigazzjoni antisussidji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat kiser l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ dazji doganali kif ukoll ta’ taxxi b’effett ekwivalenti u, konsegwentement, dazji kumpensatorji, fuq tali prodotti. Ma hemmx eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tinvoka bħala “difiża affermattiva”. |
|
25 |
Skont ir-rikorrenti, billi rratifikat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni impenjat ruħha li ma timponix dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet “li joriġinaw” mill-Marokk indipendentement mill-istrumenti leġiżlattivi tagħha stess. Fi kwalunkwe każ, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt idderivat tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehimiet (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52). Il-Kummissjoni ma tistax tinterpreta s-sempliċi fatt li jeżisti dritt sekondarju tal-Unjoni bħala ġustifikazzjoni li tawtorizzaha tinjora l-impenji meħuda fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
26 |
Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser l-Artikolu 33(a) tar-Regolament bażiku antisussidji, sa fejn jistabbilixxi dazji kumpensatorji fuq importazzjonijiet “li joriġinaw” mill-Marokk, u b’hekk jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli speċjali previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
27 |
Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter sa fejn l-uniku għan tiegħu huwa li tiġi evitata l-proċedura prevista speċjalment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mill-Artikoli 36 et seq tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jindika li hija bbenefikat mit-trażmissjoni ta’ sussidji rċevuti mill-fornituri tagħha ta’ materja prima affiljati. Hija tqis li, meta kkonstatat l-għoti ta’ għajnuna pubblika jew ta’ sussidji favur tagħha, il-Kummissjoni kellha għalhekk tinvoka l-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Minn dan hija tiddeduċi li, billi evitat din il-proċedura u billi adottat minflok, b’mod unilaterali, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni li jimponi miżuri korrettivi minħabba li hija kienet ibbenefikat minn “għajnuna pubblika”, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li, għalkemm l-għan imfittex mill-Kummissjoni permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jimponi dazji doganali u taxxi li għandhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet tal-GFF li joriġinaw mill-Marokk bi ksur tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Artikolu 33 tar-Regolament bażiku antisussidji. |
|
29 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
a) Fuq il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
|
30 |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, ġie konkluż fi Brussell fis‑26 ta’ Frar 1996 u ġie approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2000/204/KE, KEFA, tal‑24 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175). Skont l-Artikolu 96 tiegħu, l-imsemmi ftehim daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175). |
|
31 |
Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, huwa jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn, minn naħa, Il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (ikkunsidrati flimkien fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk bħala l-“Komunità”) kif ukoll l-Istati Membri tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Marokk. |
|
32 |
Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan, inter alia, li jistabbilixxi “l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ fi prodotti, servizzi u kapital”. |
|
33 |
B’hekk, l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab taħt it-Titolu II ta’ dan il-ftehim, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jipprovdi li “[i] il-Komunità u l-Marokk għandhom jistabbilixxu progressivament żona ta’ kummerċ ħieles matul perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ mhux iktar minn tnax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim skont il-modalitajiet indikati iktar ’il quddiem u skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 u ta’ ftehimiet multilaterali oħra dwar il-kummerċ ta’ oġġetti annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) […]”. |
|
34 |
Għal dan l-għan, l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li, skont it-titolu tat-Titolu II, Kapitolu I ta’ dan il-Ftehim, fejn jinsab, japplika għall-prodotti industrijali, jipprovdi li “[i]l-prodotti li joriġinaw fil-Marokk għandhom jiġu importati fil-Komunità ħielsa minn dazji doganali u ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti”. |
|
35 |
Hekk kif jispeċifika l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, “il-kunċett ta’ ‘prodotti li joriġinaw’ għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tal-imsemmi ftehim u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li huma relatati miegħu huma ddefiniti fil-Protokoll 4 ta’ dan l-istess ftehim. |
|
36 |
Barra minn hekk, taħt it-Titolu IV, il-Kapitolu II, intitolat “Kompetizzjoni u dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 36(1) jipprevedi li “[h]ija inkompatibbli mal-funzjonament tajjeb ta’ dan il-Ftehim, sa fejn hija tista’ taffettwaw il-kummerċ bejn il-Komunità u l-Marokk: […] għajnuna pubblika li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, ħlief għal derogi awtorizzati mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar”. |
b) Fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni ta’ miżuri antisussidji
|
37 |
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni ta’ miżuri antisussidji, prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, tippermetti lill-istituzzjonijiet, taħt ċerti kundizzjonijiet,, li jestendu d-dazji antisussidji li huma kienu imponew fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż terz, għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw b’mod partikolari minn pajjiż ieħor, bil-għan li jevitaw li jiġu evażi l-miżuri antidumping. |
|
38 |
B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, intitolat “Evażjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Id-dazji kumpensatorji imposti taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi tal-prodott simili, kemm jekk ftit modifikat kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż li jkun soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. “2. Jistgħu jiġu estiżi dazji kumpensatorji, li ma jeċċedux id-dazju kumpensatorju residwu impost skont l-Artikolu 15(2), għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi soġġetti għal miżuri meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. 3. Evażjoni hija definita bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għal miżuri u l-Unjoni, li tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom m’hemmx kawża dovuta suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju, u fejn ikun hemm evidenza ta’ dannu jew li l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu qed jiġu mminatif’termini tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili u li l-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju. Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia:
|
|
39 |
Mill-premessa 18 tar-Regolament bażiku antisussidji jirriżulta li din id-dispożizzjoni ġiet adottata minħabba li, “[m]inkejja li l-Ftehim dwar is-Sussidji ma fihx dispożizzjonijiet dwar l-evażjoni minn miżuri kumpensatorji, il-possibbiltà ta’ tali evażjoni teżisti, f’termini simili, għalkemm mhux identiċi, għall-evażjoni minn miżuri anti-dumping. Għalhekk ikun xieraq li jsir provvediment kontra l-evażjoni f’dan ir-Regolament.. Fil-fatt, fir-realtà ekonomika attwali, ikkaratterizzata minn globalizzazzjoni dejjem tikber tal-kummerċ internazzjonali, li toffri dejjem iktar lill-impriżi l-possibbiltà li jirrilokaw il-produzzjoni tal-oġġetti f’pajjiżi differenti, huwa dejjem iktar importanti għall-Unjoni li jkollha strumenti ta’ difiża kummerċjali adatti sabiex jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi li joħloq tali ambjent kummerċjali, billi tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-industrija tal-Unjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ sussidji. Fost dawn l-istrumenti, ir-regoli kontra l-evażjoni jgawdu rwol fundamentali sabiex jiżguraw l-effettività tal-miżuri kumpensatorji adottati mill-Unjoni. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża l-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C‑709/17 P, EU:C:2019:303, punti 1 u 73). |
2. Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 33 (a) tar-Regolament bażiku antisussidji u fuq użu ħażin ta’ poter minħabba li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jimponi dazji kumpensatorji fuq il-GFF li r-rikorrenti tesporta lejn l-Unjoni, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini preferenzjali tal-Marokk tagħhom
|
40 |
F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta għal dan il-motiv, għandu jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk il-Kummissjoni setgħetx tirrikorri għar-regoli kontra l-evażjoni previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji sabiex testendi d-dazji kumpensatorji li hija imponiet fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż terz (jiġifieri, f’dan il-każ, iċ-Ċina) għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw b’mod partikolari minn pajjiż ieħor (jiġifieri, f’dan il-każ, il-Marokk), billi injorat il-fatt li l-Unjoni kienet iffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni mar-Renju tal-Marokk. |
|
41 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie enfasizzat fil-punt 37 iktar ’il fuq fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, tippermetti lill-istituzzjonijiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jestendu d-dazji antisussidji li huma kienu imponew fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż terz, għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw, b’mod partikolari, minn pajjiż ieħor, bil-għan li jevitaw li jiġu evażi l-miżuri antisussidji. |
|
42 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ dazju kumpensatorju għandu l-għan uniku li jiżgura l-effikaċja tiegħu, u sabiex jevita li ssir evażjoni tiegħu u li, konsegwentement, miżura li testendi dazju kumpensatorju definittiv hija biss ta’ natura anċillari fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju li jipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial,C‑709/17 P, EU:C:2019:717, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-qari tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 31 sa 34 iktar ’il fuq, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jistabbilixxi progressivament żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u l-Marokk. Fil-fatt, dan il-ftehim ġie konkluż sabiex jippromwovi l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Unjoni u l-Marokk permezz, b’mod partikolari, tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. |
|
44 |
Għalhekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji huma żewġ strumenti ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni li jissodisfaw għanijiet u loġika differenti. Fil-fatt, għalkemm l-ewwel wieħed huwa strument ta’ kooperazzjoni intiż sabiex jippromwovi l-moviment liberu tal-merkanzija li toriġina mill-Marokk fl-Unjoni, it-tieni huwa strument ta’ difiża kummerċjali intiż li jissanzjona prattiki kummerċjali żleali li jistgħu jippreġudikaw l-effettività tal-miżuri antisussidji diġà fis-seħħ fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. |
|
45 |
F’dan il-każ, billi qieset li l-grupp PGTEX kien stabbilixxa, fil-Marokk, prattika intiża sabiex jiġi evitat id-dazju kumpensatorju stabbilit skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni estendiet l-imsemmi dazju kumpensatorju għall-GFF mibgħuta mill-Marokk. Barra minn hekk, id-dazju estiż b’dan il-mod, li l-uniku għan tiegħu huwa li jiżgura l-effikaċja tad-dazju kumpensatorju impost fuq ir-Repubblika ta-Poplu taċ-Ċina, ma jistax jiġi distint minn dan tal-aħħar li jikkostitwixxi l-aċċessorju tiegħu. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C‑293/02, EU:C:2005:664, punt 70) |
|
46 |
Għalhekk, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni tirreferi għall-impriżi Ċiniżi tal-grupp PGTEX sabiex tipprekludihom milli jinvokaw it-territorju tal-Marokk, peress li r-Renju tal-Marokk ikkonkluda mal-Unjoni l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, sabiex jevita d-dazju kumpensatorju impost fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ GFF. |
|
47 |
F’dan is-sens, għandu jiġi osservat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-adozzjoni minn waħda mill-partijiet tal-imsemmi ftehim ta’ miżuri kontra l-evażjoni. Għaldaqstant, quddiem aġir bħal dak indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, dan il-ftehim ma jipprekludix lill-Unjoni milli tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji humiex issodisfatti, imbagħad, sussegwentement, sa fejn jiġi kkonstatat li l-imsemmija kundizzjonijiet huma effettivament issodisfatti, milli tirrikorri għall-miżuri kontra l-evażjoni sabiex jiġi miġġieled l-imsemmi aġir. |
|
48 |
Interpretazzjoni differenti tista’ ċċaħħad lill-Unjoni minn strument ta’ difiża kummerċjali li huwa ta’ natura kruċjali sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-industrija tal-Unjoni u jittrasforma l-Marokk f’ “żona ħielsa” li fiha l-operaturi kummerċjali jistgħu jimplementaw kull tip ta’ operazzjoni ta’ evażjoni ta’ miżuri antisussidji, fatt li, f’dan il-każ, imur kontra l-impenji reċiproċi meħuda mir-Renju tal-Marokk u mill-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
49 |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tirrikorri għar-regoli kontra l-evażjoni previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji u, għaldaqstant, li tiċħad l-ewwel motiv. |
B. Fuq it‑tielet sal‑ħames aggravju
|
50 |
Dawn il-motivi tar-rikors jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji f’dan il-każ. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, konformement mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, l-eżistenza ta’ evażjoni, f’dan il-każ, ġiet evalwata mill-Kummissjoni li eżaminat suċċessivament dan li ġej:
|
|
52 |
F’dan il-każ, fil-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni rrilevat li “[l]-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ speċifikament bħala prattika, proċess jew ħidma li [kienu] jikkostitwixxu [evażjoni][msemmija fi]t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku [antisussidji]”, iżda li “l-kliem”“inter alia”“[użati] b’mod espliċitu f’ [dan is-subparagrafu], “li [kien] jfisser li jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ prattiki possibbli ta’ evażjoni” u li “[l-imsemmi subparagrafu kien] ikopri wkoll prattiki oħra ta’ [evażjoni], li mhumiex elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu inkwistjoni, bħall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. Konsegwentement, “billi l-evidenza pprovduta mill-applikanti fit-talba [ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni] indikat li kienu qed isiru operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Marokk, il-Kummissjoni [fil-kuntest tal-eżami tat-tieni kundizzjoni inkwistjoni] analizzat ukoll jekk, b’analoġija, il-kriterji stipulati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament [(UE) 2016/1036] ġewx issodisfati, b’mod partikolari jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ bdietx jew żdiditx sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni antidumping u jekk il-partijiet ikkonċernati kinux mill-pajjiż soġġett għall-miżuri, […] jekk il-partijiet jikkostitwux 60 % jew aktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet li nġiebu tul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija, kienx akbar minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura”. |
|
53 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni la tal-ewwel u lanqas tat-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-istess punt. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
|
54 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
2. Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji kif ukoll ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ
|
55 |
Dan il-motiv huwa essenzjalment magħmul minn żewġ partijiet. |
|
56 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, issostni, qabelxejn, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u jikser l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti u lanqas ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji. |
|
