Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas‑26 ta’ Lulju 2023 –
Pshonka vs Il‑Kunsill

(Kawża T‑244/22) ( 1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz ingħatat b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1. 

L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/376; Regolamenti tal-Kunsill Nru 208/2014 u 2022/375)

(ara l-punti 62, 63)

2. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ proċedura ġudizzjarja mmexxija mill-awtoritajiet ta’ Stat terz fir-rigward ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jew ta’ abbuż ta’ poter mid-detentur ta’ kariga pubblika – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Deċiżjoni nazzjonali adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ verifika li jaqa’ fuq il-Kunsill – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Stat terz li aderixxa għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Assenza ta’ effett – Għan tal-miżuri restrittivi intiż li jsaħħaħ l-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem

(Artikolu 21(2)(b) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/376, premessa 2; Regolamenti tal-Kunsill Nru 208/2014 u 2022/375)

(ara l-punti 64 sa 70)

3. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ proċedura ġudizzjarja mmexxija mill-awtoritajiet ta’ Stat terz fir-rigward ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jew ta’ abbuż ta’ poter mid-detentur ta’ kariga pubblika – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni nazzjonali adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati fil-konfront tal-persuni jew entitajiet ikkonċernati – Obbligu ta’ verifika tar-rispett tal-imsemmija drittijiet li jaqa’ fuq il-Kunsill – Ksur

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119 (PESK), kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/376; Regolamenti tal-Kunsill Nru 208/2014 u 2022/375)

(ara l-punti 75, 77 sa 81, 83 sa 86, 88 sa 92, 113)

4. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi adottata minn awtorità ta’ Stat terz – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Deċiżjoni nazzjonali adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ verifika li jaqa’ fuq il-Kunsill – Prova tal-verifika – Oneru tal-prova

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/ 376, premessa 2; Regolamenti tal-Kunsill Nru 208/2014 u 2022/375)

(ara l-punti 93 sa 96, 112)

5. 

Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Proċedura ġudizzjarja f’pajjiż terz li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi – Obbligu ta’ verifika tal-Kunsill – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u l-Artikolu 52(3))

(ara l-punti 97 sa 110)

Dispożittiv

1) 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/376 tat 3 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/375 tat 3 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huma annullati sa fejn isem Viktor Pavlovych Pshonka nżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

2) 

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.


( 1 ) ĠU C 244, 27.6.2022.