SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

5 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Iffissar tar-rekwiżiti prudenzjali – Impenji irrevokabbli ta’ ħlas – Awtorità ta’ res judicata – Eċċess ta’ poter – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑186/22,

BNP Paribas, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset‑Grainville u M. Trabucchi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Yoo, D. Segoin u F. Bonnard, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, BNP Paribas, titlob l-annullament, minn naħa, tal-punt 1.10 u tal-punti 3.10.1 sa 3.10.8 tad-Deċiżjoni ECB‑SSM‑2022‑FRBNP‑7 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat‑2 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022”), inkluż l-annessi tagħha, sa fejn tippreskrivi miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-impenji ta’ ħlas irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IĦI”) li jikkonċernaw is-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-punt 1.10 u tal-punti 3.9.1 sa 3.9.8 tad-Deċiżjoni ECB‑SSM‑2022‑FRBNP‑86 tal‑BĊE tal‑21 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022”), inkluż l-annessi tagħha, sa fejn tippreskrivi miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-IĦI li jikkonċernaw is-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti, bħala entità importanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

3

Fil‑31 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, il-BĊE bagħat kwestjonarju lir-rikorrenti, dwar l-ipproċessar tal-IĦI minn din tal-aħħar, li jikkostitwixxu possibbiltà li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fondi ta’ riżoluzzjoni jew għas-sistemi ta’ garanzija, permezz ta’ kuntratt li permezz tiegħu jiġi miftiehem li l-ammont dovut jitħallas hekk kif issir l-ewwel talba mill-awtorità inkarigata mill-fondi ta’ riżoluzzjoni jew mis-sistemi ta’ garanzija, fejn l-imsemmi kuntratt kien jinkludi garanzija ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni esklużiva tal-fondi, fil-prattika taħt forma ta’ depożitu fi flus, ta’ ammont ugwali għall-kontribuzzjoni dovuta.

4

Fid‑29 ta’ April 2021, ir-rikorrenti bagħtet it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju.

5

Fl‑10 ta’ Novembru 2021, il-BĊE bagħat lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni fi tmiem il-Proċess ta’ Reviżjoni u ta’ Evalwazzjoni Prudenzjali (Supervisory Review and Evaluation Process, SREP), li kien jinkludi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti prudenzjali li l-ammont akkumulat tal-IĦI jitnaqqas mill-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (iktar ’il quddiem iċ-“CET 1”). Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tesprimi ruħha dwar dan l-abbozz.

6

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrenti esponiet l-osservazzjonijiet tagħha.

7

Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(f) u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013 il-BĊE adotta d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022.

8

F’din id-deċiżjoni, il-BĊE ddetermina li, konformement mal-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mir-rikorrenti, u l-kapital u l-likwidità miżmuma minnha ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha sa fejn ir-rikorrenti wettqet stima eċċessiva tal-livell taċ-CET 1 tagħha.

9

Biex tkopri dan ir-riskju, il-BĊE impona, minn naħa, miżura skont l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ tnaqqis”), u, min-naħa l-oħra, obbligu skont l-Artikolu 16(2)(j) ta’ dan l-istess regolament (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ dikjarazzjoni”).

10

Il-miżura ta’ tnaqqis imposta hija ekwivalenti, skont il-formola ta’ kalkolu li tinsab fil-punt 1.10 tad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022, għall-valur tas-somom imqiegħda taħt garanzija u inklużi mal-assi tar-rikorrenti, li minnu jitnaqqsu l-elementi li jistgħu jnaqqsu r-riskju, jiġifieri l-elementi taċ-CET 1 miżmuma mir-rikorrenti, relatati mas-somom imqiegħda taħt garanzija, u, jekk ikun il-każ, tal-valur ekonomiku pożittiv attribwit lill-assi rreġistrati, fid-dawl tas-somom imqiegħda taħt garanzija tal-IĦI.

11

L-obbligu ta’ dikjarazzjoni huwa intiż li jippermetti lill-BĊE jiżgura ruħu mit-teħid inkunsiderazzjoni korretta tat-tnaqqis impost lir-rikorrenti.

It‑talbiet tal‑partijiet u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors

12

Fit‑12 ta’ April 2022, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13

Fil-kuntest ta’ ċiklu ġdid tas-SREP, il-BĊE adotta d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022, li ssostitwixxiet id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), mill‑1 ta’ Jannar 2023 u li jżommu fis-seħħ il-miżura ta’ tnaqqis u l-obbligu ta’ dikjarazzjoni.

14

Biex wasal għal din id-deċiżjoni, il-BĊE segwa l-istess proċedura bħal dik deskritta fil-punti 3 sa 6 iktar ’il fuq.

15

Fil‑15 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti ssottomettiet nota ta’ adattament tar-rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li fiha hija talbet ukoll l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022, billi invokat l-istess motivi bħal dawk inizjalment imqajma fir-rikors kontra d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022.

16

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2013, il-BĊE ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ adattament tar-rikors.

17

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

18

Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

19

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata u fuq eċċess ta’ poter, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tielet, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta miċ-ċaħda tal-effett utli tal-leġiżlazzjoni madwar l-IĦI, u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑awtorità ta’ res judicata u fuq eċċess ta’ poter

20

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE eċċeda l-poteri mogħtija lilu bis-saħħa tar-Regolament Nru 1024/2013, hekk kif spjegati mis-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2020, Société Générale vs BĊE (T‑143/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:389), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Crédit Agricole et vs BĊE (T‑144/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:390), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Confédération nationale du Crédit Mutuel et vs BĊE (T‑145/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:391), tad‑9 ta’ Settembru 2020, BPCE et vs BĊE (T‑146/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:392), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Arkéa Direct Bank et vs BĊE (T‑149/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:393), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE (T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tal‑2020”), billi impona miżura ġenerali li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prudenzjali individwali tagħha. Billi għamel hekk, il-BĊE kiser l-Artikolu 266 TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(1)(f) u l-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) u (j) tar-Regolament Nru 1024/2013.

21

Speċifikament, ir-rikorrenti tilmenta li l-BĊE bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq raġunament li jista’ jwassal biss għal tnaqqis totali tal-ammont tal-garanziji assoċjati mal-IĦI. Minħabba f’hekk, il-BĊE ma kkonformax lilu nnifsu mal-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 266 TFUE.

22

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li paragun bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet annullati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑2020, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati, juri li l-imsemmija deċiżjonijiet huma bbażati fuq motivi, essenzjalment, identiċi.

23

Barra minn hekk, il-BĊE ma wettaqx eżami partikolari tas-sitwazzjoni individwali tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kellu l-intenzjoni li jagħti l-illużjoni ta’ eżami individwali, billi indika l-elementi li huwa ddikjara fl-okkażjoni tat-tweġibiet tar-rikorrenti tad‑29 ta’ April 2021 għall-kwestjonarju li kien intbagħat lilha mill-BĊE fil‑31 ta’ Marzu 2021, u billi żied formalment il-motivazzjoni tiegħu tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, il-parti tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jirrigwardaw il-kwantifikazzjoni tar-riskji tal-IĦI hija għalkollox standardizzata u ma tibbażax ruħha fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi għar-rikorrenti, iżda fuq konstatazzjonijiet ta’ natura ġenerali, li jistgħu japplikaw għal kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu li jagħżel l-ipproċessar tal-IĦI barra mill-karta tal-bilanċ.