57 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, matul l-investigazzjoni kontra l-evażjoni, hija spjegat fit-tul u wriet li l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kien motivat u ġġustifikat ekonomikament. Fil-fehma tagħha, l-istabbiliment ta’ dan is-sit jirriżulta b’mod partikolari mill-pjan ta’ espansjoni stabbilit għal żmien twil mill-grupp PGTEX, li hija tagħmel parti minnu. Dan il-pjan jipprevedi [kunfidenzjali] ( 1 ). Hija tqis li l-Kummissjoni użat korrelazzjoni purament temporali sabiex twarrab provi ċari u solidi li jindikaw li d-deċiżjoni li toħloq is-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kienet ibbażata fuq aspetti ekonomiċi u loġistiċi u mhux fuq il-ftuħ tal-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji. Hija żżid li l-Kummissjoni injorat ukoll il-provi li hija kienet ipprovdiet sabiex tispjega li l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kien ġie ttardjat [kunfidenzjali]. |
|
58 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm is-sit ta’ produzzjoni tagħha nħoloq fil-Marokk fix-xahar ta’ Ottubru 2019, il-proċess ta’ ħolqien ġie ppreċedut minn diversi stadji preliminari, li juri li d-deċiżjoni li jinħoloq l-imsemmi sit ta’ produzzjoni seħħet ferm qabel il-ftuħ ta’ kull investigazzjoni u li dan il-ħolqien la kellu l-għan u lanqas l-għan li jiġu evitati l-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni. B’mod partikolari, fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni li jinħoloq sit ta’ produzzjoni fil-Marokk ittieħdet [kunfidenzjali]. |
|
59 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ċaħdet l-argument tal-intervenjenti insostenn tagħha li s-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk inħoloq sabiex iservi [kunfidenzjali]. Fil-fatt, id-dokumentazzjoni addizzjonali tikkonferma li saru diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta’ fabbrika fil-Marokk mix-xahar ta’ [kunfidenzjali], bl-għan b’mod partikolari li jiġi fornut klijent lokali importanti. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li, matul is-seduta dwar id-DIG tal‑10 ta’ Jannar 2021, hija spjegat li l-istabbiliment tagħha fil-Marokk kellu l-għan li jwieġeb għaż-żieda fid-domanda fi [kunfidenzjali] u li l-perijodu ta’ referenza kien jikkorrispondi għal fażi ta’ ftuħ u li din il-fażi kienet ġiet affettwata mill-pandemija tal-COVID‑19, li kienet ikkawżat dewmien fil-proċess ta’ awditu ta’ kwalifika u ta’ verifika ta’ fabbrika fil-Marokk. |
|
60 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa żbaljat meta jallega li r-Rapport Annwali għas-sena 2019 ta’ PGTEX China jikkonferma espliċitament li l-impożizzjoni eventwali ta’ dazji antidumping kienet ir-raġuni għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi rapport jindika li s-sit ta’ produzzjoni tagħha nħoloq mhux biss bl-għan li “li attivament tirrispondi għall-investigazzjoni antidumping tal-UE kontra [r-Repubblika tal-Poplu ta]ċ-Ċina”, iżda wkoll “li tottimizza u taġġusta l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħha, tikkonsolida u żżid is-sehem mis-suq tal-prodotti fl-Ewropa u l-Istati Uniti, tissodisfa d-domanda tal-konsumaturi, u tipproteġi l-provvista tal-konsumaturi”. Għaldaqstant, dan ir-rapport ma jagħmilx riferiment għal “evażjoni” iżda għal “miżuri” meħuda b’risposta għall-investigazzjoni antidumping, iġġustifikati minn “strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni”, id- “domanda tal-konsumaturi” u r-rieda li “tiġi protetta l-provvista tal-konsumaturi”. Ir-rikorrenti ssostni li r-rapport inkwistjoni huwa għalhekk intiż sabiex jiżgura lill-investituri u jindikalhom li hija ma kinitx ikkonċernata minn miżuri antidumping jew kumpensatorji, peress li l-grupp PGTEX kien diġà ppreveda li jservi s-suq tal-Unjoni permezz ta’ fabbrika fil-Marokk. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, l-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti żżid li mill-frażi “li għalihom m’hemmx biżżejjed kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju”, li tinsab fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, jirriżulta li l-impożizzjoni tad-dazju għandha tikkostitwixxi r-raġuni prinċipali, jekk mhux l-unika raġuni, tal-prattika, tal-operazzjoni jew tal-ħidma inkwistjoni. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li l-impożizzjoni tad-dazju tkun waħda mir-raġunijiet tal-prattika, tal-operazzjoni jew tal-ħidma. Hemm lok li jintwera li r-raġunijiet l-oħra jew ġustifikazzjonijiet ekonomiċi possibbli ma humiex suffiċjenti, b’tali mod li l-impożizzjoni tad-dazju hija r-raġuni prinċipali għall-prattika, għall-operazzjoni jew għall-ħidma. |
|
62 |
Barra minn hekk, l-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti ssostni li din tal-aħħar ma hijiex l-unika impriża li stabbilixxiet ruħha fil-Marokk sabiex tforni manifatturi ta’ turbini tar-riħ. Fil-fehma tagħha, permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Marokk lejn l-Unjoni ma humiex suġġetti għal dazji doganali, filwaqt li dazji doganali konvenzjonali li jistgħu jilħqu l7 % huma imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina. Għalhekk, il-Marokk ikun f’pożizzjoni aħjar miċ-Ċina biex jimmanifattura u jesporta l-GFF lejn l-Unjoni. Għal din ir-raġuni, il-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk seħħ indipendentement mill-ftuħ tal-investigazzjoni antisussidji, biex din tal-aħħar tkun tista’ tissodisfa t-talba dejjem tikber ta’ GFF fil-Marokk u l-provvista lill-Unjoni mingħajr ma kienet suġġetta għal dazji doganali konvenzjonali. Għaldaqstant, skont l-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, teżisti motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji li r-rikorrenti stabbilixxiet fil-Marokk, sa fejn din l-impriża nħolqot anki jekk ma kienet infetħet ebda investigazzjoni antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ GFF li joriġinaw miċ-Ċina. |
|
63 |
Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma teżaminax b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, sa fejn din, l-ewwel nett, irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li juru li l-istabbiliment tagħha fil-Marokk kien previst ferm qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni antidumping jew kumpensatorja, it-tieni nett, warrbet l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Marokkini li jindikaw li kuntatti mal-imsemmija awtoritajiet kienu seħħew sa minn [kunfidenzjali] u, għaldaqstant, kienu ppreċedew il-ftuħ ta’ kull investigazzjoni, it-tielet nett, ċaħdet l-argumenti tal-intervenjenti insostenn tagħha kif ukoll elementi oħra tal-proċess li juru li l-fabbrika tagħha fil-Marokk kienet inħolqot sabiex isservi [kunfidenzjali] u, ir-raba’ nett, ma analizzatx korrettament ir-rapport annwali għas-sena 2019 ta’ PGTEX China. |
|
64 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
65 |
Qabel ma jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar kif it-tieni kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni (ara l-punt 50 iktar ’il fuq) ġiet evalwata f’dan il-każ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu ppreżentati fil-qosor il-premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li fihom il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji. |
a) Fuq l-evalwazzjoni tal-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat
|
66 |
Wara li kkonstatat, fil-premessa 61 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li “[i]ż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-GFF mill-Marokk lejn l-Unjoni [kienet] tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-Marokk u l-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku [antisussidji], flimkien maż-żieda sinifikanti fl‑2020 meta mqabbla mal‑2019 tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-faxex fibra tal-ħġieġ fil-Marokk […]”, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 62 tal-imsemmi Regolament ta’ implimentazzjoni, li, “[l]-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku [antisussidji] jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ [kellu] [j]inbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma [kienx] hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju”. |
|
67 |
Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat it-tieni kundizzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ evażjoni f’dak li jirrigwarda l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, fil-premessa 64 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li, “[s]kont ma qalu l-awtoritajiet Marokkini […], l-ewwel kuntatt mal-Grupp PGTEX għat-twaqqif ta’ impjant fil-Marokk imur lura għall‑20 ta’ Marzu 2019, xahar wara l-bidu tal-investigazzjoni antidumping […] u xahrejn qabel il-bidu tal-investigazzjoni [antisussidji], [ir-rikorrenti kienet] twaqqfet fit‑2 ta’ Ottubru 2019, madwar ħames xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni antisussidji” u li “[d]in il-koinċidenza fiż-żmien [kienet wasslet lill-Kummissjoni li taħseb] li l-impożizzjoni potenzjali tad-dazji kienet il-kawża tal-istabbiliment [tar-rikorrenti]”. |
|
69 |
Fil-premessa 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni żiedet li, “[f]uq il-bażi tal-elenkar tal-bejgħ sottomess [mir-rikorrenti], matul l‑2020, il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni ta’ [din tal-aħħar kien] mar fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li frazzjoni żgħira biss tal-produzzjoni tiegħu tal‑2020 [kienet] inbiegħet [fis-suq Marokkin]” u li, “[b]arra minn hekk, il-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha matul [is-sena] 2020 kien kollu mibjugħ lill-klijenti fl-Unjoni, li fil-passat kienu fornuti minn PGTEX China”. Dan wassal lill-Kummissjoni li taħseb li “l-impożizzjoni potenzjali tad-dazji kienet ir-raġuni għat-twaqqif [tar-rikorrenti]”, fatt li “kien ikkonfermat b’mod espliċitu mir-rapport annwali [għas-sena] 2019 ta’ PGTEX China”. |
|
70 |
Barra minn hekk, fil-premessa 67 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument imressaq mill-grupp PGTEX li kien hemm motivazzjoni suffiċjenti u ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tar-rikorrenti. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, hija osservat li “d-dokumentazzjoni, li l-Grupp PGTEX ippreżenta fil‑15 ta’ Ottubru 2021, uriet li l-[imsemmi] Grupp kien ilu jivvaluta f’liema pajjiż kellu jwaqqaf kumpanija żmien twil qabel il-bidu tal-investigazzjoni [antisussidji], u li “[kienu] [ġ]ew ikkunsidrati diversi pajjiżi potenzjali, inkluż il-Marokk”. Madankollu, skont il-Kummissjoni, xorta waħda kien jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti “[kienet] finalment twaqqfet fit‑2 ta’ Ottubru 2019, madwar seba’ xhur wara l-bidu tal-[imsemmija] investigazzjoni, li “[d]in il-koinċidenza fiż-żmien [kienet] tissuġġerixxi li [din] l-investigazzjoni kienet kawża tal-istabbiliment [tar-rikorrenti], li [din il-konklużjoni] kien[et] ikkorroborat ukoll minn dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Marokkini li tgħid li l-kuntatti tagħhom ma’ PGTEX għall-istabbiliment ta’ impjant kienu jmorru lura għall‑20 ta’ Marzu 2019, jiġifieri eżattament wara l-bidu [tal-investigazzjoni inkwistjoni] u li “[din id-dikjarazzjoni kienet turi] li l-kuntatti formali mal-awtoritajiet Marokkini biex tiġi stabbilita kumpanija fil-Marokk imorru lura għal Marzu 2019, li kien eżatt wara l-bidu tal-[istess investigazzjoni]”. |
|
71 |
Fl-aħħar nett, fil-premessa 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tal-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti li l-grupp PGTEX kien ħoloq il-fabbrika Marokkina tiegħu sabiex iservi [kunfidenzjali] u li għalhekk kellu ġustifikazzjoni ekonomika għal dan il-ħolqien differenti minn dak li jiġu evitati d-dazji kumpensatorji. F’dan ir-rigward, hija, minn naħa, għamlet riferiment għall-provi li jindikaw l-assenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għall-imsemmi ħolqien minbarra d-dazji kumpensatorji fis-seħħ, bħar-rapport annwali għas-sena 2019 ta’ PGTEX China, u, min-naħa l-oħra, enfasizzat li l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni tar-rikorrenti kien intiż għall-Unjoni u li parti żgħira biss mill-produzzjoni ta’ din tal-aħħar kienet inbiegħet fis-suq Marokkin. |
|
72 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-premessa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li “ma [kinitx] żvelat[…] raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għat-twaqqif ta’ sit ta’ produzzjoni tal-GFF fil-Marokk ħlief biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji [kumpensatorji] attwalment fis-seħħ”. |
b) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji
|
73 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), billi sostniet, essenzjalment, li, matul l-investigazzjoni, hija spjegat fit-tul u wriet li l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kien motivat u ġġustifikat ekonomikament minn raġunijiet differenti minn dawk li r-rieda li jiġu evażi l-miżuri ta’ difiża kummerċjali fis-seħħ. Skont il-Kummissjoni użat korrelazzjoni purament temporali sabiex twarrab provi ċari u solidi li jindikaw li d-deċiżjoni li toħloq is-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kienet ibbażata fuq aspetti ekonomiċi u loġistiċi u mhux fuq il-ftuħ tal-investigazzjoni antisussidji. |
|
74 |
Fir-rigward tad-data tal-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri l-posta elettronika skambjata bejn PGTEX, CPIC u klijenti, bejn il-[kunfidenzjali], juru, kif barra minn hekk tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, li l-Marokk, kif ukoll pajjiżi oħra, kien ikkunsidrat bħala sit potenzjali għall-ħolqien ta’ fabbrika. Issa, kif ġie kkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta, minn dawn l-iskambji ma jirriżultax li deċiżjoni reali li jiġi stabbilit is-sit ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar fil-Marokk ġiet adottata bejn [kunfidenzjali], jiġifieri qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni antisussidji. Bl-istess mod, il-korrispondenza skambjata bejn id-diriġenti ta’ CPIC wara żjara fil-Marokk fil-[kunfidenzjali] ma tindikax li deċiżjoni li jinħoloq tali sit ta’ produzzjoni fil-Marokk ġiet adottata fi [kunfidenzjali]. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l- “istudju ta’ fattibbiltà” ippreżentat fl-anness għad-dokumentazzjoni addizzjonali, bid-data ta’ [kunfidenzjali], huwa biss nota interna dwar il-laqgħat ta’ evalwazzjoni tal-investimenti ta’ CPIC fil-Marokk. Minn dan id-dokument ma jirriżultax li deċiżjoni li għandha bħala għan il-ħolqien ta’ dan is-sit ta’ produzzjoni fil-Marokk tmur lura għal dak iż-żmien. |
|
75 |
Fit-tieni lok, mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Marokkini jirriżulta b’mod ċar li “[ir-rikorrenti] ġiet stabbilita f’Ottubru 2019”. Għalkemm, ċertament, l-imsemmija awtoritajiet jenfasizzaw li, bħal kull ħolqien ta’ impriża, il-proċess ta’ ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti “kien ippreċedut minn diversi stadji preliminari, bħal studji ta’ fattibbiltà li juru li d-deċiżjoni ta’ stabbiliment ta’ PGTEX kienet ferm preċedenti għall-impożizzjoni tal-miżuri u ma kellhiex l-għan jew l-għan li tevita l-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal- [Unjoni]”, huma jippreċiżaw, madankollu, li “l-kuntatt bejn PGTEX u [dawn l-awtoritajiet] għall-istabbiliment ta’ fabbrika ta’ PGTEX fil-Marokk imur lura għall‑20 ta’ Marzu 2019, jiġifieri eżatt wara l-[ftuħ] tal-[investigazzjoni antidumping]”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fil-premessa 67 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, hija kkonstatat li “l-kuntatti formali mal-[istess awtoritajiet] biex tiġi stabbilita kumpanija fil-Marokk imorru lura għal Marzu 2019, li kien eżatt wara l-bidu tal-[imsemmija investigazzjoni]”. |
|
76 |
Fit-tielet lok, l-argumenti tar-rikorrenti sabiex tispjega għalfejn il-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk ġie ttardjat sax-xahar ta’ Ottubru 2019 (ara l-punt 57 iktar ’il fuq) sempliċement jikkonfermaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li dan is-sit ta’ produzzjoni ġie ffinalizzat ħames xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni antisussidji. |
|
77 |
Għaldaqstant, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 67 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, teżisti koinċidenza temporali bejn il-ftuħ tal-investigazzjoni antisussidji u l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk. Issa, tali koinċidenza temporali hija ta’ natura, skont il-ġurisprudenza, li tiġġustifika l-preżunzjoni li l-istabbiliment ta’ fabbrika ta’ produzzjoni fil-pajjiż li minnu tiġi esportata l-merkanzija għandu l-għan li jevita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 29). |
|
78 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, konsegwentement, fil-preżenza ta’ tali koinċidenza temporali, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova ta’ motiv raġonevoli, minbarra r-rieda li jevita l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni, għall-ħolqien ta’ sit ta’ produzzjoni fil-pajjiż li minnu l-merkanzija tiġi esportata. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 29). |
|
79 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk kellu bħala għan it-twettiq ta’ pjan ta’ espansjoni stabbilit għal żmien twil mill-grupp PGTEX li hija tifforma parti minnu [kunfidenzjali]. B’mod partikolari, dan il-ħolqien huwa intiż sabiex jipprovdi klijent lokali importanti u, b’mod iktar ġenerali, sabiex jirrispondi għaż-żieda fid-domanda fi [kunfidenzjali]. Għaldaqstant, billi ċaħdet l-argument tal-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti li l-imsemmi grupp kien ħoloq il-fabbrika Marokkina tagħha sabiex iservi l- [kunfidenzjali], il-Kummissjoni wettqet żball. |
|
80 |
Barra minn hekk, sabiex tipprova dawn l-allegazzjonijiet imsemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tirreferi għall-korrispondenza tagħha ma’ CPIC u ma’ klijenti, kif ukoll għall-preżentazzjoni tal-pjan ta’ espansjoni tal-grupp PGTEX dwar [kunfidenzjali] għad-dokumentazzjoni addizzjonali, u għas-smigħ tad-DIG tal‑10 ta’ Jannar 2021. |
|
81 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-korrispondenza annessa mir-rikorrenti mad-dokumentazzjoni addizzjonali ma tinkludi ebda riferiment għal pjan reali ta’ espansjoni tal-grupp PGTEX [kunfidenzjali]. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, din il-korrispondenza tipprova sempliċement li l-Marokk, kif ukoll pajjiżi oħra, kien ikkunsidrat bħala sit potenzjali għall-ħolqien ta’ fabbrika. |
|
82 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-preżentazzjoni tal-pjan ta’ espansjoni tal-grupp PGTEX [kunfidenzjali] tista’ turi li dan il-pjan ġie effettivament implimentat, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi pprovat li tali pjan kien ikopri l-Marokk. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pproduċietx dokument dwar il-proġetti ta’ espansjoni tal-imsemmi grupp fil-Marokk. Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, is-swali għas-seduta fuq id-DIG tal‑10 ta’ Jannar 2021, mhux talli ma ressqux il-prova tat-twettiq tal-pjan inkwistjoni, iżda jinkludu s-sempliċi affermazzjoni, mhux sostnuta, tar-rikorrenti, li tgħid li l-ħolqien tagħha [kunfidenzjali]. |
|
83 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiċħad l-argument li l-grupp PGTEX kien ħoloq il-fabbrika Marokkina tiegħu sabiex iservi l-kuntratti [kunfidenzjali]. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li, “[f]uq il-bażi tal-elenkar tal-bejgħ sottomess [minnha stess], matul l‑2020, il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni […] mar fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li frazzjoni żgħira biss tal-produzzjoni tiegħu tal‑2020 inbiegħet [fis-suq Marokkin]”. |
|
84 |
Bl-istess mod, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li r-rapport annwali 2019 ta’ PGTEX China jindika li s-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk inħoloq bl-għan mhux biss li “attivament tirrispondi għall-investigazzjoni antidumping tal-UE kontra [r-Repubblika tal-Poplu ta]ċ-Ċina”, iżda wkoll fl-għan “li tottimizza u taġġusta l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħha”, ma tikkontradixxix il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ħolqien tal-imsemmi sit ta’ produzzjoni ġie deċiż sabiex jirrispondi b’mod attiv għall-investigazzjoni antidumping tal-Unjoni kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Din l-affermazzjoni lanqas ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi prodotta l-prova ta’ motiv raġonevoli li għalih ir-rikorrenti ġiet stabbilita fil-Marokk, minbarra dak li tevita l-miżuri antisussidji inkwistjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq. |
|
85 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li tgħid li “l-investigazzjoni [kontra l-evażjoni] ma [kinitx] żvelat[…] raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għat-twaqqif ta’ sit ta’ produzzjoni tal-GFF fil-Marokk ħlief biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji [kumpensatorji] fis-seħħ. |
|
86 |
Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas li kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji. |
|
87 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
c) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami
|
88 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji, hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, JBF RAK vs Il-Kunsill, T‑555/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:262, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
F’dan ir-rigward, mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tielet motiv jirriżulta li, l-ewwel nett, la d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, u lanqas l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Marokkini ma juru li l-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar fil-Marokk kien previst ferm qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni antisussidji kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ċaħdet l-argument tal-intervenjenti insostenn tar-rikorrenti li l-grupp PGTEX kien ħoloq il-fabbrika Marokkina tiegħu bl-għan li jservi s-swieq [kunfidenzjali] u li għalhekk ma kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika għal dan il-ħolqien ħlief dik tar-rieda li jiġu evitati d-dazji kumpensatorji fis-seħħ u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni wettqet analiżi korretta tar-Rapport Annwali għas-sena 2019 ta’ PGTEX China. |
|
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. |
|
91 |
Għaldaqstant, din il-parti kif ukoll it-tielet motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda. |
3. Fuq il-fondatezza tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi operazzjoni ta’ assemblaġġ
|
92 |
Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. |
|
93 |
Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tfittex, essenzjalment, li tikkontesta l-inklużjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir- “Regolament bażiku antidumping”) fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji. Permezz tat-tieni parti, hija tfittex li tikkontesta l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” fil-Marokk fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti, hija tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-“valur miżjud” imsemmi fl-Artikolu 13(2)(b) ta’ dan l-aħħar regolament. |
a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni applikat b’analoġija l-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ assemblaġġ” tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping
|
94 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, issostni, li d-differenza bejn il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, li ma jsemmix “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping li fih l-imsemmija operazzjonijiet jissemmew espressament, ma tirriżultax minn sempliċi ommissjoni u ma hijiex nieqsa minn kull sinjifikat. Fil-fehma tagħha, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-prattika, proċess jew ħidma msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji jkopru l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”, huwa kien jindika dan espressament, kif għamel fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping. Din l-ommissjoni volontarja għandha għalhekk titqies li tipprekludi konklużjoni li l-miżuri kumpensatorji jistgħu jiġu “evażi” permezz ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. |
|
95 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidjijuża l-espressjoni “inter alia” ma jfissirx li din id-dispożizzjoni tista’ tkopri l-prattiki ta’ evażjoni allegati li jirriżultaw minn “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. Dan ir-regolament u r-Regolament bażiku antidumping ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni fl-istess jum. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ħatar liż-żewġ testi l-istess relatur u, fil-livell tal-Kunsill, l-istess Presidenza kienet responsabbli għaż-żewġ testi. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, id-differenza bejn ir-regoli ta’ evażjoni antidumping u antisussidji tirriżulta minn regolament wieħed li emenda r-regoli ta’ bażi antidumping u antisussidji l-qodma, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat‑8 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta’ oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150). Għaldaqstant, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-differenza. |
|
96 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji kumpensatorji minħabba “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” li jagħtu oriġini jwassal għall-applikazzjoni ta’ tali dazji għal sussidji li la ngħataw mill-pajjiż ta’ oriġini u lanqas mill-pajjiż ta’ esportazzjoni. Fil-fehma tagħha, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jimponi, pereżempju, dazji kumpensatorji fuq prodotti li kienu ġew issussidjati miċ-Ċina iktar milli mill-pajjiż ta’ oriġini u ta’ esportazzjoni tagħhom, jiġifieri l-Marokk. |
|
97 |
Ir-rekwiżit legali li s-sussidji għandhom jingħataw mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni sabiex dawn jiġu kkumpensati jiġġustifika fih innifsu l-kliem differenti tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji. L-emendi żgħar, it-trażbordi jew ir-riorganizzazzjoni taċ-ċirkwiti tal-bejgħ fil-pajjiż suġġett għall-miżuri (jiġifieri prattiki, proċessi jew ħidmiet ta’ evażjoni koperti kemm mir-Regolament bażiku antisussidji kif ukoll mir-Regolament bażiku antidumping) ma jwasslux għal bidla fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tal-prodotti, b’differenza mill-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” (jiġifieri l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ evażjoni li hija koperta biss mir-Regolament bażiku antidumping). |
|
98 |
Il-kliem differenti tal-Artikoli 13 (2) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji huma għalhekk iġġustifikati wkoll mill-għanijiet differenti taż-żewġ strumenti, li jfisser li r-regola li tikkonċerna l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping ma tistax tiġi applikata b’analoġija għall-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji. |
|
99 |
Is-sempliċi fatt li l-għan tad-dispożizzjoni kontra l-evażjoni huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri ma jippermettix madankollu lill-Kummissjoni, u lanqas lill-Qorti Ġenerali, li tistabbilixxi ruħha bħala leġiżlatur tal-Unjoni u li temenda t-test tar-Regolament bażiku antisussidjibilli tinkludi fih l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. Hemm raġuni għaliex dawn l-operazzjonijiet ma humiex koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, jiġifieri l-fatt li, kuntrarjament għal dak imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping, ikun impossibbli li jintużaw b’mod korrett il-kriterji tal-komponenti u tal-valur miżjud. Is-sussidji li jibbenefikaw minnhom il-partijiet fil-pajjiż ta’ oriġini jistgħu fil-fatt inaqqsu b’mod sinjifikattiv il-valur tagħhom u jirrendu ineffettiv il-kriterju ta’ 60 % tal-valur totali tal-komponenti. |
|
100 |
Għaldaqstant, sa fejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji teskludi l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” u sa fejn kull inklużjoni b’analoġija tmur kontra l-kuntest u l-għanijiet tar-Regolament bażiku antisussidji, il-kriterju tal-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” stabbilit fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping ma jistax jiġi applikat b’analoġija sabiex tiġi stabbilita evażjoni tad-dazji kumpensatorji. Barra minn hekk, xejn ma jiġġustifika l-applikazzjoni b’analoġija tal-kriterji tal-valur totali tal-partijiet (jiġifieri 60 %) u tal-valur miżjud (jiġifieri 25 %). |
|
101 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti hija sorpriża mill-fatt li l-Kummissjoni (li hija fl-oriġini taż-żewġ proposti għal regolamenti bażiċi u li fformulat l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji) ma pproduċietx dokument wieħed dwar l-oriġini ta’ dawn it-testi, li jindika r-raġunijiet li għalihom l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” tħallew barra mill-kliem tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji. Għaldaqstant, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tikseb dawn id-dokumenti permezz tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. |
|
102 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
103 |
Essenzjalment, permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Kummissjoni fil-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. (ara l-punt 52– iktar ’il fuq). B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli applikat il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” imsemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping sabiex tevalwa jekk kinitx seħħet evażjoni f’dan il-każ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, minkejja l-fatt li l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” ma jinsabux espliċitament fost il-prattiki, proċessi jew ħidmiet li, skont din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu evażjoni ta’ miżuri antisussidji. |
|
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping huwa fformulat kif ġej: “Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fit-tielet subparagrafu jinkludu, inter alia:
|
|
105 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(3) u (6) tar-Regolament bażiku antisussidji huwa redatt kif ġej: “Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia:
|
|
106 |
Mill-formulazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji jirriżulta li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” ma jidhrux espliċitament fost il-prattiki, l-operazzjonijiet jew il-ħidma, li jikkostitwixxu evażjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji. |
|
107 |
Madankollu, l-assenza fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji ta’ kull riferiment għall- “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” ma tfissirx li, kif tallega r-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
|
108 |
Fil-fatt, peress li l-espressjoni “inter alia” intużat espressament fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni fil-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li dan l-artikolu jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ prattiki possibbli ta’ evażjoni. Minħabba f’hekk, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jista’ jkopri wkoll prattiki oħra ta’ evażjoni, li ma jissemmewx espliċitament fl-artikolu inkwistjoni, bħall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. |
|
109 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza li tgħid li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ prattiki, proċessi jew ħidmiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu u skont liema d-diversi tipi ta’ prattiki ta’ evażjoni jinsabu fiha biss bħala eżempji, kif muri bl-espressjoni “inter alia”. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Asia Leader International (Cambodia) vs Il-Kummissjoni, T‑462/15, EU:T:2018:196, punt 56). |
|
110 |
Tali interpretazzjoni, li hija konformi mal-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, jiġifieri dak li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri antisussidji fis-seħħ (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi kkontestat mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti. |
|
111 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li r-Regolament bażiku antidumping u r-Regolament bażiku antisussidji ġew adottati u ppubblikati fl-istess jum, b’tali mod li l-assenza ta’ riferiment għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji ma tistax tinftiehem bħala sempliċi ommissjoni, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-differenza bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji tmur lura għar-regolamenti antidumping u antisussidji predeċessuri tar-regolamenti attwali, jiġifieri rispettivament ir--Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas‑6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78). |
|
112 |
Għaldaqstant, il-fatt li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji ġew imfassla u redatti f’termini ta’ żmien u kuntesti differenti jista’ jispjega d-differenza fil-formulazzjoni tagħhom. |
|
113 |
Fi kwalunkwe każ, kif ġie osservat fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-espressjoni “inter alia”, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” jistgħu jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping jista’ jiġi applikat fil-każ fejn ikun ġie pprovat li miżuri antisussidji ġew evitati permezz ta’ tali operazzjonijiet, fatt li, barra minn hekk, isib konferma fil-premessa 18 tar-Regolament bażiku antisussidji. (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). |
|