24

Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

25

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, tilmenta, essenzjalment, li l-BĊE mhux biss kiser l-Artikolu 4(1)(f) u l-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, hekk kif spjegati mis-sentenzi tal‑2020, kif ukoll l-Artikolu 16(2)(j) tar-Regolament Nru 1024/2013, iżda wkoll l-Artikolu 266 TFUE minħabba l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament li jirriżulta mill-imsemmija sentenzi. Allegatament il-BĊE, mill-ġdid, adotta miżura ta’ tnaqqis u ma wettaqx realment eżami individwali.

26

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat għandha tieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, skontu hija l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tagħha, l-istituzzjoni kkonċernata hija marbuta, skont ġurisprudenza stabbilita, li tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli biex jiġi ddeterminat is-sens preċiż ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27; tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29, u tat‑13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il‑Kummissjoni, T‑283/03, EU:T:2005:315, punt 50).

28

L-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30, u tat‑13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il‑Kummissjoni, T‑283/03, EU:T:2005:315, punt 51).

29

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 266 TFUE jimponi obbligu fuq l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30, u tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 57). Il-proċedura intiża li tissostitwixxi tali att tista’ għaldaqstant tista’ titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 58).

30

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-BĊE ma ppreżentax appelli kontra s-sentenzi tal‑2020 li kienu annullaw parzjalment id-deċiżjonijiet tiegħu li kienu s-suġġett tal-imsemmija sentenzi. Madankollu, id-deċiżjonijiet ikkontestati f’din il-kawża ma għandhomx bħala għan li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet li ġew annullati fis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE (T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394). Fil-fatt, kull sena l-BĊE jadotta deċiżjoni fil-kuntest tas-SREP li tidħol fis-seħħ fid-data indikata f’dik id-deċiżjoni Fl-istess data, id-deċiżjoni dwar is-SREP tas-sena preċedenti ma tibqax tapplika sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor mid-deċiżjoni l-ġdida dwar is-SREP. B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-Artikolu 266 TFUE, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’. Madankollu, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk il-BĊE wettaqx eċċess ta’ poter billi adotta, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(f) u tal-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) u (j) tar-Regolament Nru 1024/2103, kif spjegat mis-sentenzi tal‑2020, miżura ta’ tnaqqis mingħajr ma realment wettaq eżami individwali.

31

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1024/2013 stabbilixxa l-mekkaniżmu ta’ superviżjoni unika u għandu bħala għan li jiggarantixxi s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-imsemmi regolament jagħti kompetenza lill-BĊE sabiex iwettaq il-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali msemmija fl-Artikolu 4(1) tiegħu. Konformement mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, kompost minnu stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE huwa, b’mod partikolari, kompetenti biex jiżgura s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-Euro kklassifikati bħala “sinjifikattivi”. F’dan il-kuntest, kull sena hija tevalwa l-entitajiet sinjifikattivi fuq il-bażi tas-SREP, sabiex, b’mod partikolari, tiddetermina “jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjonijiet u l-kapital u l-likwidità miżmuma minnhom jiżgurax ġestjoni u kopertura tajbin tar-riskji tagħhom”. Għaldaqstant il-BĊE jadotta, hekk kif ġie osservat fil-punt preċedenti, kull sena, jew mill-inqas f’intervalli regolari, deċiżjoni fil-kuntest tas-SREP li tidħol fis-seħħ fid-data indikata f’dik id-deċiżjoni.

32

Il-fatt li l-BĊE ma ppreżentax appell kontra s-sentenzi tal‑2020 jimplika li dawn saru res judicata. Anki jekk il-BĊE, proprjament, ma ssostitwixxiex id-deċiżjonijiet annullati b’deċiżjonijiet ġodda dwar is-SREP tas-sena kkonċernata mill-imsemmija kawżi, xorta jibqa’ l-fatt li, fiċ-ċikli l-ġodda tad-deċiżjonijiet dwar is-SREP, sabiex jiġi evitat li deċiżjonijiet ġodda jkunu vvizzjati bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenzi tal‑2020, il-BĊE għandu obbligu josserva t-termini tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punti 2729, u tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 62).

33

Għandu jitfakkar ukoll li, fis-sentenzi tal‑2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li:

l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, ĠU 2013, L 321, p. 6, ĠU 2017, L 20, p. 2, u ĠU 2023, L 92, p. 29), liema regolament jinkludi rekwiżiti ta’ portata ġenerali li, f’dan il-kuntest, huma identifikati bħala rekwiżiti li jaqgħu taħt “l-ewwel pilastru”, ma kienx jostakola l-identifikazzjoni ta’ riskju li seta’ jiġi rrimedjat permezz ta’ miżura adottata taħt ir-Regolament Nru 1024/2013, jiġifieri fil-kuntest tas-setgħa tal-BĊE li taqa’ taħt it-“tieni pilastru”;

fil-fatt, l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 kien jipprevedi li, għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE kellu setgħat, kif iddikjarati fl-Artikolu 16(2) tal-istess regolament, li jawtorizzawh jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw għall-problemi kkonstatati f’ċerti sitwazzjonijiet (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 58);

fost dawn is-sitwazzjonijiet kien hemm dik fejn, fil-kuntest ta’ eżami prudenzjali mwettaq skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE kien ikkonstata li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni ta’ kreditu, kif ukoll il-kapital u l-likwidità miżmuma minn din tal-aħħar, ma kinux jiżguraw ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 58);

l-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 kien jipprevedi li l-BĊE kellu, b’mod partikolari, is-setgħa li jeżiġi mill-istituzzjonijiet li japplikaw għall-assi tagħhom politika speċjali ta’ provvista jew trattament speċjali f’termini ta’ rekwiżiti ta’ kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punti 49 sa 60);

ir-riskju li l-BĊE identifika fl-imsemmija kawżi (bħal fil-kawża preżenti) kien l-istima eċċessiva taċ-CET 1 – riskju li joriġina mill-fatt li l-IĦI kienu ttrattati bħala element barra mill-karta tal-bilanċ, li għalhekk ma kinux inklużi fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu u li l-garanzija marbuta mal-IĦI ma kinitx disponibbli sakemm jitħallsu l-IĦI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 63);

fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza taċ-CET 1 fis-solidità finanzjarja tal-istituzzjonijiet u, b’mod iktar ġenerali, fl-istabbiltà tas-settur finanzjarju, l-eżistenza tar-riskju hekk identifikat mill-BĊE ma setgħetx tiġi miċħuda (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 67).

il-BĊE seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi fuq dan il-punt, li t-trattament prudenzjali tal-IĦI, u għalhekk tal-garanzija li kienet indissoċjabbli għalih, seta’ jagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, u dan minkejja l-fatt li, fuq livell ta’ kontabbiltà, l-IĦI, bħala tali, jiddaħħlu fil-kontabbiltà bħala elementi barra mill-karta tal-bilanċ (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 70).

madankollu, peress li l-BĊE ma wettaqx l-eżami individwali tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, hekk kif inhu impost mill-Artikolu 4(1)(f) u mill-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, dawn id-dispożizzjonijiet inkisru u d-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ġew annullati f’din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punti 77 sa 84).