114 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-esklużjoni tal-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji hija ġġustifikata mill-fatt li, essenzjalment, soluzzjoni kuntrarja twassal għall-applikazzjoni ta’ dazji kumpensatorji għal sussidji li la ngħataw mill-pajjiż ta’ oriġini u lanqas mill-pajjiż ta’ esportazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tfittex li ssostni, il-Kummissjoni ma għandhiex l-għan li tikkumpensa s-sussidji mogħtija mill-Marokk, iżda, peress li stabbilixxiet li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ kienu jibbenefikaw fiċ-Ċina minn diversi sussidji u li l-imsemmija faxex ġew assemblati jew ikkompletati fil-Marokk mir-rikorrenti sabiex tipproduċi l-GFF tagħha stess, il-Kummissjoni testendi għal-GFF provenjenti mill-Marokk il-miżuri kumpensatorji diġà applikati fir-rigward tal-GFF provenjenti miċ-Ċina. |
|
115 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ommissjoni tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji hija ġġustifikata mill-fatt li, mingħajr din l-ommissjoni, ikun impossibbli li jintużaw b’mod korrett il-kriterji tal-komponenti u tal-valur miżjud, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma spjegatx la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas waqt is-seduta għal liema raġuni s-sussidji li minnhom jibbenefikaw il-komponenti fil-pajjiż ta’ oriġini jistgħu jnaqqsu b’mod sinjifikattiv il-valur tagħhom u jirrendu ineffettiv il-kriterju ta’ 60 % tal-valur totali tal-komponenti. |
|
116 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas ma kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, li l-Kummissjoni inkludiet l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u għamlet riferiment għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping sabiex tevalwa jekk kienx hemm, f’dan il-każ, evażjoni tal-miżuri antisussidji fis-seħħ. |
|
117 |
Għalhekk, din il-parti għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti. (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). |
b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji u fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi “operazzjoni ta’ assemblaġġ”
|
118 |
Ir-rikorrenti, l-istess bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessi 76, 77 u 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li l-GFF tagħha jitwettqu fil-Marokk, minn faxex tal-fibra tal-ħġieġ, li hija tixtri kollha mingħand il-kumpannija omm tagħha fiċ-Ċina, permezz tal-proċess ta’ nsiġ, jiġifieri operazzjoni ta’ tlestija li taqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping. |
|
119 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tipprovdi, preliminarjament, spjegazzjonijiet dwar in-natura tal-proċess ta’ manifattura u dwar attivitajiet oħra mwettqa fil-Marokk. B’mod partikolari, hija tispjega li l-GFF huma mmanifatturati fil-Marokk permezz tal-proċess ta’ nsiġ minn strixxi mhux ikkuluriti, peress li l-faxex u l-GFF huma żewġ prodotti distinti li għandhom kompożizzjoni, proprjetajiet u użi finali differenti u jikkorrispondu għal żewġ industriji kompletament differenti; li l-proċess ta’ manifattura tal-GFF jinkludi diversi stadji li għandhom jiġu ddisinjati u kkalibrati bir-reqqa sabiex jinkisbu l-karatteristiċi mixtieqa skont l-użu partikolari tagħhom; il-produzzjoni tal-GFF hija suġġetta għal awditi tad-disinn, ta’ ċertifikazzjoni, ta’ prodotti, ta’ fabbrika u ta’ tagħmir kif ukoll ta’ testijiet permezz ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti stretti tal-klijentela, peress li l-GFF jitwettqu, fil-prattika, skont ir-rekwiżiti ta’ kull klijent; li l-produzzjoni tal-GFF teħtieġ tagħmir u għarfien espert speċjalizzati kif ukoll taħriġ partikolari li jmorru lil hinn minn sempliċi operazzjoni ta’ assemblaġġ u li huma indispensabbli fid-dawl tal-użu partikolari tal-GFF; u li l-lista ta’ difetti serji li jagħmlu l-GFF inutilizzabbli mill-klijenti turi l-kumplessità tal-proċess tal-manifattura tagħhom. |
|
120 |
Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddefinixxiet, fil-premessa 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-proċess ta’ manifattura tal-GFF fil-Marokk u l-attivitajiet relatati bħala operazzjoni ta’ tlestija li taqa’ taħt l- “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku [antidumping]. Ir-rikorrenti tqis li, għalkemm iż-żewġ kunċetti ma għandhomx jiġu konfużi, l-imsemmi proċess ta’ produzzjoni la jikkostitwixxi operazzjoni ta’ assemblaġġ u lanqas operazzjoni ta’ tlestija. |
|
121 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, li l-Kummissjoni wettqet żball meta assimilat il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ assemblaġġ” ma’ dak ta’ “operazzjoni ta’ tlestija”. Fil-fehma tagħha, dawn il-kunċetti huma differenti, sa fejn dawn jissemmew fir-Regolament bażiku antidumping u huma sseparati bil-konġunzjoni “jew”, li tindika alternattiva. Għalhekk, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li d-definizzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping tapplika mingħajr distinzjoni għall- operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u għall-operazzjonijiet ta’ tlestija. |
|
122 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, peress li, b’“assemblaġġ”, għandu jinftiehem “proċess li jikkonsisti fit-tqegħid flimkien tal-elementi ta’ magna jew ta’ xogħol”, il-proċess ta’ manifattura tal-GFF fil-Marokk u l-attivitajiet li kienu marbuta magħhom jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi għaqda ta’ elementi u għalhekk ma jistgħux jiġu kklassifikat bħala operazzjoni ta’ assemblaġġ. |
|
123 |
It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping huwa applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ tlestija, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li l-operazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ tlestija, jiġifieri operazzjonijiet intiżi sabiex jintemm xi ħaġa. Hija tenfasizza li hija ma tikkuntentax ruħha li “ttemm” it-trasformazzjoni tal-faxex f’GFF. Hija ssostni li, għall-kuntrarju, hija toħloq, fuq il-bażi ta’ faxex, prodott totalment ġdid li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tiegħu, l-użu finali u l-klassijiet tariffarji huma differenti. B’mod partikolari, il-proċess ta’ manifattura tagħha tal-GFF fil-Marokk jista’ jitqabbel mal-proċess simili, iżda iktar sempliċi, ta’ manifattura tat-tessuti tal-qoton minn ħjut tal-qoton. Il-faxex huma, fil-fatt, meħjuta u minsuġa bl-istess mod bħall-ħajt tal-qoton għall-produzzjoni tat-tessuti tal-qoton. Bl-istess mod bħal dawn it-tessuti ma humiex sempliċi ħajt tal-qoton “lesti”, bl-istess mod, il-GFF ma humiex sempliċi stratifili “lesti”, iżda r-riżultat ta’ proċess ta’ manifattura kumpless li jeħtieġ tagħmir u perizja speċjalizzati. Barra minn hekk, in-natura fundamentalment differenti tal- “faxex” u tal-“GFF” hija rrikonoxxuta kemm mill-industrija tal-Unjoni, fl-ilment antidumping ippreżentat fl‑2019 dwar importazzjonijiet ta’ GFF li ġejjin miċ-Ċina u mill-Eġittu, kif ukoll mill-Kummissjoni stess, permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali kontra l-faxex u l-GFF. |
|
124 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
125 |
F’dan il-każ, fil-premessa 76 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni rrilevat li “[i]l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-GFF [kienet] l-faxex ta’ fibra tal-ħġieġ”, li [r-rikorrenti kienet] xtrat 100 % tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ li [kienet] użat mingħand il-kumpanija omm relatata tagħha fiċ-Ċina”, li “[p]ermezz tal-proċess ta’ nsiġ li jsir, li hija operazzjoni ta’ tlestija fil-Marokk, dawn il-faxex ta’ fibra tal-ħġieġ ġew trasformati f’GFF” u li [s]kont l-informazzjoni sottomessa [mir-rikorrenti], il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ [kienu] jikkostitwixxu kważi 100 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat [jew] lest fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping”. |
|
126 |
Konsegwentement, fil-premessa 77 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li “l-proċess li qed iseħħ fil-Marokk huwa operazzjoni ta’ tlestija (operazzjoni ta’ assemblaġġ) u li l-kriterju ta’ 60 % stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping [,] applikat b’analoġija fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji], kif spjegat fil-premessa (33) [tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat,] ġie ssodisfat”. |
|
127 |
Barra minn hekk, fil-premessa 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat li “[i]l-prattika deskritta fil-premessa (76) hawn fuq [setgħet] tiġi kkaratterizzata bħala operazzjoni ta’ tlestija li taqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku [antidumping]”. |
|
128 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping, “[i]l-prattika, proċess jew ħidma msemmija fit-tielet subparagrafu [u li jistgħu jikkostitwixxu evażjoni] jinkludu, inter alia: [,] fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni tal-assemblaġġ fl-Unjoni jew f’pajjiż terz”. |
|
129 |
Konformement mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping, [o]perazzjoni ta’ assembleġġ fl-Unjoni jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta […] il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott mibni, ħlief li f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25 % ta’ l-ispiża tal-fabbrikazzjoni”. |
|
130 |
F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” għandux, kif isostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa li tista’ tinkludi l- “operazzjonijiet ta’ tlestija”, jew, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, ta’ interpretazzjoni restrittiva li tgħid li dawn l-operazzjonijiet tal-aħħar ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ assemblaġġ”. |
|
131 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-Regolament bażiku antidumping ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”, u lanqas ta’ dak ta’ “operazzjonijiet ta’ tlestija”. Lanqas ma jispeċifika jekk dawn l-operazzjonijiet tal-aħħar humiex inklużi fil-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. |
|
132 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial,C‑709/17 P, EU:C:2019:717, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
133 |
Fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, il-operazzjonijiet ta’ tlestija ma humiex fost il-prattiki, proċessi jew ħidma, elenkati fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping, bħala li jistgħu jikkostitwixxu evażjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-istess regolament. |
|
134 |
Madankollu, il-kunċett ta’ “tlestija”, li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, huwa kunċett awtonomu speċifiku għal-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni tal-Unjoni, jinsab fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping, li jipprovdi li l-eżistenza ta’ evażjoni hija eskluża “fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni”. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament bażiku antidumping ma tirreferix għall-operazzjonijiet ta’ tlestija. |
|
135 |
Issa, ir-riferiment għall-“kompletazzjoni” fil-kuntest tal-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping, jiġifieri fil-kuntest tal-parti ta’ din id-dispożizzjoni li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom operazzjoni ta’ assemblaġġ titqies li tevadi l-miżuri fis-seħħ, jimmilita favur it-teżi tal-Kummissjoni li l-operazzjonijiet ta’ tlestija jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-operazzjonijiet ta’ tlestija jistgħu jiġu interpretati bħala varjazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. |
|
136 |
Minn naħa, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan li fuqu hija bbażata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri antisussidji adottati mill-Unjoni u li dawn ma jiġux evażi. (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, din hija kkorroborata mill-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur ried iħalli marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta’ evażjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 48). |
|
137 |
Barra minn hekk, peress li din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-teżi tar-rikorrenti li l-kunċetti ta’ “assemblaġġ” u ta’ “tlestija” huma differenti, imsemmija t-tnejn li huma fir-Regolament bażiku antidumping u separati mill-konġunzjoni “jew”, il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ tlestija” ma jistax jiġi assimilat ma’ dak ta’ “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”. Fil-fatt, għalkemm, ċertament, iż-żewġ kunċetti inkwistjoni huma differenti, kif jikkonferma l-użu tal-konġunzjoni “jew” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 83), dan madankollu ma jipprekludix il-possibbiltà li l-kunċett ta’ “tlestija” jiġi kkunsidrat bħala kunċett li jista’ jinftiehem f’dak ta’ “assemblaġġ” u, għaldaqstant, li jiġi ammess li l-operazzjonijiet ta’ tlestija jistgħu jiġu inklużi fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fis-sens tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, teżisti varjetà ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “assemblaġġ” (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 20). |
|
138 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping japplika kemm għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ tlestija, peress li dawn tal-aħħar huma varjazzjoni ta’ dawn tal-ewwel. |
|
139 |
Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-proċess ta’ nsiġ, imwettaq mir-rikorrenti fil-Marokk, jistax jiġi kklassifikat, kif hu indikat fil-premessi 76, 77 u 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, bħala “operazzjoni ta’ tlestija li taqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku [antidumping]”. (ara l-punti 125 sa 127 iktar ’il fuq). |
|
140 |
Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument. F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 122 iktar’ il fuq, hija ssostni li l-proċess ta’ manifattura tal-GFF fil-Marokk u l-attivitajiet marbuta miegħu jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi għaqda ta’ elementi (jew assemblaġġ) u ta’ operazzjonijiet ta’ tlestija. B’mod partikolari, hija tenfasizza, qabel kollox, li hija ma tikkompletax biss it-trasformazzjoni tal-faxex f’GFF, iżda li hi toħloq permezz ta’ faxex prodott totalment ġdid li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tiegħu, l-użu finali u l-klassijiet tariffarji huma differenti. Sussegwentement, hija ssostni li l-GFF ma humiex sempliċi faxex “lesti”, iżda r-riżultat ta’ proċess ta’ manifattura kumpless, artikolat f’diversi stadji, li jeħtieġ tagħmir u perizja speċjalizzati kif ukoll taħriġ partikolari. Fl-aħħar nett, il-GFF, fosthom il-lista ta’ difetti gravi li jagħmluhom inutilizzabbli, jixhdu l-kumplessità tal-proċess ta’ manifattura, jitwettqu skont il-ħtiġijiet ta’ kull klijent. |
|
141 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku antidumping ma jipprevedix kriterju ġenerali bbażat fuq l-assenza ta’ kumplessità intrinsika tal-proċess sabiex operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun tista’ tikkostitwixxi evażjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament. Iċ-ċirkustanzi li fihom operazzjoni ta’ assemblaġġ fl-Unjoni jew f’pajjiż terz titqies li tevadi l-miżuri fis-seħħ huma deskritti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li jirreferi għall-proporzjon tal-komponenti użati mill-pajjiż suġġett għall-miżuri u l-valur miżjud għal dawk il-komponenti mill-operazzjoni inkwistjoni. |
|
142 |
Għaldaqstant, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, anki jekk jitqies li huma stabbiliti, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti li l-GFF huma prodotti ġodda li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tagħhom, l-użu finali u l-klassijiet tariffarji huma differenti, bħall-fatt li l-GFF huma r-riżultat ta’ proċess ta’ manifattura kumpless, artikolat f’diversi stadji, li jeħtieġ tagħmir u perizja speċjalizzati kif ukoll taħriġ partikolari ma għandhomx effett fuq il-klassifikazzjoni tal-proċess ta’ manifattura tal-GFF fil-Marokk bħala operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija tal-proċess tal-manifattura tal-GFF fil-Marokk. L-istess japplika fir-rigward taċ-ċirkustanzi li skonthom il-GFF huma s-suġġett ta’ użi differenti f’diversi setturi industrijali kif ukoll li għandhom lista twila ħafna ta’ difetti eventwali li jistgħu jagħmluhom inutilizzabbli mill-klijenti li skonthom huma jitwettqu skont il-ħtiġijiet ta’ kull klijent li, barra minn hekk, iwettaq proċess approfondit ta’ awditjar ta’ disinn u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
143 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas ma kisret l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku antidumping meta analizzat l-operazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti fil-Marokk mill-perspettiva tal-kunċett ta’ “tlestija” pjuttost milli dik ta’ “assemblaġġ” u meta kkunsidrat li l-imsemmija operazzjonijiet kienu operazzjonijiet ta’ tlestija. Fl-aħħar nett, l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba. |
|
144 |
Għaldaqstant, hemm lok li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
c) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi operazzjoni ta’ assemblaġġ
|
145 |