34

B’hekk, minn dan jirriżulta li l-BĊE jista’ juża s-setgħat tiegħu (li jaqgħu taħt it-“tieni pilastru”) bħal miżura ta’ tnaqqis, jekk ċertu numru ta’ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, jiġifieri jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun esposta għal riskju u jekk dan ir-riskju ma jkunx suffiċjentement kopert. Madankollu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju u l-kwistjoni dwar jekk dan ir-riskju huwiex kopert jew le tirrikjedi eżami għal kull każ individwali.

35

Fis-sentenzi tal‑2020, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jsemmu ebda eżami individwali li wettaq il-BĊE u intiż li jivverifika jekk ir-rikorrenti kinux implimentaw arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi fis-sens tal-Artikolu 4(1)(f) u tal-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 sabiex jiġu indirizzati r-riskji prudenzjali marbuta mat-trattament tal-IĦI barra mill-karta tal-bilanċ u, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom fir-rigward ta’ tali riskji.

36

B’hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-approċċ tal-BĊE kien jirriżulta li dan kien qies li, peress li istituzzjoni għażlet li tuża l-IĦI u trattament barra mill-karta tal-bilanċ, kien jeżisti riskju li jrendi inutli kull eżami iktar dettaljat tas-sitwazzjoni speċifika għal din l-istituzzjoni.

37

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi tal‑2020, annullat id-deċiżjonijiet li kienu tressqu għall-ġudizzju tagħha, minħabba l-fatt li l-BĊE ma kienx wettaq l-eżami prudenzjali individwali tar-rikorrenti kif inhu impost mill-Artikolu 4(1)(f) u mill-Artikolu 16(1)(c) u (2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013.

38

Il-Qorti Ġenerali la qiegħdet inkwistjoni l-importanza taċ-CET 1, la r-riskju identifikat mill-BĊE fl-imsemmija deċiżjonijiet, jiġifieri r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1, u lanqas il-possibbiltà li tiġi imposta miżura ta’ tnaqqis.

39

Bl-istess mod, il-fatt li l-BĊE impona, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, miżura ta’ tnaqqis li kienet kważi identika għal dik imposta fid-deċiżjonijiet annullati mis-sentenzi tal‑2020 lanqas ma jfisser li l-BĊE ma kkonformax ruħu mal-imsemmija sentenzi jew li huwa adotta pożizzjoni ta’ prinċipju li taqa’ taħt l-“ewwel pilastru”.

40

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-miżura kienet, bħala tali, illegali. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li l-BĊE kellu s-setgħa li jimponi tali miżura. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura imposta lir-rikorrenti kinitx iġġustifikata jew le, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati li kienu s-suġġett tas-sentenzi tal‑2020 ġew annullati fin-nuqqas ta’ eżami individwali, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fir-rigward tagħha. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-BĊE ma osservax l-obbligu ta’ esklużjoni ta’ kull miżura li għandha kontenut identiku għal dak iġġudikat bħala illegali, ma jistax jintlaqa’.

41

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qalet ukoll li r-riskji identiċi setgħu jiġu koperti minn miżuri identiċi (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE, T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394, punt 80).

42

Barra minn hekk, il-fatt li r-riskju identifikat fid-deċiżjonijiet ikkontestati huwa l-istess bħal dak li ġie identifikat fid-deċiżjonijiet annullati mis-sentenzi tal‑2020 ma jfissirx, fih innifsu, li l-BĊE ma kkonformax ruħu mat-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenzi.

43

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE wettaqx eżami individwali tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE, wara l-annullament tad-deċiżjonijiet li kienu s-suġġett tas-sentenzi tal-2020, żviluppa metodoloġija biex jipproċedi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu dwar is-SREP għas-snin segwenti, eżami iktar konkret tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissottoskrivu IĦI.

45

F’dan il-każ, l-eżami tmexxa konformement mal-imsemmija metodoloġija tal-BĊE u jikkonsisti fi kwestjonarju li wassal lill-BĊE jeżamina, fid-dawl tat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet sottomessi għas-superviżjoni prudenzjali u li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Fondi ta’ Riżoluzzjoni Unika (FRU) u għas-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti billi jissottoskrivu IĦI, jekk dawn kinux esposti għar-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 u, jekk ikun il-każ, jekk dan ir-riskju kienx kopert.

46

Għal dan il-għan, il-mistoqsijiet magħmula kienu jirrigwardaw l-ammonti tal-IĦI sottoskritti, il-garanziji pprovduti, it-trattament kontabilistiku u prudenzjali tal-IĦI u tal-garanziji u x-xenarji possibbli ta’ rkupru tal-garanziji jew ta’ sejħa għal ħlas tal-IĦI, inklużi r-rabtiet bejn dawn ix-xenarji differenti. Barra minn hekk, sabiex jiġu evalwati l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata biex jiġi ġestit ir-riskju kif ukoll il-kapital u likwidità miżmuma biex jiġi kopert dan ir-riskju, il-BĊE talbet informazzjoni addizzjonali fuq, b’mod partikolari, it-trattament kontabilistiku u prudenzjali, il-miżuri biex jiġu mtaffija r-riskji, il-miżuri ta’ likwidità u ta’ kapital, u kull miżura oħra użata biex jiġi mtaffi r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

47

Il-BĊE, fl-ewwel stadju tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mill-Artikolu 16(1)(c) u mill-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, iddetermina jekk ir-rikorrenti kellhiex riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 u, fit-tieni stadju, wettaq eżami tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti biex jiddetermina jekk l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi li kienet timplimenta, u jekk il-kapital u l-likwidità li hija kellha kinux jiżguraw ġestjoni soda u kopertura tar-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

48

B’hekk, wara l-eżerċizzju tal-kwantifikazzjoni tar-riskju, il-BĊE evalwa, fil-kuntest tat-tieni stadju, jekk iċ-CET 1 miżmuma mir-rikorrenti kinux jiżguraw ġestjoni u kopertura soda tar-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 u segwiet approċċ f’ħames stadji.

49

Fl-ewwel lok, il-BĊE evalwa jekk ir-rikorrenti kinitx kopriet parzjalment ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 permezz taċ-CET 1 li hija diġà kellha l-obbligu li jkollha għad-dispożizzjoni bħala mekkaniżmu ta’ kapital applikabbli u li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi kopert dan ir-riskju. Fit-tieni lok, dan ivverifika jekk il-livell taċ-CET 1 miżmuma mir-rikorrenti lil hinn mir-rekwiżiti globali ta’ kapital li kienu applikabbli għaliha setax ikopri r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1. Fit-tielet lok, il-BĊE evalwa jekk valur ekonomiku pożittiv setax jiġi attribwit lill-garanziji pprovduti għall-IĦI minn perspettiva prudenzjali, u jekk b’hekk setax inaqqas l-effett tas-sottoskrizzjoni ta’ IĦI u tal-għoti tal-garanziji korrispondenti fuq il-kapaċità taċ-CET 1 li jsostnu r-riskji. Fir-raba’ lok, il-BĊE evalwa jekk kienx jeżisti attiv jew passiv ta’ taxxa ddifferita li jistgħu jnaqqsu l-livell tal-istima eċċessiva taċ-CET 1 u, fil-ħames lok, il-BĊE eżamina jekk kinux jeżistu ċirkustanzi oħra jew miżuri partikolari oħra applikati mir-rikorrenti li jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

50

Wara l-eżami deskritt iktar ’il fuq dwar il-kapital, il-BĊE eżamina jekk il-likwidità miżmuma mir-rikorrenti kinitx tiżgura ġestjoni u kopertura soda tar-riskju identifikat.

51

Barra minn hekk, il-BĊE eżamina jekk, u kif, l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi implimentati mir-rikorrenti kienu jiżguraw ġestjoni u kopertura soda tar-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

52

Finalment il-BĊE wasal għall-konklużjoni li l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi implimentati, u l-kapital u l-likwidità miżmuma mir-rikorrenti, ma kinux jiżguraw ġestjoni soda u kopertura tar-riskju identifikat, liema fatt iġġustifika l-miżura ta’ tnaqqis.

53

Għandu jiġi kkonstatat li minn dan jirriżulta li l-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 4(1)(f) u fl-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 u li pproċeda biex iwettaq eżami individwali tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

54

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-BĊE ma pproduċiex il-prova ta’ riskju li hija speċifika għalih sa fejn ir-riskju identifikat huwa “speċifiku” għall-istituzzjonijiet kollha li jirrikorru għall-IĦI, b’tali mod li, fil-verità, l-eżerċizzju mwettaq mill-BĊE huwa biss faċċata bil-għan li tinħoloq regola ta’ portata ġenerali.

55

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-BĊE effettivament identifika riskju speċifiku għaliha. Fil-fatt, fil-kompitu tagħha ta’ superviżjoni prudenzjali, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni, bħala punt inizjali, it-trattament kontabilistiku applikat mir-rikorrenti, bħala element fattwali, fost oħrajn, biex jiddetermina jekk, u kif, ir-rikorrenti kienet tiġġestixxi u tkopri r-riskji prudenzjali li hija kienet iġġarrab minħabba s-sottoskrizzjoni tal-IĦI u l-għoti ta’ garanziji.

56

B’hekk, il-BĊE kkonstata li r-rikorrenti kienet għażlet trattament kontabilistiku magħqud li jikkonsisti fi trattament barra mill-karta tal-bilanċ tal-IĦI, filwaqt li niżżlet fil-karta tal-bilanċ tagħha, bħala attiv, bħala kreditu ta’ restituzzjoni, ammonti mqiegħda f’garanzija bil-valur nominali totali tagħhom. Tali għażla kienet tfisser, għall-BĊE, li l-kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-fondi ta’ riżoluzzjoni u ta’ garanzija tad-depożiti ma kinitx tiġi riflessa fil-karta tal-bilanċ, bil-konsegwenza ta’ riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

57

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma ħoloq ebda regola ta’ portata ġenerali ġaladarba t-trattament kontabilistiku tal-IĦI u l-garanzija assoċjata huma speċifiċi għal kull istituzzjoni u r-regoli kontabilistiċi applikabbli jħallu ċertu marġni, jew saħansitra ċertu għażla, li minnhom kienet tibbenefika r-rikorrenti.

58

F’dan ir-rigward, kif sostna l-BĊE, huma possibbli numru ta’ għażliet, jew biex dan ir-riskju jiġi evitat jew sabiex ikun hemm rimedju għalih b’mezzi oħra, liema fatt, barra minn hekk, jista’ jiġi ddeterminat biss fuq il-bażi ta’ eżami individwali.

59

B’hekk, huwa possibbli li fil-karta tal-bilanċ jitniżżel l-impenn ta’ ħlas, bħala passiv, jew li fil-kont ta’ profitt u t-telf jitniżżel il-kuntratt ta’ garanzija. L-istituzzjoni li tapplika tali trattament tirreġistra telf, fejn għalhekk ammont ekwivalenti jitnaqqas miċ-CET 1 tagħha fil-mument tas-sottoskrizzjoni tal-impenn. Huwa wkoll possibbli li l-IĦI ma jiġux irreġistrati fil-karta tal-bilanċ bħala passiv u għaldaqstant isir trattament barra mill-karta tal-bilanċ, u, fl-istess ħin, li l-flus kontanti pprovduti bħala garanzija jiġu rreġistrati fl-attiv tal-karta tal-bilanċ bħala dejn ta’ restituzzjoni lejn il-FRU. Tali trattament kontabilistiku ma jagħtix lok għal tnaqqis tal-elementi taċ-CET 1 minkejja li l-garanziji ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Bl-istess mod, mill-perspettiva tat-trattament prudenzjali, huwa possibbli li jsir tnaqqis volontarju bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 575/2013 jew inkella li jiġi kkunsidrat li l-attiv irreġistrat fil-karta tal-bilanċ, li jirrappreżenta dejn ta’ restituzzjoni tal-ammonti mqiegħda taħt garanzija, jiġġenera espożizzjoni għal riskju li fil-konfront tiegħu għandha tiġi attribwita ponderazzjoni speċifika – liema fatt jagħti lok għal rekwiżiti ta’ kapital u, b’hekk, jiġi kopert parzjalment ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

60

Dawn il-possibbiltajiet kollha huma riflessi, b’mod partikolari, fid-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tas-SREP għas-sena 2022 li l-BĊE pproduċa wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u li juru li l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-istituzzjonijiet differenti li jissottoskrivu IĦI wassal għal konklużjonijiet differenti. Fil-fatt, skont l-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-ammont imqiegħed taħt garanzija u li sar, konsegwentement, indisponibbli, kien suġġett għal tnaqqis parzjali, tnaqqis totali jew għal ebda miżura ta’ tnaqqis.

61

Għaldaqstant, mill-punti preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

62

Ir-rikorrenti tilmenta li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u adotta deċiżjoni ta’ prinċipju li ma tiħux verament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-istituzzjoni, b’mod partikolari, f’termini ta’ sigurtà prudenzjali u ta’ likwidità, u, billi għamel hekk, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tat-trattament prudenzjali applikabbli għall-IĦI. Issa, billi eskluda l-“kontinġenzi ta’ sigurtà” biex jevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx f’pożizzjoni li tirreaġixxi għar-riskju possibbli tal-IĦI, il-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Bl-istess mod, billi qies li r-riskju marbut mal-likwidità kien intrinsikament marbut mal-kontabilizzazzjoni barra mill-karta tal-bilanċ u li ebda alternattiva għall-miżura ta’ tnaqqis, b’mod partikolari rekwiżit ta’ likwidità supplimentari, ma tista’ tirrimedja għaliha, il-BĊE adotta pożizzjoni ta’ prinċipju mingħajr ma evalwa l-eżistenza ta’ riskju għar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-BĊE qaleb l-oneru tal-prova u li ma ħax inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-kwestjonarju peress li dawn ma influwenzawx il-pożizzjoni finali tiegħu.