Insostenn ta’ din il-parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, tliet ilmenti. |
|
146 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u jikser l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-limitu tal-valur miżjud tal-komponenti inkorporati fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping, huwa jaġġusta l-ispejjeż fissi tagħha, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ deprezzament u l-ispejjeż ta’ kiri skont il-livell ta’ użu tal-kapaċità. |
|
147 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-aġġustament tal-ispejjeż fissi sabiex jiġi rifless l-użu tal-kapaċità ma huwiex legalment awtorizzat u huwa żbaljat fil-fatt. |
|
148 |
Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li ma teżistix dispożizzjoni legali li tippermetti lill-Kummissjoni taġġusta l-ispejjeż fissi skont il-livell ta’ użu tal-kapaċità. B’mod iktar partikolari, fil-fehma tagħha, il-fatt li l-aġġustament tal-ispejjeż fissi skont l-użu tal-kapaċità ma huwiex koerenti, peress li l-ispejjeż fissi ma jiddependux, mid-definizzjoni tagħhom stess, mill-kwantitajiet prodotti jew mill-kapaċitajiet użati. Għalhekk, l-aġġustament li sar mill-Kummissjoni jmur kontra d-definizzjoni ta’ kontabbiltà stabbilita sew tal-“ispejjeż fissi” u joħloq distorsjoni fil-kalkolu tal-valur miżjud. |
|
149 |
Fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud” propost mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tal-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping. Qabel kollox, hija ssostni li l-imsemmi kunċett jidħol fil-kuntest tal-kunċett ta’ “spiża” ta’ manifattura li jidher fl-istess sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni. Peress li dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament bażiku antidumping, riferiment għal “spejjeż” fil-kuntest tal-Artikolu 13(2) (b) tal-istess regolament ifisser li l-kunċetti ta’ “valur miżjud” u ta’ “spejjeż inkorsi” huma identiċi u li l-aġġustament tal- “ispejjeż inkorsi” fir-rigward tal-valur miżjud jista’ jsir biss abbażi tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament. Issa, skont ir-rikorrenti, dan l-artikolu ma jipprovdix għal aġġustament meta l-ispejjeż huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ dokumenti tal-kontabbiltà stabbiliti skont il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati u li b’mod raġonevoli jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, anki jekk dawn l-ispejjeż jidhru baxxi jew għoljin fid-dawl tar-rata effettiva tal-użu tal-kapaċità. L-istess projbizzjoni tapplika għall-valur miżjud li jidħol f’kuntest ta’ spejjeż. |
|
150 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx hemm raġuni fuq il-livell fattwali sabiex jiġu aġġustati l-ispejjeż fissi. Hija tqis li, b’dan il-metodu, l-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma biss jekk hija taħdem b’kapaċità sħiħa, ħaġa li qatt ma tasal fil-prattika u li l-ispiża ta’ deprezzament tiġi aġġustata, sa fejn l-ispiża ta’ deprezzament tal-magni tal-GFF li ma jkunux intużaw matul is-sena 2020 kollha ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Hija żżid li l-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 84 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat sabiex taġġusta l-ispejjeż fissi ma hijiex ikkorroborata mill-fatti, peress li hija ma ddikjaratx li l-magni tagħha kienu bdew joperaw għal 300 jum. Fil-fehma tagħha, il-magni tal-GFF kienu s-suġġett ta’ deprezzament biss mill-mument li dawn ġew installati u biss għall-perijodu li matulu dawn kienu qed jintużaw. Ir-rikorrenti ssostni li l-ispiża ta’ deprezzament li hija kkomunikat lill-Kummissjoni tirrifletti għalhekk il-perijodu effettiv li matulu l-magni tal-GFF intużaw u ġew deprezzati. |
|
151 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx hemm raġuni li jiġu esklużi l-ispejjeż ta’ kiri tal- “fabbrika — fażi 2” mill-ispejjeż ta’ kiri kkunsidrati għall-kalkolu tal-valur miżjud minħabba li din il-fabbrika kien fiha [kunfidenzjali], l-uniku prodott immanifatturat mir-rikorrenti stess. Hija tqis, għalhekk, li, sa fejn il-“[fabbrika] — fażi 1” u l- “fabbrika — fażi 2” intużaw sabiex jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat, ma kien hemm ebda raġuni sabiex jiġu esklużi l-ispejjeż tal-kiri tal-“fabbrika — fażi 2”. Fil-fehma tagħha, l-ispejjeż kollha tal-kiri jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-prodott finali. |
|
152 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet għal raġunijiet żbaljati t-tliet metodi differenti ta’ kalkolu tal-valur miżjud li hija kienet ipproponiet. B’mod partikolari, iċ-ċaħda tal-ewwel metodu għar-raġunijiet esposti fil-premessa 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li spjegat għal liema raġuni x-xahar ta’ Marzu ma kienx ġie indikat inizjalment bħala li huwa l-ewwel xahar ta’ produzzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex elementi sabiex tikkontesta d-data li kienet ġiet prodotta. Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet metodi, ir-rikorrenti ssostni li r-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ [kunfidenzjali] użata mill-Kummissjoni ġiet iddeterminata abbażi tal-kapaċità globali tagħha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-magni tal-GFF kollha u, b’mod partikolari, dawk li ma kinux operattivi matul is-sena 2020 kollha. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, din ir-rata hija fir-realtà inqas rappreżentattiva tar-rata ta’ użu tal-kapaċità għas-sena 2020 kollha. Hija ssostni għalhekk li l-Kummissjoni ma setgħetx twarrab is-soluzzjonijiet li hija kienet ipproponiet minħabba li dawn ma kinux rappreżentattivi tar-rata ta’ użu tal-kapaċità għas-sena 2020 kollha kemm hi mingħajr ma tikkontesta l-metodu tagħha stess. |
|
153 |
Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-aġġustament tal-ispejjeż fissi sabiex jiġi rifless l-użu tal-kapaċità, bl-użu ta’ [kunfidenzjali] tal-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri għall-“[fabbrika] — fażi 1”, huwa diskriminatorju. Essenzjalment, hija tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet diskriminazzjoni bejnha u l-industrija tal-Unjoni, billi ma aġġustatx l-ispiża tal-produzzjoni ta’ din l-industrija fil-kalkolu tal-prezz fil-mira fl-investigazzjoni inizjali, minkejja l-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet semmiet użu dgħajjef tal-kapaċità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
|
154 |
Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, sa fejn ma jeżaminax b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u jwettaq l-aġġustament tal-ispejjeż mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet li hija tat fir-rigward tal-użu tal-makkinarju u l-ispejjeż tal-kiri. |
|
155 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
156 |
Essenzjalment, din il-parti tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur miżjud tal-komponenti inkorporati matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija tal-manifattura fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping. |
|
157 |
Skont l-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping “f’ebda każ ma għandha titqies li qed issir evażjoni fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni” |
|
158 |
Qabel ma jinbeda l-eżami tat-tliet ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti, għandhom jitfakkru l-premessi rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. |
1) Fuq il-kalkolu tal-valur miżjud fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat
|
159 |
Fil-premessa 80 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni fakkret li, skont ir-rikorrenti, “[l-ispiża ta]l-valur miżjud tiegħu jkun ogħla mil-limitu ta’ 25 %.”. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li “[i]ż-żewġ entrati ewlenin tal-kost [użati mir-rikorrenti] fil-kalkolu tal-valur miżjud kienu l-ispiża tad-deprezzament u l-kost tal-kiri, li kienu parti mid-data finanzjarja tal-perjodu tar-rapportar sottomessa mi[r-rikorrenti] fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tagħha”. |
i) Fuq l-ispiża ta’ deprezzament
|
160 |
Fir-rigward tal-ispiża ta’ deprezzament, kif jirriżulta mill-premessa 81 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, ir-rikorrenti sostniet li “kien hemm inqas minn għaxar magni tal-GFF installati fil-bini tiegħu, u li kull waħda minn dawn il-magni tal-GFF kienet taħdem għal 300 jum mit‑360 tul l‑2020”. B’hekk, “[l-impriża] kkalkolat l-ammont ta’ deprezzament għall-perjodu ta’ rapportar fuq il-bażi tat-tliet elementi li ġejjin [jiġifieri] […]l-valur tal-akkwiżizzjoni; […] 9,5 % bħala perċentwal tad-deprezzament biex titqies il-ħajja utli stmata […] it-300 jum ta’ ħidma msemmija hawn fuq f’total ta’ 360 jum”. |
|
161 |
Mill-premessa 82 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ma qablitx ma’ dan il-mod kif jiġi kkalkulat il-kost tad-deprezzament fil-qafas tal-kalkolu tal-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping. |
|
162 |
F’dan ir-rigward, fil-premessa 82 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, huwa indikat dan li ġej: “l-użu ta’ 300 jum bħala element biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ deprezzament jista’ jkun aċċettabbli skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, iżda wassal għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-ammont ta’ deprezzament ikkalkulat fil-qafas tal-kalkolu tal-valur miżjud [mir-rikorrenti] għal diversi raġunijiet. L-ewwel, […] l-użu tal-kapaċità (il-produzzjoni reali f’kg diviża bil-kapaċità ta’ produzzjoni attwali f’kg) tal-magni GFF kien baxx […] fis-sena 2020. Minħabba l-użu baxx tal-kapaċità tal-produzzjoni l-ispiża tad-deprezzament irrappurtata għalhekk instabet li kienet eżaġerata. It-tieni, erbgħa mill-magni GFF intbagħtu biss f’Novembru 2019 minn Shanghai għal Tanġier u ma setgħux ikunu qed jaħdmu għal 300 jum fl‑2020, meta jitqies iż-żmien ta’ konsenja bejn Shanghai u Tanġier, kif ukoll il-perjodu meħtieġ għall-ħatt, l-installazzjoni u l-ittestjar ta’ kull wieħed minn dawn l-erba’ magni tal-GFF. It-tielet, [ir-rikorrenti] iddikjarat fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tagħha li l-produzzjoni bdiet biss f’April 2020. Jekk dan ikun minnu, il-ħin totali ta’ tħaddim għal kull wieħed mill-magni GFF installati jista’ jkun biss sa massimu ta’ 270 jum (minn April 2020 sa Diċembru 2020), mingħajr ma jittieħed kont ta’ kwalunkwe ħin mhux operattiv ikkawżat minn waqfien, bħala riżultat ta’ manutenzjoni meħtieġa, jiem frank, u btajjel. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ispiża tad-deprezzament li għandha titqies għall-kalkolu tal-kost tal-valur miżjud jenħtieġ li tkun ferm aktar baxxa mill-kost tad-deprezzament kif ikkalkulat [mir-rikorrenti].” |
|
163 |
Mill-premessi 85 u 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-użu tat-tliet metodi ta’ sostituzzjoni proposti mill-grupp PGTEX, jiġifieri:
|
|
164 |
B’mod partikolari, fil-premessa 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, huwa rrilevat san li ġej:
|
|
165 |
Għaldaqstant, fil-premessa 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li “r-rata ta’ użu tal-kapaċità matul l‑2020 kollha kemm hi kienet l-aktar indikatur xieraq biex titnaqqas ir-rata ta’ deprezzament kompletament irreġistrata b’mod raġonevoli fil-qafas tal-kalkolu tal-valur miżjud”. |
ii) Fuq l-ispiża tal-kiri
|
166 |
Fir-rigward tal-ispiża tal-kiri, fil-premessa 91 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej: “[Ir-rikorrenti] ma pprovdietx il-kuntratti tal-kiri tagħha fit-tweġiba tagħha fil-formola tat-talba għal eżenzjoni, minkejja l-ispejjeż sinifikanti tal-kiri li ġarrbet fl‑2020. Fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tiegħu, hija infurmat lill-Kummissjoni li kienet installat il-magni tal-GFF kollha tagħha f’post wieħed ([fabbrika] — fażi 1). Għall-bidu qalet li hija kriet dan l-impjant wieħed biss minħabba li qalet li kellha “sit tal-produzzjoni wieħed biss” minkejja li l-mistoqsija fil-formola tat-talba għal eżenzjoni kienet titlob li jiġu pprovduti l-indirizz tas-siti ta’ produzzjoni kollha tagħha. Sussegwentement, [ir-rikorrenti] ipprovdiet żewġ kuntratti ta’ kiri [fit-]tweġiba [tagħha] għall-ittra dwar in-nuqqasijiet [ta’ informazzjoni], li jindikaw li [hija] kriet żewġ binjiet separati minn żewġ proprjetarji differenti matul il-perjodu ta’ rapportar. Billi [ir-rikorrenti] kienet iddikjarat preċedentement fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tagħha li l-magni tal-GFF, li kienu operattivi matul l‑2020, kienu installati biss f’wieħed minn dawn iż-żewġ impjanti mikrija, l-ammonti tal-kiri mġarrba fl‑2020 għat-tieni impjant (il-fabbrika — il-fażi 2) kellhom jiġu esklużi mill-ispiża tal-kiri u l-ispiża tal-valur miżjud. Barra minn hekk, minħabba l-użu baxx tal-kapaċità, il-Kummissjoni, fil-kalkolu tagħha tal-kost tal-valur miżjud, lanqas ma setgħet taċċetta l-kost totali tal-kiri għall-[fabbrika] — il-fażi 1 billi ma ntużatx kompletament minħabba l-fatt li l-magni GFF ma kinux qed jipproduċu fl-ewwel trimestru tal‑2020 u ma kinux qed jaħdmu b’kapaċità sħiħa matul it-trimestri l-oħra tal‑2020. Il-kost totali tal-kiri kif irrapportat ma kienx aċċettat mill-Kummissjoni minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq.” |
|
167 |
Quddiem il-Kummissjoni, il-grupp PGTEX sostna li din tal-aħħar kienet wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u li kienet aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping, peress li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-ispiża sħiħa tal-kiri premessa 92 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat). |
|
168 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 93 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat “[i]l-Kummissjoni ċaħdet dan, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin li kienu saru mill-Grupp PGTEX matul l-investigazzjoni”. Fil-fatt, huwa indikat f’dan li ġej: “L-ewwel, fit-tweġiba tiegħu għall-ittra dwar in-nuqqasijiet […], il-Grupp PGTEX irrefera biss għall-[fabbrika] - fażi 1 għall-[kunfidenzjali] [tiegħu]. It-tieni nett, fit-tweġiba tiegħu għall-ittra dwar in-nuqqasijiet, il-Grupp PGTEX qal li l-magni GFF tiegħu, li kienu qed jaħdmu fl‑2020, kienu jinsabu kollha fl-[fabbrika] — fażi 1. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-ebda waħda minn dawn il-magni, li kienu operattivi fl‑2020, ma kienet tinsab [fil-fabbrika] — fażi 2. Dan kien ikkorroborat ukoll minn dikjarazzjonijiet oħra [tal-imsemmi Grupp] fit-tweġiba tiegħu dwar in-nuqqasijiet.” |
|
169 |
Għaldaqstant, fil-premessa 94 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li, “[b]illi ġew aġġustati l-kostijiet rapportati tad-deprezzament u tal-kiri, huma u jitqiesu l-kwistjonijiet spjegati hawn fuq, il-valur miżjud medju li b’hekk [kien] ġie stabbilit tul il-perjodu tar-rapportar instab li kien taħt il-limitu ta’ 25 % stabbilit bl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping. Xi elementi oħra ta’ spejjeż instabu li kienu sopravalutati wkoll, iżda ma [kienux ġew] aġġustati billi tali aġġustamenti kienu jwasslu biss għal perċentwal saħansitra aktar baxx ta’ valur miżjud.”. |
2) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping
|
170 |
Dan l-ilment iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni preliminari dwar kif il-“valur miżjud” fis-sens tal-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping għandu jiġi ddeterminat u jekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kif ikkontabilizzati mill-impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija jew inkella tista’ taġġustahom billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ta’ produzzjoni tal-impriża. |
|
171 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku antidumping ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud”. |
|
172 |
F’dan il-każ, għalkemm il-partijiet jaqblu sabiex jiddefinixxu l-“valur miżjud” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping bħala l-valur li jidħol fil-prodott imwettaq wara l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija, huma ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kunċett jikkoinċidix ma’ jew huwiex differenti minn dak ta’ “spejjeż inkorsi”, jew saħansitra ta’ “spejjeż kontabilizzati”. B’mod partikolari, għalkemm ir-rikorrenti tqis li l-kunċett ta’ “valur miżjud” u dak ta’ “spejjeż sostnuti” huma identiċi u li l-aġġustament tal-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-valur miżjud jista’ jsir biss abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku antidumping, li madankollu ma jipprevedix ir-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni bħala kriterju ta’ aġġustament, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ “valur miżjud” huwa differenti minn dak ta’ “spejjeż sostnuti” u li kemm l-għan kif ukoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b), minn dan ir-regolament jeħtieġ li l-ispejjeż fissi kif kontabilizzati jiġu aġġustati sabiex jiġi evalwat il-valur miżjud tal-partijiet inkorporati, b’mod partikolari jekk l-użu tal-kapaċità huwa partikolarment baxx. |
|
173 |
Kif tfakkar fil-punt 132 iktar ’il fuq,, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial,C‑709/17 P, EU:C:2019:717, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
174 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk “ il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni” |
|
175 |
Issa, il-fatt li l-kelma “spiża” tidher fl-istess sentenza tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping li l- “valur miżjud” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li, kif tallega r-rikorrenti, il-kunċett ta’ “valur miżjud” u dak ta’ “spejjeż inkorsi” huma identiċi u li l-ispejjeż ta’ manifattura li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal- “valur miżjud” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jistgħu jiġu aġġustati biss għar-raġunijiet imsemmija u biss għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) tal-istess regolament. |
|
176 |
Fil-fatt, minn naħa, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti ma tidhirx li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk, permezz tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku antidumping, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li teżegwixxi l-obbligi partikolari li jinsabu fl-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (GATT) (ĠU 1994 L 336, p. 103). (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Acron vs Il-Kunsill, T‑118/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:67, punt 66), il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni, li tinsab fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, ma għandhiex, min-naħa l-oħra, il-bażi tagħha fl-imsemmi ftehim b’tali mod li għandha titqies li hija qafas regolatorju speċifiku fid-dritt tal-Unjoni. |
|
177 |
Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku antidumping fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, bħall-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament, li jikkostitwixxi traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-obbligi partikolari li jinsabu fil-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT, għandha ssib ġustifikazzjoni differenti minn dik ibbażata fuq is-sempliċi fatt li t-termini “spejjeż tal-manifattura” jidhru fil-kuntest tal-istess sentenza bħat-termini “valur miżjud”. |
|
178 |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti ma hijiex konformi mal-għan li fuqu hija bbażata l-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku antisussidji, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri kumpensatorji adottati mill-Unjoni u li jiġi evitat li dawn jiġu evażi. (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti f’dan il-każ, li l-ispiża ta’ deprezzament tagħha ġiet ikkalkolata u kkontabilizzata abbażi tal-funzjonament teoretiku massimu tal-[kunfidenzjali] kollu tal-magni tal-GFF matul il-perijodu ta’ referenza kollu, jiġifieri s-sena 2020, filwaqt li matul dan il-perijodu, fir-realtà, il-magni tal-GFF ħadmu biss mal-[kunfidenzjali] tal-kapaċità tagħhom, l-ispiża ta’ deprezzament hekk ikkontabbilizzat ma tirriżultax integralment f’valur miżjud mal-partijiet komponenti inkorporati. Għalhekk, l-esklużjoni tal-possibbiltà li tiġi aġġustata l-ispiża ta’ deprezzament, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu baxx tal-kapaċità tal-makkinarju, tispiċċa sabiex tippermetti lill-impriża li żżid l-ammont tal-valur miżjud mal-partijiet inkorporati. Fil-fatt, makkinarju li jibqa’ mhux użat jiġġenera spejjeż ta’ deprezzament li huma kontabilizzati iżda ma jżidx valur mal-partijiet inkorporati fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija. |
|
179 |
Għaldaqstant, il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping jeħtieġu li l-kalkolu tal-valur miżjud jieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni effettiva ta’ GFF, u anki biss l-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri marbuta mal-funzjonament tal-magni effettivament użati sabiex jitwettqu l-partijiet effettivament inkorporati matul il-perijodu ta’ referenza. |
|
180 |
Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi ddeterminat jekk l-aġġustament tal-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri bħal dak li sar f’dan il-każ mill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
181 |
Kif hija ppreċiżat waqt is-seduta, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li aġġustat l-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri li hija kkomunikat lill-Kummissjoni, billi applikat ir-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ [kunfidenzjali] għas-sena 2020 kollha. |
|
182 |
Skont ir-rikorrenti, jekk l-għan tal-aġġustament tal-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri mwettaq mill-Kummissjoni kien dak li jiġi rifless l-użu reali tal-makkinarju għal GFF, din ir-rata ma tissodisfax dan l-għan, peress li ġiet stabbilita abbażi tal-kapaċità teoretika massima tal-magni kollha għal GFF tar-rikorrenti, inklużi dawk li ma kinux fis-servizz. Ir-rikorrenti tqis, għaldaqstant, li, jekk il-Kummissjoni riedet taġġusta l-ispejjeż, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi l-oħra ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ deprezzament li hija kienet ippreżentatilha u, b’mod partikolari, l-ewwel minn dawn il-metodi li fih hija tipproponi, essenzjalment, li taġġusta l-ispejjeż billi tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ xhur tal-perijodu ta’ referenza li matulhom kull magna tal-GFF kienet effettivament ħadmet. |
|
183 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, kif tfakkar fil-punt 54 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li huma għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. |
|
184 |
Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 81 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), l-ispiża ta’ deprezzament li r-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-kapaċità teoretika massima tal-makkinarju tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-ispiża ta’ deprezzament li hija kkomunikat lill-Kummissjoni tirrifletti l-perijodu effettiv li matulu l-magni tal-GFF intużaw u ġew deprezzati, hija ma tipproduċi ebda prova li tista’ ssostni din l-affermazzjoni. Barra minn hekk, ċerti elementi tal-proċess jikkontradixxu affermazzjoni simili. Fil-fatt, minn naħa, din tal-aħħar tidher li ma tantx hija kredibbli fid-dawl tal-konstatazzjoni li tinsab fir-risposta għall-ittra dwar l-Artikolu 28, li tgħid li r-rikorrenti “ma rreġistratx in-numru ta’ ġranet li matulhom il-magni tal-[GFF] kienu operattivi”. Min-naħa l-oħra, din il-konstatazzjoni hija kontradetta mir-rikorrenti stess, peress li, fir-rikors, hija tammetti li l-ispejjeż fissi li hija effettivament sostniet matul is-sena 2020 għall-produzzjoni tal-GFF “huma kontabilizzati fuq il-bażi tal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment rikonoxxuti lokalment” u li “[i]l-[Kummissjoni], mhux talli ma tikkontestax dan, iżda tirrikonoxxi li “l-użu ta’ 300 jum bħala element ta’ kalkolu jista’ jkun aċċettabbli skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà”. |
|
185 |
Fit-tielet lok, kif issostni l-Kummissjoni, spejjeż ta’ deprezzament ikkalkolati abbażi tal-funzjonament teoretiku massimu tat-totalità tal-[kunfidenzjali] magni tal-GFF matul il-perijodu ta’ rrapportar kollu jistgħu jitqiesu li huma valur miżjud mal-partijiet komponenti inkorporati biss jekk il-makkinarju effettivament iffunzjona bil-kapaċità teoretika massima tagħhom matul l-imsemmi perijodu kollu, li, madankollu, ma kienx il-każ f’dan il-każ għar-raġunijiet esposti fil-premessa 82 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. (ara l-punt 162 iktar ’il fuq) u, b’mod partikolari, għall-fatt li dan il-perijodu kien jikkorrispondi għal fażi ta’ tnedija tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti. |
|
186 |
Għalhekk, billi qieset li l-ispejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri kif ipprovduti mir-rikorrenti ma setgħux jirriflettu b’mod kredibbli l-valur miżjud mal-partijiet inkorporati, il-Kummissjoni aġġustat l-imsemmija spejjeż. Għal dan l-għan, hija użat ir-rata ta’ użu tal-kapaċità kif ikkomunikata mir-rikorrenti u mhux ikkontestata minnha (ara l-premessi 84 u 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat). |
|
187 |
Issa, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti u kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, peress li, kemm l-ispiża ta’ deprezzament, ikkalkolata mir-rikorrenti nfisha abbażi tal-kapaċità teoretika massima, kif ukoll l-użu tal-kapaċità ġew ikkalkolati abbażi tal-istess numru ta’ magni tal-GFF, daqslikieku dawn tal-aħħar kienu ħadmu matul il-perijodu ta’ rrapportar kollu, il-fatt li wieħed juża wieħed sabiex jaġġusta l-ieħor ma jikkostitwixxix żball ta’ fatt. |
|
188 |
Barra minn hekk, it-tliet metodi l-oħra ta’ kalkolu tal-valur miżjud li r-rikorrenti pproponiet lill-Kummissjoni ma ppermettewx li l-valur miżjud tal-partijiet miġjuba jiġi rifless aħjar. |
|
189 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, permezz tal-ewwel metodu ta’ kalkolu tal-valur miżjud, ir-rikorrenti pproponiet lill-Kummissjoni taġġusta l-ispejjeż ta’ deprezzament, ikkalkolati fuq il-bażi ta’ perijodu massimu ta’ funzjonament ta’ tnax-il xahar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ xhur li matulhom kull magna kienet effettivament ħadmet fl‑2020. Issa, sabiex dan il-metodu jirrifletti b’eżattezza l-valur realment miżjud mal-partijiet inkorporati, l-ispejjeż ta’ deprezzament għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tan-numru ta’ xhur ta’ użu effettiv tal-magni – u mhux fuq dik ta’ tnax-il xahar, fil-kalkolu propost mir-rikorrenti – li, barra minn hekk, jimplika li għandu jkun magħruf in-numru ta’ xhur ta’ użu effettiv tal-imsemmija magni. |
|
190 |
Madankollu, mill-ewwel inċiż tal-premessa 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat kif ukoll mill-proċess jirriżulta li l-produzzjoni ta’ Marzu 2020 kienet iddaħħlet fil-kontijiet biss mir-rikorrenti fid-data tal-produzzjoni tagħha għax-xahar ta’ April 2020. Għalhekk, id-data ta’ produzzjoni ta’ kull xahar għax-xahar ta’ April ma tikkorrispondix għall-produzzjoni effettiva ta’ dan ix-xahar, peress li parti mill-produzzjoni tax-xahar ta’ April fir-realtà seħħet fix-xahar ta’ Marzu. |
|
191 |
Għalhekk, peress li d-data ta’ produzzjoni ta’ kull xahar ipprovduta mir-rikorrenti ma tippermettix li jsiru magħrufa b’ċertezza x-xhur ta’ użu effettiv tal-magni tal-GFF, matul il-perijodu ta’ rrapurtar, il-Kummissjoni ġustament eskludiet l-ewwel metodu ta’ kalkolu tal-valur miżjud li ġie propost mir-rikorrenti. |
|
192 |
Fir-rigward tat-tieni metodu ta’ kalkolu tal-valur miżjud, intiż sabiex tintuża d-data dwar l-ispejjeż ta’ Diċembru 2020 u tat-tielet metodu, li jikkonsisti fl-użu tad-data dwar l-ispejjeż tal-perijodu bejn Lulju u Diċembru 2020, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda s-sena kalendarja 2020 kollha, iddefinita bħala l-perijodu ta’ rrappurtar, hija tibbaża ruħha fuq xahar (jiġifieri x-xahar ta’ Diċembru) jew fuq perijodu ta’ sitt xhur (jiġifieri dak bejn Lulju u Diċembru 2020) li ma jirrappreżentax l-operazzjonijiet imwettqa matul it-tnax-il xahar tas-sena 2020 u ma jippermettix li jitnaqqas id-distakk. bejn il-mod li bih l-ispejjeż ta’ deprezzament ġew ikkalkulati għal xahar jew sitt xhur, abbażi tal-kapaċità teoretika massima, u l-produttività reali tal-makkinarju, jiġifieri l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba. |
|
193 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas ma kisret l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping, li l-Kummissjoni aġġustat l-ispejjeż ta’ deprezzament kif ikkalkolati mir-rikorrenti billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rata ta’ użu tal-kapaċità effettiva matul il-perijodu ta’ rrapurtar u li hija warrbet it-tliet metodi l-oħra ta’ kalkolu tal-valur miżjud proposti minn din tal-aħħar. |
|
194 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li ma kienx hemm raġuni sabiex l-ispejjeż ta’ kiri tal- “fabbrika — fażi 2” jiġu esklużi mill-ispejjeż tal-kiri kkunsidrati għall-kalkolu tal-valur miżjud (ara l-punt 151 iktar ’il fuq). Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 93 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 168 iktar ’il fuq), il-magni tal-GFF, li kienu joperaw fl‑2020, kienu kollha jinsabu fil-“fabbrika — fażi 1” u li, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, magni tal-GFF ġew installati fil- “fabbrika — fażi 2” biss wara l‑2020. |
|
195 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tammetti hija stess li l-pjan tal- “fabbrika — il-fażi 2” jindika l-preżenza ta’ [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li din tal-aħħar qatt ma kienet indikat li, matul is-sena 2020, GFF kienu effettivament [kunfidenzjali]. |
|
196 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li ebda attività reali ta’ produzzjoni ma seħħet f’din il- “fabbrika — il-fażi 2” b’tali mod li l-ispejjeż tal-kiri relatati ma’ din tal-aħħar ma kinux jirriżultaw f’valur miżjud mal-partijiet miġjuba. Fil-fatt, peress li tali spejjeż ma humiex marbuta mal-produzzjoni effettiva ta’ GFF, għar-raġuni esposta fil-punt 179 iktar ’il fuq, l-imsemmija spejjeż ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur miżjud. |
|
197 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet l-ispejjeż tal-kiri tal- “fabbrika — il-fażi 2” mill-ispejjeż ta’ kiri kkunsidrati għall-kalkolu tal-valur miżjud. |
|
198 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
3) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament
|
199 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-aġġustament tal-ispejjeż fissi magħmul mill-Kummissjoni sabiex tirrifletti l-użu tal-kapaċità billi użat [kunfidenzjali] spejjeż ta’ deprezzament u ta’ kiri għall-“[fabbrika] — fażi 1”, huwa diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li għamlet il-Kummissjoni, fl-investigazzjoni antisussidji, sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni (ara l-punt 153 iktar ’il fuq). |
|
200 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni teħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C‑372/06, EU:C:2007:787, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
201 |
F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diskriminazzjoni bejnha u l-industrija tal-Unjoni, peress li, fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu, abbażi tal-prezz fil-mira, fl-investigazzjoni antisussidji, din ma aġġustatx l-ispiża ta’ produzzjoni tagħha, minkejja l-konstatazzjoni ta’ livell baxx ta’ użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni, filwaqt li, fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, hija wettqet tali aġġustament sabiex tiddetermina l-valur miżjud. |
|
202 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni minħabba importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-valur miżjud tal-partijiet inkorporati matul operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija tal-manifattura, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku antidumping, sabiex isir magħruf jekk hemmx evażjoni ta’ miżuri antisussidji, dan iseħħ f’kuntest u għal għanijiet differenti, b’tali mod li, sabiex issostni b’mod suffiċjenti dan l-ilment, ir-rikorrenti kellha tispjega kif, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispejjeż b’mod differenti, il-Kummissjoni setgħet tikser il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, ir-rikorrenti, billi tillimita ruħha li tafferma, essenzjalment, li ma kellha ebda ġustifikazzjoni sabiex tinftiehem b’mod differenti s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni antisussidji u s-sitwazzjoni tagħha stess fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni u li l-ispiża msemmija fir-Regolament bażiku antidumping kienet spiża li setgħet tiġi ddefinita biss b’mod uniformi, ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward. |
|
203 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
4) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba
|
204 |
F’dak li jirrigwarda dan l-ilment, mill-analiżi tal-ilmenti l-oħra fil-punti 170 sa 203 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u pproċediet bl-aġġustament tal-ispejjeż billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet li hija kienet tat f’dak li kienu jirrigwardaw l-użu tal-magni u l-ispejjeż tal-kiri. |
|
205 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
d) Konklużjoni
|
206 |
Peress li l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti ġew miċħuda, l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda kif ukoll, għaldaqstant, ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu. |
4. Fuq il-fondatezza tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-GFF esportati mill-Marokk lejn l-Unjoni komplew jibbenefikaw mis-sussidji mogħtija lill-produtturi Ċiniżi ta’ GFF.