63

Il-BĊE jenfasizza li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq ir-riskju li ġġarrab fil-każ ta’ sejħa għall-ħlas tal-IĦI, filwaqt li r-riskju li huwa identifika kien dak tal-istima eċċessiva taċ-CET 1 tar-rikorrenti. Huwa jqis ukoll li evalwa korrettament l-adegwatezza tal-kapital u dik tal-likwidità tar-rikorrenti fid-dawl tar-riskju identifikat.

64

F’dan il-każ, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li hija takkuża lill-BĊE bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba li dan tal-aħħar allegatament ibbaża lilu nnifsu fuq raġunament astratt u fuq riskji li n-natura apparenti tagħhom ma ġietx eżaminata. Il-BĊE ma eżaminax jekk il-mobilizzazzjoni tal-IĦI tistax tqiegħed jew le lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ fraġilità u adotta motivazzjoni ġenerali u stereotipata.

65

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-istituzzjoni kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali jkollha teżerċita fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma għandux iwassalha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjoni kompetenti, iżda huwa intiż sabiex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni kkontestata ma tistrieħx fuq fatti materjalment ineżatti u li din id-deċiżjoni ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk hijiex tali li tissostanzja l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, meta l-istituzzjonijiet ikollhom tali setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza bil-wisq iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95).

68

Għandu jitfakkar li r-riskju identifikat mill-BĊE huwa r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 u li l-għan tal-miżura ta’ tnaqqis huwa li jiġi rrimedjat dan ir-riskju u mhux li jiġu rrimedjati r-riskji mqajma minn possibbli sejħa għall-ħlas tal-IĦI. Ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 huwa mqajjem min-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ammonti mqiegħda bħala garanzija tal-impenn sottoskritt mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, qatt ma kkontestat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ammonti u lanqas ir-riskju identifikat bħala tali. Minkejja li hemm rabta bejn ir-riskju identifikat u s-sottoskrizzjoni tal-IĦI, ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 huwa riskju differenti minn dak ta’ sejħa għall-ħlas tal-IĦI. Ir-riskju mqajjem mis-sejħa għall-ħlas tal-IĦI jirrappreżenta r-riskju, għall-istituzzjoni kkonċernata, ta’ tiġrib ta’ telf ladarba l-IĦI jkunu suġġetti għal sejħa u l-IĦI barra mill-karta tal-bilanċ isiru spiża reali li tagħti lok għal reġistrazzjoni bħala telf fir-reġistru kontabilistiku.

69

Minn dan jirriżulta li l-BĊE ma għandux obbligu jeżamina jekk ir-rikorrenti kinitx f’pożizzjoni ssostni r-riskju ta’ sejħa għall-ħlas tal-IĦI. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li skontu l-BĊE ma eżaminax jekk is-sitwazzjoni individwali tagħha kinitx tiżgura l-kopertura ta’ riskju differenti minn dak iddefinit mill-BĊE huwa ineffettiv.

70

Fir-rigward tal-argumenti li l-BĊE qaleb l-oneru tal-prova u ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi ddikjarati mir-rikorrenti fil-kwestjonarju, dawn għandhom jiġu miċħuda.

71

Huwa minnu li huwa l-BĊE li għandu juri l-eżistenza ta’ riskju. Madankollu, dan jista’ jagħmlu biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni “speċifika” għal kull istituzzjoni ta’ kreditu. Għal din ir-raġuni ntbagħat kwestjonarju ddettaljat sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-imsemmi kwestjonarju jidħol fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-“Regolament Qafas tal-MSU”) (ĠU 2014, L 141, p. 1). Din id-dispożizzjoni tipprevedi li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali, bħal f’dan il-każ, għandha l-obbligu li tagħti l-assistenza tagħha lill-BĊE għall-kjarifika tal-fatti. Għaldaqstant il-kwestjonarju ma kellux bħala effett li jeżenta lill-BĊE mit-twettiq ta’ eżami individwali u lanqas li jaqleb l-oneru tal-prova. Għall-kuntrarju, fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta, il-BĊE wettaq l-analiżi tiegħu, identifika r-riskju u wasal għall-konklużjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, li l-imsemmi riskju ma kienx kopert – u b’hekk iġġustifika l-miżura ta’ tnaqqis u l-obbligu ta’ dikjarazzjoni.

72

Fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali miżura hija possibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 16(2)(j) tar-Regolament Nru 1024/2013. Il-fatt li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta billi tintuża l-formola COREP C 01.00, linja 0529, ID 1.1.1.28 “Elementi tal-Kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni jew tnaqqis - oħrajn”, hekk kif tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451, tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU 2021, L 97, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2021, L 136, p. 328, u ĠU 2023, L 163, p. 107), ma jippermettix li jiġi konkluż, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, li din hija miżura li taqa’ taħt l-“ewwel pilastru”. L-użu ta’ dan l-anness jispjega ruħu, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-fatt li l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni ma jipprevedix, f’dan l-istadju, punt speċifiku biex tiġi ddikjarata informazzjoni bis-saħħa tar-rekwiżiti imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013.

73

Fir-rigward tal-argument li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu ċaħad l-importanza tal-“kontinġenzi ta’ sigurtà” biex jevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx f’qagħda li twieġeb għar-riskju li għalih tista’ tiġi esposta minħabba s-sottoskrizzjoni tal-IĦI u tat-trattament tagħhom barra mill-karta tal-bilanċ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-BĊE eżaminat dan l-aspett. Huwa kkonkluda li l-imsemmija kontinġenzi, jiġifieri l-kapital miżmum mir-rikorrenti barra mir-rekwiżiti minimi regolatorji u mir-rakkomandazzjoni ta’ kapital taħt it-“tieni pilastru”, ma setgħux jitqiesu bħala kapital intiżi li jkopri r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, din tal-aħħar tibqa’ libera li tuża l-“kontinġenzi ta’ sigurtà” għal kwalunkwe riskju u mhux speċifikament għar-riskju marbut mal-IĦI. Bl-istess mod, hija tibqa’ libera li tiddistribwixxi l-“kontinġenzi ta’ sigurtà”, permezz ta’ tqassim ta’ benefiċċji awtorizzati, fi kwalunkwe mument qabel ma r-riskju jikkonkretizza ruħu, sakemm il-BĊE ma jitlobx tnaqqis jew tipprojbixxi t-tqassim ta’ benefiċċji. Barra dan, ir-rikorrenti ma tindika ebda impenn legalment vinkolanti li jipprekludiha milli tiddisponi liberament mill-“kontinġenzi ta’ sigurtà” tagħha għal għanijiet oħra minbarra l-kopertura tar-riskju tal-IĦI. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħal ma jagħmel il-BĊE, li r-rikorrenti tidher li qiegħda tikkonfondi r-riskju ta’ stima eċċessiva mal-konsegwenzi potenzjali tagħha. Ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1 jikkonsisti fi stima eċċessiva potenzjali taċ-CET 1 fid-dawl tal-kapaċitajiet reali ta’ assorbiment tat-telf tar-rikorrenti, liema fatt jista’ jippermettilha tissottoskrivi espożizzjonijiet mhux koperti minn kapital. Minkejja li l-“kontinġenzi ta’ sigurtà” komposti minn CET 1 jistgħu jkopru t-telf kollu li jirriżulta minn dawn l-espożizzjonijiet, dawn ma jkoprux ir-riskju nnifsu ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1.