|
207 |
Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 102 sa 105 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u intiżi sabiex tiġi evalwata r-raba’ kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), jiġifieri li jekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, il-“prodott simili u li l-prodott simili importat [jew] partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju”. |
|
208 |
Għal dan l-għan, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 imsemmi mill-Kummissjoni fil-premessa 102 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma jikkonċernax is-sussidju tal-pontijiet u tal-ħajt kif ipprovduti lilha minn PGTEX China, iżda s-sussidju tal-GFF, jiġifieri prodott differenti. Għalhekk, id-determinazzjonijiet magħmula fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 huma validi biss sa fejn jikkonċernaw il-GFF, u mhux sa fejn dawn jikkonċernaw l-faxex u l-ħajt. Madankollu, ma kienx hemm “sussidju” li seta’ jiġi trażmess lilu minn PGTEX China. |
|
209 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ma humiex koperti mir-Regolament bażiku antisussidji sa fejn dawn ma jistgħux jirriżultaw f’sussidju mogħti mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni li jkompli jibbenefika lill-prodott li allegatament huwa s-suġġett ta’ evażjoni. Dan jirriżulta mill-fatt li kull sussidju li jista’ jiġi kkumpensat għandu jingħata mill-pajjiż li fih isiru l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ (f’dan il-każ, ir-Renju tal-Marokk) jew li minnu l-prodotti assemblati huma esportati (f’dan il-każ, ir-Renju tal-Marokk ukoll). Il-kwistjoni dwar jekk “l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji jinkludix ukoll l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” hija irrilevanti, peress li s-sussidji jistgħu jiġu kkumpensati biss jekk ikunu ngħataw mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. |
|
210 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ebda bażi legali ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li trasferiment ta’ sussidji bejn partijiet relatati jista’ jiġi preżunt legalment. L-użu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tad‑19 ta’ Jannar 2004 mogħtija fil-kawża “L-Istati Uniti – Determinazzjoni finali fil-qasam tad-dazji kumpensatorji li jikkonċernaw ċertu injam użat mill-ġdid li joriġina mill-Kanada” (WT/DS 257/AB/R) (iktar ’il quddiem ir- “rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”), ma huwiex xieraq sabiex jiġġustifika din il-preżunzjoni. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmi rapport jirrigwarda każ partikolari li fih il-vantaġġ li jirriżulta mis-sussidju għall-materja prima jiġi trażmess lill-prodott ipproċessat. Din is-sitwazzjoni hija totalment differenti mis-sitwazzjoni tal-GFF, li għalihom ma hemmx prova li l-materja prima (jiġifieri l-faxex) hija ssussidjata. |
|
211 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni twettaq biss qari parzjali tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li jindika li, “[m]eta l-produtturi tal-materja prima u l-produtturi tal-prodotti pproċessati jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, it-trażmissjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw mis-sussidju għall-materja prima, tal-benefiċjarji diretti lill-benefiċjarji indiretti downstream, ma tistax sempliċement tiġi preżunta; din għandha tiġi stabbilita mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni”. ir-rikorrenti tippreċiża li, f’din il-kawża, ix-xiri li hija għamlet mingħand PGTEX China, u x-xiri magħmul minn din tal-aħħar mingħand CPIC, seħħ f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, kif hija uriet b’mod ċar. |
|
212 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni li PGTEX China “kienet tiffatturalha prezzijiet iktar baxxi […] meta mqabbla ma’ klijenti oħra matul il-perijodu ta’ investigazzjoni” ma hijiex ikkorroborata mill-fatti tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni. L-allegazzjoni li kull trażmissjoni setgħet isseħħ permezz ta’ mezzi differenti minn dak fil-livell tal-prezzijiet tal-materja prima, pereżempju permezz tal-ġbir ta’ spejjeż ta’ ġestjoni, lanqas ma hija kkorroborata. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni għalhekk ma huma xejn iktar u xejn anqas minn teoretiċi. |
|
213 |
Il-Kummissjoni, bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
214 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-premessi 102 sa 105 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej: “Kif stipulat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776, il-produtturi esportaturi Ċiniżi nstabu li kienu qed jibbenefikaw minn numru ta’ skemi ta’ sussidju mogħtija mill-Gvern tar-RPĊ, kif ukoll minn gvernijiet reġjonali u lokali fiċ-Ċina. F’dan ir-rigward, PGTEX China u CPIC instabu li jibbenefikaw ukoll minn għadd ta’ skemi ta’ sussidju bħal mgħax preferenzjali fuq self, programmi ta’ għotjiet, u benefiċċji tat-taxxa. Ma saret disponibbli l-ebda informazzjoni ġdida f’din l-investigazzjoni li tqajjem dubju dwar il-konklużjoni mill-investigazzjoni inizjali li tali skemi ta’ sussidju ma kinux għadhom validi. PGTEX China hija l-kumpanija omm […]” [tar-rikorrenti], fejn din il-kumpanija tal-aħħar xtrat 100 % tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ li użat mill-kumpanija omm relatata tagħha PGTEX China, li min-naħa tagħha xtrathom mingħand is-CPIC, il-manifattur ta’ dawn il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ. Trasferiment ta’ sussidji bejn partijiet relatati jista’ jiġi preżunt legalment, b’mod partikolari meta l-kumpanija downstream relatata kienet qed tassembla u tesporta l-prodott finali lejn l-Unjoni. F’dan il-każ, minħabba li PGTEX China u[r-rikorrenti] jagħmlu u jesportaw il-GFF, u jużaw il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ manifatturati minn CPIC, l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli mogħtija lilhom jenħtieġ li jqis il-fatt li, minħabba r-relazzjoni tagħhom, huma kapaċi jgħaddu dawk il-benefiċċji għall-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni kif jidhrilhom xieraq.” |
|
215 |
Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fil-premessa 106 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li, konformement mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, “l-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom ibbenefikaw mis-sussidju”. |
|
216 |
Barra minn hekk, fil-premessa 107 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kkontestat l-argumenti tal-grupp PGTEX li jgħidu li “ma kien hemm l-ebda evidenza li l-importazzjonijiet tal-GFF mill-Marokk għadhom jibbenefikaw minn sussidji mogħtija lill-produtturi Ċiniżi tal-GFF”. |
|
217 |
F’dan ir-rigward, fil-premessa 108 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat dan li ġej: L-ewwel nett, anki jekk l-investigazzjoni antisussidji […] kienet l-ewwel nett relatata mas-sussidjar tal-GFF, il-Grupp PGTEX ikkoopera bis-sħiħ matul tali investigazzjoni. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni antisussidji […] wriet li kemm is-CPIC kif ukoll PGTEX China, li huma relatati [mar-rikorrenti], irċevew sussidji mill-Gvern Ċiniż. It-tieni, kif diġà msemmi fil-premessa 33 [tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat], l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku [antisussidji] jkopri wkoll prattiki ta’ ċirkomvenzjoni oħrajn, li mhumiex elenkati espliċitament f’dak l-artikolu, bħall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. It-tielet, kif spjegat fil-premessa 105 [tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat], trasferiment ta’ sussidji bejn partijiet relatati jista’ jiġi preżunt legalment, b’mod partikolari meta l-kumpanija downstream relatata kienet qed tassembla u tesporta l-prodott finali lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, trasferiment lejn kumpaniji relatati jista’ jseħħ b’ħafna modi (bħal pereżempju billi jintalbu ċerti tariffi ta’ ġestjoni), u mhuwiex neċessarjament limitat għal-livell tal-prezzijiet tal-materjal ta’ input mitlub lill-klijenti. Fi kwalunkwe każ, tqabbil tal-prezzijiet tal-faxex u l-ħjut tal-fibra tal-ħġieġ, ibbażat fuq it-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, wera li PGTEX China talbet prezzijiet aktar baxxi [lir-rikorrenti] milli lil klijenti oħra matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.” |
|
218 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi ssostni, essenzjalment, tliet ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, hija ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 ma jikkonċernax il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ, iżda l-GFF, b’tali mod li ebda trażmissjoni ta’ sussidju favur il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ ma tista’ tiġi preżunta f’dan il-każ. Permezz tat-tieni lment, hija tikkunsidra li s-sussidji jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri kumpensatorji biss jekk l-imsemmija sussidji jkunu ngħataw mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, li ma kienx il-każ f’din il-kawża. Permezz tat-tielet ilment, hija tqis li ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti li jitqies li trażmissjoni ta’ sussidji bejn partijiet relatati tista’ tiġi preżunta legalment u li, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati tar-rikorrenti fiċ-Ċina twettqu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
|
219 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 102 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li, kif ġie indikat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776, “il-produtturi esportaturi Ċiniżi nstabu li kienu qed jibbenefikaw minn numru ta’ skemi ta’ sussidju mogħtija mill-Gvern tar-RPĊ, kif ukoll minn gvernijiet reġjonali u lokali fiċ-Ċina”, u lanqas l-affermazzjoni li “PGTEX China u CPIC instabu li jibbenefikaw ukoll minn għadd ta’ skemi ta’ sussidju bħal mgħax preferenzjali fuq self, programmi ta’ għotjiet, u benefiċċji tat-taxxa”. |
|
220 |
Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-konstatazzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 dwar is-sussidju tal-GFF intużaw fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 tal‑24 ta’ Frar 2021 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 65, p. 1). Issa, f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni speċifikament ikkonstatat iż-żamma ta’ sussidji fir-rigward tal-produtturi-esportaturi kollha ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ fiċ-Ċina, inklużi l-impriżi relatati tar-rikorrenti fiċ-Ċina. Fil-fatt, mill-premessa 43 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/328 jirriżulta li “il-Kummissjoni setgħet tieħu s-sejbiet tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 dwar il-]GFF fir-rigward tal-benefiċċju, u tqis li dawn is-sejbiet kienu applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi tal-GFR matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, fil-premessa 44 tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li “l-ebda waħda mill-prattiki ta’ sussidju investigati ma kienet marbuta direttament mal-produzzjoni jew mal-esportazzjoni tal-GFF, iżda [li dawn] pjuttost kienu sussidji li kienu ta’ benefiċċju għall-kumpaniji kollha jew għall-grupp ta’ kumpaniji Ċiniżi li wkoll jagħmlu l-GFR” u li, “[i]l-Kummissjoni għalhekk fl-investigazzjoni GFF l-ewwel [kienet] iddeterminat il-benefiċċju li rċieva l-produttur esportatur, u mbagħad [kienet] allokat dak il-benefiċċju fuq il-fatturat totali tagħhom għall-prodotti kollha mibjugħa mill-produttur esportatur, inkluż il-[faxex tal-fibra tal-ħġieġ]”. |
|
221 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tipproduċix provi intiżi li jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li s-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi li l-eżistenza tagħhom ġiet ikkonstatata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 kienu ta’ benefiċċju għall-produzzjoni kollha tal-grupp PGTEX kollu kemm hu għal-GFF jew għall-faxex tal-fibra tal-ħġieġ. |
|
222 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 huma validi biss sa fejn dawn jikkonċernaw il-GFF u mhux il-faxex tal-fibra tal-ħġieġ. |
|
223 |
Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jiġi rrilevat li kif ġie kkonstatat fil-punt 114 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tfittex li ssostni, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tikkumpensa sussidji mogħtija mill-Marokk, iżda li tiggarantixxi li l-miżuri kumpensatorji stabbiliti fir-rigward tal-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ GFF li tibbenefika mis-sussidji ma jiġux evitati, wara li stabbilixxiet li l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ, jiġifieri l-materja prima tal-GFF, kienu jibbenefikaw fiċ-Ċina minn diversi sussidji u li l-imsemmija faxex ġew assemblati jew ikkompletati fil-Marokk mir-rikorrenti sabiex tipproduċi GFF. |
|
224 |
Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 105 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li “[t]rasferiment ta’ sussidji bejn partijiet relatati [se]ta’ jiġi preżunt legalment […], b’mod partikolari meta l-kumpanija downstream relatata kienet qed [assemblat] u [esportat] l-prodott finali lejn l-Unjoni”. |
|
225 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni tibbaża l-preżunzjoni legali inkwistjoni, b’mod partikolari, fuq il-punt 146 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. Issa, kif ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, mill-imsemmi punt jirriżulta li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandha tistabbilixxi li l-vantaġġ mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja direttament lill-produtturi tal-materja prima huwa trażmess, minn tal-inqas parzjalment, lill-produtturi tal-prodott ipproċessat ikkonċernat mill-investigazzjoni, meta l-produtturi tal-materja prima u l-proċessuri downstream jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ distakkament (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2023, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il-Kummissjoni, T‑480/20, taħt appell, EU:T:2023:90, punt 56). Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li, fil-każ ta’ kumpanniji relatati, it-trażmissjoni ta’ sussidji setgħet tiġi preżunta legalment, b’mod partikolari meta l-kumpannija downstream assemblat il-prodott finali u esportatu lejn l-Unjoni. |
|
226 |
Sabiex tikkontesta din il-konklużjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, minn naħa, li, f’dan il-każ, ma hemmx prova tal-fatt li l-materja prima tal-GFF, jiġifieri l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ, kienet issussidjata, b’tali mod li t-trażmissjoni ta’ tali sussidju ma tistax tiġi legalment preżunta. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li pprovat li x-xiri tagħha mingħand PGTEX China kif ukoll ix-xiri ta’ din tal-aħħar mingħand CPIC kienu saru f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. |
|
227 |
Madankollu, minn naħa, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni dwar ir-rilevanza tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, mill-eżami tal-ewwel ilment jirriżulta li l-Kummissjoni wriet, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-materja prima użata fil-produzzjoni tal-GFF ġiet issussidjata. (ara l-punti 219 sa 222 iktar ’il fuq). |
|
228 |
Min-naħa l-oħra, kif tosserva l-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, mir-risposta ta’ PGTEX China għall-ittra ta’ verifika preliminari, prodotta bħala anness mar-risposta, jirriżulta li l-prezzijiet tal-bejgħ iffatturati lir-rikorrenti kienu dejjem inqas mill-prezzijiet iffatturati lil klijenti indipendenti. Fil-fatt, mill-imsemmija risposta jirriżulta li “l-bejgħ mill-ġdid ta’ faxex u ta’ ħajt ma huwiex l-attività prinċipali ta’ PGTEX China, b’tali mod li [din tal-aħħar] ma għandhiex l-intenzjoni li tibbenefika minn dan il-bejgħ mill-ġdid u ma għandhiex għalfejn tiddetermina ‘prezz tas-suq’ għal dan il-bejgħ mill-ġdid”, li, “[m]eta tbigħ mill-ġdid din il-materja prima [lir-rikorrenti], PGTEX China żżid l-ispejjeż ta’ trasport stmati mal-prezzijiet tax-xiri mingħand CPIC sabiex tiddetermina l-prezz ta’ trasferiment, peress li PGTEX China ser tieħu ħsieb it-trasport ta’ din il-materja prima lejn il-Marokk” u li, “[m]eta terġa’ tbiegħ din il-materja prima lil klijenti indipendenti, peress li dan huwa bejgħ okkażjonali fi kwantità limitata, il-klijenti setgħu jaċċettaw prezz ogħla”. |
|
229 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq il-preżunzjoni legali ta’ trasferiment ta’ sussidji inkwistjoni sabiex tikkonstata li r-raba’ kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni kienet issodisfatta f’dan il-każ. |
|
230 |
Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji billi qieset li l-GFF esportati mill-Marokk lejn l-Unjoni komplew jibbenefikaw mis-sussidji mogħtija lill-produtturi Ċiniżi ta’ GFF. |
|
231 |
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
C. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 28(1) u (3) tar-Regolament bażiku antisussidji f’dak li jirrigwarda l-użu tad-data disponibbli
|
232 |
Dan il-motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li, billi applikat data disponibbli fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u jikser l-Artikolu 28(1) u (3) tar-Regolament bażiku antisussidji f’dak li jirrigwarda l-użu tal-imsemmija data. |
|
233 |
Insostenn tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet ilmenti. |
|
234 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li, billi ċaħdet mingħajr ebda spjegazzjoni l-provi li hija kienet ipproduċiet fir-risposta għall-ittra dwar l-Artikolu 28 fil-kummenti tagħha dwar id-DIG, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-data disponibbli. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, minkejja t-tweġibiet tagħha għal kull wieħed mill-punti msemmija fil-premessa 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-allegazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija ittra, fid-DIG, kif ukoll f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni baqgħu identiċi. |
|
235 |
Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fir-risposta sabiex tispjega l-approċċ segwit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huma ġodda u għalhekk inammissibbli fin-nuqqas ta’ inklużjoni f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. |
|
236 |
Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li ma tqegħditx f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tapplika d-data disponibbli u ma kellhiex il-possibbiltà li effettivament tifformula osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett, b’tali mod li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser id-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
237 |
Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti l-obbligu li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-ittra dwar l-Artikolu 28 fil-kummenti tagħha dwar id-DIG. |
|
238 |
Insostenn tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li hija ma kinitx ipprovdiet l-“informazzjoni meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji. |
|
239 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li pproduċiet kjarifiki dwar l-informazzjoni kollha mitluba. |
|
240 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni msemmija fil-premessa 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma tistax tiġi kklassifikata bħala “meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji u tal-ġurisprudenza. Fil-fehma tagħha, din l-informazzjoni setgħet tinkiseb b’mezzi oħra mill-Kummissjoni u tiġi vverifikata permezz ta’ żjarat u kontroverifiki mill-bogħod. |
|
241 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser l-Artikolu 28(3) tar-Regolament bażiku antisussidji, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika data disponibbli għas-sempliċi raġuni li l-informazzjoni li kienet ipprovduta minnha ma kinitx l-aħjar waħda. Hija tippreċiża li, anki jekk din l-informazzjoni kellha titqies li ma hijiex l- “ideali”, dan ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex issir din l-applikazzjoni. Hija żżid li, billi ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni eskludiet parti mid-data dwar l-ispejjeż tal-manifattura li hija kienet ikkomunikat u użat data disponibbli dwar b’mod partikolari d-data tal-bidu tal-produzzjoni, filwaqt li, f’każ ta’ dubju dwar l-affidabbiltà tad-data kkomunikata biss, hija kellha tapplika l-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament u għalhekk taċċetta din l-aħħar data. |
|
242 |
Il-Kummissjoni, l-istess bħall-intervenjenti insostenn tagħha, tqis li dan il-motiv huwa ineffettiv fl-intier tiegħu u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
243 |
Insostenn tan-natura ineffettiva tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ssostni li, matul l-investigazzjoni kontra l-evażjoni, hija fetħet il-proċedura skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku antisussidji minħabba l-fatt li l-informazzjoni msemmija fil-premessa 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat setgħet tissuġġerixxi l-eżistenza ta’ trasbord, iżda li finalment, fid-dawl tan-natura inkompleta u kontradittorja tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, hija finalment eskludiet il-possibbiltà li tasal sabiex tipprova l-eżistenza ta’ tali trasbord u ffokat fuq il-prova ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija. Hija tippreċiża li, għall-finijiet ta’ din il-prova, hija ma użatx data disponibbli taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku antisussidji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerta data statistika estratta mill-Eurostat u data tar-rikorrenti stess, li, madankollu, ma humiex ikkontestati minnha. |
|
244 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament bażiku antisussidji, hija l-Kummissjoni li għandha tibda investigazzjoni abbażi tal-provi li minnhom jirriżulta, prima facie, li hemm prattiki ta’ evażjoni. Jekk il-fatti stabbiliti matul din l-investigazzjoni jippermettu li jiġi konkluż li tali evażjoni teżisti, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jestendi l-miżuri antisussidji. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 31). |
|
245 |
Madankollu, ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku antisussidji ma tagħti lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ evażjoni, is-setgħa li ġġiegħel lill-produtturi jew lill-esportaturi kkonċernati minn ilment jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, hija biss tributarja tal-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 32). |
|
246 |
Huwa għal din ir-raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji, li meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għal, jew inkella ma tagħtix, l-informazzjoni meħtieġa jew meta timpedixxi b’mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 33). |
|
247 |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji kien jikkonċerna l-użu tad-data disponibbli mill-istituzzjonijiet, għad-detriment tad-data speċifika għal parti kkonċernata waħda jew iktar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il-Kunsill, T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
248 |
F’dan il-każ, il-premessa 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, tirrileva dan li ġej: “[Skont il-Kummissjoni,] it-tweġibiet għall-kwestjonarju, inkluża t-tweġiba għal ittra dwar in-nuqqasijiet, [tar-rikorrenti] u ż-żewġ kumpaniji relatati Ċiniżi tagħha […] instabu li kellhom in-nuqqasijiet għar-raġunijiet li ġejjin:
|
|
249 |
Konsegwentement, kif jirriżulta mill-premessa 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament bażiku [antisussidji],, il-Kummissjoni infurmat lill-Grupp PGTEX, fil‑5 ta’ Ottubru 2021, bil-fatt li l-lista mhux eżawrjenti ta’ elementi deskritti fil-premessa 38 tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku u għall-użu tal-fatti disponibbli. Stiednet ukoll lill-imsemmi grupp biex jifformula l-osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni possibbli ta’ dan l-artikolu. |
|
250 |
Kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni “analizzat l-informazzjoni u d-dokumenti li l-Grupp PGTEX [kien] ippreżenta mal-ittra tiegħu tat‑12 ta’ Ottubru 2021” u “kkonkludiet li la tweġibiet sodisfaċenti u lanqas dokumentazzjoni ta’ sostenn konvinċenti ma ngħataw għall-biċċa l-kbira tal-elementi li [kienu] tqajmu fl-ittra tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2021”. |
|
251 |
Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 42 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, “il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta mill-Grupp PGTEX kienet parzjalment inkompluta u kontradittorja u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx toqgħod fuqha għalkollox”, iżda li “id-data ppreżentata mill-[imsemmi grupp] ma [kinitx ġiet] kompletament injorata” u li l-Kummissjoni “[kienet] użat kemm id-data dwar il-bejgħ kif ukoll id-data tal-kostijiet ippreżentata [minn dan il-grupp] bħala punt tat-tluq tal-analiżi tagħha”. |
|
252 |
Barra minn hekk, fil-premessa 43 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat li, “[f’]konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku [antisussidji], l-informazzjoni pprovduta mill-Grupp PGTEX kienet [ġiet] ikkomplementata minn data estratta minn bażijiet tad-data bħall-Global Trade Atlas (“GTA”) […], u l-Eurostat […]. Id-data tal-importazzjoni ġiet estratta mill-Eurostat, u l-GTA ntużat għad-determinazzjoni tal-volumi tal-esportazzjoni tal-faxex tal-fibra tal-ħġieġ [miċ-Ċina] u mill-Eġittu lejn il-Marokk”. |
|
253 |
Għalhekk, mill-qari flimkien tal-premessi 38 u 43 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni użat id-data dwar l-importazzjoni estratta mill-Eurostat u dik dwar il-volumi ta’ esportazzjoni ta’ stratifils tal-fibra tal-ħġieġ miċ-Ċina u mill-Eġittu lejn il-Marokk estratti mid-database Global Trade Atlas (GTA) sabiex tirrimedja l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti f’dak li [kien] jirrigwarda l-volumi ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni msemmija fil-premessa 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Il-Kummissjoni rrikorriet b’mod partikolari għal din id-data statistika sabiex tiddetermina jekk ix-xejra tal-kummerċ kinitx inbidlet f’dan il-każ. |
|
254 |
Mill-premessa 42 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta wkoll li d-data trażmessa mill-Grupp PGTEX ma ġietx injorata, u l-Kummissjoni użat kemm id-data dwar il-bejgħ kif ukoll id-data tal-kostijiet ippreżentata mill-Grupp bħala punt tat-tluq tal-analiżi (ara l-punt 251 iktar ’il fuq). |
|
255 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-data disponibbli użata mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji. B’mod partikolari, fir-rigward tad-data estratta mill-Eurostat u mid-database GTA użata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kien hemm bidla fl-iskambji f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tressaq, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ebda argument intiż li jikkontesta b’mod espliċitu l-veraċità ta’ din id-data. Fil-fatt, hija sempliċement issostni li, fil-premessa 86 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni eskludiet ix-xahar ta’ Marzu bħala l-mument tat-tluq tal-produzzjoni u, konsegwentement, l-ewwel mill-metodi l-oħra ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ deprezzament, preċiżament billi bbażat ruħha fuq l-argumenti mressqa fil-premessa 38 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
256 |
Madankollu, mill-eżami tat-tielet parti tar-raba’ motiv jirriżulta (ara l-punti 189 sa 191 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni ma eskludietx l-ewwel mill-metodi l-oħra ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ deprezzament billi bbażat ruħha fuq data disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, iżda minħabba li d-data ta’ produzzjoni ta’ kull xahar kif ikkontabilizzata mir-rikorrenti mhux dejjem kienet tikkorrispondi għall-produzzjoni effettiva tax-xahar u ma setgħetx titqies affidabbli. |
|
257 |
Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti oħra intiżi sabiex jikkontestaw id-data disponibbli li l-Kummissjoni [kienet]użat skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku antisussidji b’tali mod li hija ma tistax issostni li l-użu ta’ din id-dispożizzjoni jippreġudika s-sitwazzjoni tagħha. |
|
258 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi analizzata l-fondatezza tal-partijiet imqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv. |
|
259 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
|
260 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar. |
|
261 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Porchia Jaeger Madise Nihoul Verschuur Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Diċembru 2024. Firem |
Werrej
|
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
II. It‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
III. Id‑dritt |
|
|
A. Fuq l‑ewwel motiv |
|
|
1. Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
a) Fuq il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni |
|
|
b) Fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni ta’ miżuri antisussidji |
|
|
2. Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 33 (a) tar-Regolament bażiku antisussidji u fuq użu ħażin ta’ poter minħabba li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jimponi dazji kumpensatorji fuq il-GFF li r-rikorrenti tesporta lejn l-Unjoni, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini preferenzjali tal-Marokk tagħhom |
|
|
B. Fuq it‑tielet sal‑ħames aggravju |
|
|
1. Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
2. Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tagħha fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji kif ukoll ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ |
|
|
a) Fuq l-evalwazzjoni tal-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat |
|
|
b) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-ħolqien tas-sit ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fil-Marokk minbarra l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji |
|
|
c) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami |
|
|
3. Fuq il-fondatezza tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi operazzjoni ta’ assemblaġġ |
|
|
a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni applikat b’analoġija l-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ assemblaġġ” tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping |
|
|
b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji u fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi “operazzjoni ta’ assemblaġġ” |
|
|
c) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċess ta’ manifattura implimentat mir-rikorrenti fil-Marokk kien jikkostitwixxi operazzjoni ta’ assemblaġġ |
|
|
1) Fuq il-kalkolu tal-valur miżjud fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat |
|
|
i) Fuq l-ispiża ta’ deprezzament |
|
|
ii) Fuq l-ispiża tal-kiri |
|
|
2) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 13(2) (b) tar-Regolament bażiku antidumping |
|
|
3) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament |
|
|
4) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba |
|
|
d) Konklużjoni |
|
|
4. Fuq il-fondatezza tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku antisussidji sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-GFF esportati mill-Marokk lejn l-Unjoni komplew jibbenefikaw mis-sussidji mogħtija lill-produtturi Ċiniżi ta’ GFF. |
|
|
C. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 28(1) u (3) tar-Regolament bażiku antisussidji f’dak li jirrigwarda l-użu tad-data disponibbli |
|
|
IV. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Data kunfidenzjali redatta.