74

Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti dwar il-“kontinġenzi ta’ sigurtà” u l-allegazzjoni li l-BĊE ma ħadhomx inkunsiderazzjoni ma jistax jintlaqa’.

75

Bl-istess mod, l-ilment dwar il-likwidità ma jistax jintlaqa’. Skont ir-rikorrenti, il-BĊE adotta pożizzjoni ta’ prinċipju mingħajr ma evalwa l-eżistenza ta’ riskju għaliha. Fil-fatt, il-BĊE qies li r-riskju marbut mal-likwidità kien intrinsikament marbut mal-kontabilizzazzjoni tal-IĦI barra mill-karta tal-bilanċ u li ebda alternattiva għall-miżura ta’ tnaqqis, b’mod partikolari rekwiżit ta’ likwidità supplimentari, ma tista’ tirrimedja għaliha.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-BĊE kkunsidra, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-likwidità miżmuma mir-rikorrenti ma kinitx rilevanti biex tiġi ggarantita ġestjoni soda u kopertura tajba tar-riskju marbut mal-IĦI. Fil-fatt, huwa osserva, kif jirriżulta mill-punt 3.10.4 tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022 u mill-punt 3.9.4 tad-Deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022, li, fil-każ ta’mobilizzazzjoni tal-IĦI, jew l-entitajiet suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali kkonċernata jikkunsinnaw flus kontanti bi skambju għall-irkupru tal-garanziji, bil-għan tar-riekwilibriju, jew il-FRU, il-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali jew is-sistema ta’ garanzija tad-depożiti jirreġistraw direttament il-garanziji. F’kull każ dan ma jkollu ebda effett fuq il-likwiditajiet netti tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Fi kwalunkwe każ, il-ħruġ ta’ flus diġà seħħ waqt il-provvista inizjali tal-garanzija u r-riskju marbut mal-likwidità għalhekk diġà seħħ hekk kif inhu rifless fil-ġestjoni tar-riskju marbut mal-likwidità tal-garanziji mill-entitajiet ikkonċernati.

77

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni li ladarba diġà seħħ id-depożitu ta’ garanzija, il-konsegwenzi ta’ din it-tranżazzjoni fuq il-likwidità diġà kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mir-rikorrenti u l-impatt fuq ir-ratios ta’ likwidità kien diġà seħħ, ma hijiex nieqsa minn rilevanza. Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta wkoll li hija tammetti li l-fatt li l-IĦI huma koperti minn garanzija taħt forma ta’ depożitu ta’ flus kontanti jfisser li l-ħruġ ta’ flus diġà seħħ u li l-garanzija pprovduta għalhekk ma tagħti ebda lok għal ħruġ kumplimentari min-naħa tar-rikorrenti taħt l-IĦI.

78

Il-BĊE eżamina wkoll jekk iż-żamma ta’ likwidità supplimentari ttaffix it-tħassib fir-rigward tar-riskji marbuta mal-IĦI.

79

F’dan ir-rigward, il-BĊE kkonkluda fid-deċiżjonijiet ikkontestati, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti, li l-likwiditajiet supplimentari ma kinux ikopru r-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1. Iż-żamma ta’ likwidità supplimentari jkollha effett indirett fuq ir-riskju fuq il-kapital, peress li normalment fuq il-likwidità tiġi attribwita ponderazzjoni dgħajfa tar-riskju. Madankollu, dawn l-effetti pożittivi diġà jittieħdu awtomatikament inkunsiderazzjoni fis-sistemi tar-rikorrenti li jiddeterminaw assi pponderati skont ir-riskji. Il-fatt li dan l-effett jiġi rifless ukoll fil-kalkolu tat-tnaqqis għar-riskju tal-IĦI jfisser li jkunu qegħdin jiġu rduppjati l-effetti pożittivi misluta miż-żamma ta’ likwidità supplimentari.

80

Fid-dawl tar-riskju identifikat, l-imsemmi raġunament huwa nieqes minn żball.

81

Il-fatt li dan ir-raġunament japplika wkoll għal istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu li jissottoskrivu IĦI ma jfissirx li l-BĊE ma wettaqx eżami tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti u li huwa adotta motivazzjoni li hija ġenerali u stereotipata bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

82

Mill-punti preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta miċ‑ċaħda tal‑effett utli tal‑leġiżlazzjoni madwar l‑użu tal‑IĦI

83

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jċaħħdu l-IĦI minn kull effett utli.

84

Fl-ewwel lok, it-trattament kontabilistiku u prudenzjali ddifferenzjat tal-IĦI (li ma jagħtux lok għar-reġistrazzjoni tal-ispejjeż fil-kontijiet tagħha) fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet diretti f’kontanti (li jagħtu lok għal reġistrazzjoni tal-ispejjeż fil-kontijiet tagħha), huwa koerenti mal-għan tal-leġiżlatur li jikkonsisti fil-preżervazzjoni tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet kontributuri li jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Billi jimponu trattament prudenzjali indifferenzjat bejn l-IĦI u l-kontribuzzjonijiet f’kontanti, id-deċiżjonijiet ikkontestati jheddu l-ekwilibriju stabbilit mil-leġiżlatur bejn il-finanzjament tal-fondi ta’ riżoluzzjoni u tas-sistemi ta’ garanzija tad-depożitu, minn naħa, u l-finanzjament tal-ekonomija reali, min-naħa l-oħra, u jinjoraw id-differenza ta’ natura li teżisti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kontribuzzjonijiet.

85

Fit-tieni lok, il-miżura ta’ tnaqqis tmur kontra l-għanijiet ta’ flessibbiltà, ta’ rapidità u ta’ effettività li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li jilħaq, kif jirriżulta mill-oriġini tat-testi li stabbilixxew l-Unjoni bankarja u mill-interpretazzjoni tad-dibattiti parlamentari, ġaladarba tagħmel iktar restrittiva l-istituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante fil-fondi ta’ riżoluzzjoni u fis-sistemi ta’ garanzija.

86

Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

87

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, waqt l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2012, ADV Allround, C‑218/10, EU:C:2012:35, punt 26; ara, ukoll, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, A, C‑33/11, EU:C:2012:482, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Il-fatt li l-IĦI jistgħu, flimkien mal-kontribuzzjonijiet ex ante fi flus kontanti, jintużaw bħala kontribuzzjoni għall-fondi ta’ riżoluzzjoni u għas-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti ma jagħtix lok għal dibattitu, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara:

tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1);

tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, u r-rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47, u ĠU 2014, L 309, p. 37).

89

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li “[i]l-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu biex jintlaħaq il-livell immirat speċifikat fl-Artikolu 69 jistgħu jinkludu [IĦI] li huma kompletament sostnuti b’kollateral ta’ assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ parti terza, għad-dispożizzjoni ħielsa u allokati għall-użu esklużiv tal-Bord għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 76(1)” u “[i]s-sehem ta’ dawk l-[IĦI] ma għandhomx jaqbżu t-30 % tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet miġbura skont dan l-Artikolu”. It-test tal-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59 huwa identiku fir-rigward tal-kontenut tiegħu, għal dak tal-Artikolu 70(3) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti, l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/49 jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni permezz tal-IĦI.

90

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jirrigwardawx u ma għandhomx bħala għan li jirregolaw it-trattament kontabilistiku u prudenzjali tal-IĦI.

91

Il-kwistjoni tal-effett utli tad-dispożizzjonijiet rilevanti għalhekk tirrigwarda l-artikolazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi fondi ta’ riżoluzzjoni u sistemi ta’ garanzija tad-depożiti u li tawtorizza l-użu tal-IĦI bħala kontribuzzjoni għalihom, mar-Regolment Nru 575/2013 u r-Regolament Nru 1024/2013 li pprevedew rispettivament rekwiżiti prudenzjali u introduċew il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Għaldaqstant hija kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 575/2013 u tar-Regolament Nru 1024/2013 jistax ikollha bħala effett li ttellef ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, fosthom l-Artikolu 70(3) mill-effett utli tagħhom. L-istess jgħodd fir-rigward tad-Direttiva 2014/59 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 103(3) tagħha, u fir-rigward tad-Direttiva 2014/49, u tal-Artikolu 10(3) tagħha.

92

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi konkluż li l-leġiżlatur nazzjonali xtaq li l-użu tal-IĦI jista’ jippermetti lill-istituzzjonijiet li ssottoskrivew jieħdu riskji mhux koperti minn kapital.

93

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun f’kontradizzjoni mal-miżuri iktar stretti meħuda b’risposta għall-kriżi finanzjarja tal‑2008, li tat lok għal tisħiħ tal-qafas regolatorju u tas-superviżjoni prudenzjali. Huwa f’dan il-kuntest li ġew introdotti wkoll mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni intiżi li għall-prevenzjoni tal-konsegwenzi ħżiena tal-fallimenti bankarji li seħħew fl-imgħoddi u għal iktar reżiljenza fil-ġejjieni.

94

F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li l-BĊE seta’ ġustament jikkonkludi, fuq il-bażi tal-eżami individwali, li r-rikorrenti kienet ser tgħaddi mir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1, fejn dan kien ir-riżultat tal-mod li bih ir-rikorrenti daħħlet fil-kontijiet l-IĦI u l-garanzija marbuta magħha, u li kien ifisser li hija tista’ tiffinanzja attivitajiet li ma kinux koperti mill-kapital tagħha.

95

Barra minn hekk, ma humiex konvinċenti l-kwotazzjonijiet meħuda mill-premessi li jagħmlu parti mit-testi li stabbilixxew l-Unjoni Bankarja jew id-dibattiti parlamentari invokati mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Huwa minnu li dawn juru li l-leġiżlatur ipprova jsib ċertu ekwilibrju bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti neċessarji għal Unjoni Bankarja soda u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra mogħtija lill-banek fl-attività kummerċjali tagħhom. Madankollu, il-premessi invokati mir-rikorrenti għandhom portata ġenerali u ma jirrigwardawx l-IĦI. Barra minn hekk, is-siltiet ikkwotati minnha huma selettivi u inkompleti u ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni fir-rigward tat-trattament kontabilistiku u tal-konsegwenzi prudenzjali possibbli.

96

Bħala eżempju, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1024/2013, sabiex tissostanzja l-argumenti tagħha fil-kuntest ta’ dan il-motiv u fuq kollox dawk marbuta mat-trattament kontabilistiku, ma huwiex rilevanti sa fejn is-silta kkwotata mill-imsemmija premessa ma tirriflettix il-premessa kkunsidrata b’mod sħiħ. Huwa minnu li, mis-sentenza kkwotata jirriżulta li l-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi makroekonomiċi rilevanti fl-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-istabbiltà tal-offerta ta’ kreditu u l-promozzjoni ta’ attivitajiet produttivi għall-ekonomija b’mod ġenerali. Madankollu, is-sentenza preċedenti tindika, min-naħa tagħha, li l-BĊE għandu, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, jevita “l-periklu morali u t-teħid eċċessiv ta’ riskji li jirriżulta minn dan”.

97

Issa, il-fatt li l-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, għandu obbligu jieħu inkunsiderazzjoni elementi makroekonomiċi rilevanti, ma jfissirx li ma jistax jadotta miżuri koerċittivi fuq livell individwali jekk dan ikun neċessarju mill-perspettiva prudenzjali.

98

Bl-istess mod, fir-rigward tar-riferiment fil-premessa 15 għal verżjoni tal-proposta għal regolament ta’ implimentazzjoni li tirrigwarda r-Regolament Nru 806/2014 (li saret ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 806/2014] fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-[FUR] (ĠU 2015, L 15, p. 1)), iċċitat mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi osservat li dan ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, il-kontenut tiegħu ma sabx postu fil-verżjoni finali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jindika li l-leġiżlatur ma qisx li dan kien xieraq.

99

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li trattament indifferenzjat iħassar l-effett utli tal-IĦI, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE u mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq, jirriżulta li istituzzjonijiet bankarji oħra, li wkoll ikunu ssottoskrivew IĦI, ipprevedew trattament kontabilistiku differenti tal-IĦI tagħhom u tal-ammonti mqiegħda bħala garanzija li ma kienu joħolqu ebda problema minn perspettiva prudenzjali. Mill-kumplament, dan juri li l-IĦI ma humiex neqsin minn interessi għal dawn tal-aħħar.

100

F’dan ir-rigward, indipendentement mit-trattament kontabilistiku fuq l-IĦI, għandu jiġi osservat li l-ammonti mqiegħda bħala garanzija mal-fondi ta’ riżoluzzjoni jew mas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti jipproduċu interessi favur istituzzjonijiet li jissottoskrivu IĦI, liema fatt jikkostitwixxi vantaġġ meta mqabbel ma’ kontribuzzjoni fi flus kontanti.

101

Għandu jingħad ukoll li l-assenza ta’ dispożizzjoni fir-Regolament Nru 575/2013 li tipprevedi espressament trattament kontabilistiku u prudenzjali speċifiku tal-IĦI tidher li ssaħħaħ il-konklużjonijiet preċedenti.

102

Barra minn hekk, il-fatt li, bl-introduzzjoni ta’ strument dwar l-IĦI, il-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jagħti vantaġġ preferenzjali lil min issottoskriva, jidher li jirriżulta wkoll mill-opinjoni espressa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

103

F’dan ir-rigward, l-EBA qieset, kif jirriżulta mit-tweġibiet tagħha għall-kummentarji fformulati fil-kuntest tal-konsultazzjoni mmexxija fuq l-abbozz ta’ linji gwida tal-EBA dwar l-IĦI bis-saħħa tad-Direttiva 2014/49, li la l-premessi u lanqas l-artikoli tad-Direttiva 2014/49 ma kienu jipprevedu li l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta ġew introdotti l-IĦI, kien li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jingħataw trattament kontabilistiku preferenzjali. Barra minn hekk, skont l-EBA, kuntrarjament għall-kontribuzzjonijiet diretti fi flus, l-istituzzjonijiet li jissottoskrivu EPI jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija impenji billi jżommu d-dħul tal-ammonti ttrasferiti bħala garanzija. Għandu jingħad ukoll li skont l-EBA, l-IĦI joffru lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu trattament preferenzjali tal-likwidità (rifless fit-tabella tal-flussi ta’ flus).

104

Minkejja li l-interpretazzjoni tal-EBA ma hijiex vinkolanti, f’dan il-każ, jista’ jkun rilevanti li din tittieħed inkunsiderazzjoni peress li l-EBA hija sors ta’ riferimenti fil-qasam tal-Unjoni Bankarja.

105

Barra minn hekk, il-linji gwida dwar l-IĦI li l-EBA stabbilixxiet bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/49 u tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi [EBA] u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), jikkonfermaw ukoll li t-trattament kontabilistiku tal-IĦI u tal-ammonti allokati bħala garanzija jista’ jwassal għat-teħid ta’ miżuri prudenzjali.

106

L-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti għandha għalhekk tiġi miċħuda u, għalhekk, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

107

Qabel kollox, ir-rikorrenti tfakkar li r-riskju potenzjali kkawżat mill-IĦI jista’ jseħħ biss fil-każ ta’ sejħa għal ħlas u dan ir-riskju, li s-seħħ tiegħu huwa ipotetiku, billi l-probabbiltà li wieħed jissejjaħ iħallas IĦI hija minima, huwa, fi kwalunkwe każ, kopert permezz tal-applikazzjoni korretta tar-rekwiżiti prudenzjali, bħall-attiv ipponderat skont ir-riskju (risk weighted assets). Minn dan jirriżulta li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tagħha li l-miżura ta’ tnaqqis ma hijiex iġġustifikata u, għal din ir-raġuni biss, tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

108

Sussegwentement, il-BĊE eskluda kull miżura alternattiva għall-miżura ta’ tnaqqis, bis-saħħa ta’ pożizzjoni ta’ prinċipju, taħt il-premessa li, mingħajr tnaqqis, l-ammont taċ-CET 1 ikkomunikat lill-partijiet involuti fis-suq ma jkunx jirrifletti l-kapaċitajiet reali ta’ assorbiment tat-telf.

109

Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-impożizzjoni tal-miżura ta’ tnaqqis, li tipproduċi effetti negattivi fuqha, hija manifestament mhux adattata u hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan iddikjarat li tinkiseb, għall-bżonnijiet tas-superviżjoni, informazzjoni adegwata dwar ir-riskji.

110

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-BĊE rrikonoxxa, fil-kuntest tar-risposti għall-osservazzjonijiet ifformulati minnha, li l-adegwatezza tal-kapital tagħha, evalwata għal “riskju medjament dgħajjef” f’dan il-każ, kienet parametru irrilevanti. Minn dan hija tikkonkludi li l-BĊE jammetti, konsegwentement, li anki fil-konfront ta’ istituzzjoni li tippreżenta sitwazzjoni ta’ kapital adegwata tiġi applikata miżura ta’ tnaqqis – liema fatt huwa għalkollox f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

111

Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

112

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(4) TUE, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità konformement mal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-TFUE.

113

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, premess li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tikkonċilja ruħha mal-osservanza tal-marġni ta’ evalwazzjoni possibbilment irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

F’dan il-każ, wara li kkonstata li l-eżistenza ta’ riskju identifikat mhux kopert kien jagħti lok għas-sitwazzjoni problematika msemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 u li, sabiex tiġi rrimedjata din il-problema, huwa seta’ jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 16(2)(d) ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi rikjest li kull istituzzjoni kkonċernata tapplika għall-attiv tagħha politika speċjali ta’ provvista jew trattament speċjali f’termini ta’ rekwiżit ta’ kapital, il-BĊE eżamina l-proporzjonalità tal-miżura ta’ tnaqqis.

116

Fl-ewwel lok, il-BĊE ddetermina li r-rekwiżit ta’ tnaqqis kien xieraq biex jiġi rrimedjat ir-riskju ta’ stima eċċessiva taċ-CET 1, peress li dan kien jirrimedja speċifikament it-telf ta’ riżorsi ekonomiċi li diġà jkun seħħ. Fit-tieni lok, il-BĊE evalwa jekk ir-rekwiżit ta’ tnaqqis kienx neċessarju u, b’mod partikolari, jekk kinux jeżistu miżuri alternattivi oħra, inqas onerużi u li jistgħu jilħqu bl-istess mod l-għan li jiġu ddikjarati biss iċ-CET 1 li jistgħu jsostnu r-riskji.

117

Il-BĊE kkunsidra li dan l-għan ma jintlaħaqx bl-użu ta’ miżuri oħra taħt it-“tieni pilastru” bis-saħħa tal-Artikolu 16(2)(a) intiż għaż-żieda tar-rekwiżit ta’ kapital u (i) intiż għal-limitazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ dividendi, tar-Regolament Nru 1024/2013.

118

Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami mwettaq mill-BĊE dwar il-proporzjonalità tal-miżura ta’ tnaqqis ġiet strutturata u mwettqa b’mod korrett. Dan ma huwiex ivvizzjat b’illegalità u huwa nieqes minn żbalji. Barra minn hekk, dan ir-raġunament tal-BĊE ma huwiex imqiegħed inkwistjoni mill-argumenti invokati mir-rikorrenti.

119

Fl-ewwel lok, l-argument li s-seħħ tas-sejħa għal ħlas tal-IĦI tibqa’ ipotetika ħafna ma huwiex rilevanti fid-dawl tar-riskju identifikat.

120

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax, għar-raġuni li l-BĊE eżamina u, sussegwentement, eskluda miżuri alternattivi għall-miżura ta’ tnaqqis, tislet il-konklużjoni li l-miżura imposta ma kinitx xierqa u kienet sproporzjonata għall-kisba ta’ informazzjoni dwar ir-riskji. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma spjegatx għalfejn ir-raġunament tal-BĊE, f’dan ir-rigward, huwa żbaljat. Barra minn hekk, il-miżura ta’ tnaqqis hija intiża biex jiġi rrimedjat it-telf tar-riżorsi ekonomiċi li diġà jkun seħħ, ġaladarba l-komunikazzjoni lis-suq jew lis-superviżuri tal-livell eżatt ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf taċ-CET 1 tar-rikorrenti hija biss konsegwenza indiretta tal-miżura imposta iżda mhux għan fih innifsu.

121

Fit-tielet lok, il-fatt li l-adegwatezza tal-kapital tat lok għal evalwazzjoni bħala “riskju medjament dgħajjef” ma jfissirx li l-miżura ta’ tnaqqis imposta hija sproporzjonata u, fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi osservat li din il-klassifikazzjoni ma tirrimedjax għar-riskju ta’ stima eċċessiva identifikat.

122

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

123

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

BNP Paribas hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Ġunju 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.