Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

3 ta’ Lulju 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża T‑142/22,

Landesbank Baden-Württemberg, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, T. Wittenberg u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann u P. Gey, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Landesbank Baden-Württemberg, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/82 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-15 ta’ Diċembru 2021, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

[omissis]

[omissis]

III. It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha;

–        sussidjarjament, tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija ġuridikament ineżistenti, sa fejn tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

21      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sakemm din tiġi ssostitwita jew, minn tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

IV.    Id-dritt

[omissis]

B.      Fuq ilmotivi li jirrigwardaw lillegalità taddeċiżjoni kkontestata

[omissis]

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

[omissis]

d)      Fuq isseba’ parti, dwar iżżamma tad-data talistituzzjonijiet loħra

239    Ir-rikorrenti ssostni għall-ewwel darba, fir-replika tagħha, li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), dwar l-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB mal-obbligu ta’ dan tal-aħħar li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati ma humiex applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, konformement mas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 54 u 56), id-data tal-istituzzjonijiet l-oħra li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma għadhiex koperta mis-sigriet kummerċjali, minħabba li, peress li d-data ta’ referenza għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017 hija l‑31 ta’ Diċembru 2015, din id-data għandha iktar minn ħames snin.

240    Is-SRB jikkontesta dan l-argument, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din il-parti.

241    Għandu jitfakkar li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali li ma tistax tiġi riprodotta fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

242    F’dan ir-rigward, is-SRB ipprovda, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom id-data tal-istituzzjonijiet li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 kienet koperta mis-sigriet kummerċjali.

243    B’mod partikolari, is-SRB osserva, fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet — jiġifieri l-informazzjoni kollha dwar l-attività professjonali tal-istituzzjonijiet li, fil-każ ta’ żvelar lil kompetitur u/jew pubbliku usa’, jistgħu jippreġudikaw serjament l-interessi tal-istituzzjoni — kienu kkunsidrati bħala informazzjoni kunfidenzjali. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet permezz tal-formoli tagħhom ta’ dikjarazzjoni tad-data, li s-SRB jibbaża ruħu fuqha sabiex jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, kienet meqjusa bħala sigriet kummerċjali.

244    Barra minn hekk, fil-premessi 102 sa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li kien ipprojbit milli jiżvela d-data ta’ kull istituzzjoni li kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-kalkoli fl-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li kien awtorizzat biss jiżvela d-data aggregata u komuni, sa fejn din id-data kienet akkumulata. Madankollu, l-istituzzjonijiet kienu jibbenefikaw, skont l-imsemmija deċiżjoni, minn trasparenza totali fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom u mill-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom għall-istadji ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni, kif kienu ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li kienu jirrigwardaw il-“[kalkolu tal-indikaturi grossi]” (stadju 1), l-“[ippjanar mill-ġdid tal-indikaturi]” (stadju 3) u l-“[kalkolu tal-indikatur kompost]” (stadju 5). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jiksbu d-data komuni użata mingħajr distinzjoni mis-SRB għall-istituzzjonijiet kollha aġġustati skont il-profil ta’ riskju tagħhom għall-istadji ta’ kalkolu li jirrigwardaw id-“[diskretizzazzjoni tal-indikaturi]” (stadju 2), l-“[integrazzjoni tas-sinjal affettwat]” (stadju 4) u l-“kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali” (stadju 6).

245    Issa, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura suffiċjenti ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, sa fejn, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, id-data tal-istituzzjonijiet l-oħra kellha sitt snin u, minħabba f’hekk, ma kinitx għadha koperta mis-sigriet kummerċjali, u sa fejn, minkejja dan, is-SRB ma pprovdiex ir-raġunijiet li għalihom din id-data ma ġietx żvelata.

246    Sabiex jiġi evalwat dan l-argument, għandu jitfakkar li, meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, bħala prinċipju din titqies, minħabba li għadda ż-żmien, bħala li hija storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja ż-żmien tagħha, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li d-data individwali tal-istituzzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti kellha, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iktar minn ħames snin.

248    Madankollu, kif spjega s-SRB fil-kontroreplika tiegħu u waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, il-pożizzjoni relattiva ta’ istituzzjoni meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha tista’, fir-realtà ekonomika tas-settur bankarju, tibqa’ identika jew simili matul perijodu estiż, li jmur lil hinn minn ħames snin. Fil-fatt, ċerti elementi, bħall-mudell kummerċjali jew l-attivitajiet ta’ tali istituzzjoni, jibqgħu stabbli għal żmien qasir u medju, b’tali mod li istituzzjoni li kienet ippreżentat qabel profil ta’ riskju għoli, fid-dawl tad-data ta’ iktar minn ħames snin, tista’ tkompli tippreżenta tali profil fi tmiem il-perijodu inizjali. Għalhekk, minkejja ż-żmien tagħha, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk tali data essenzjali tiġi żvelata permezz tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-operaturi ekonomiċi attivi fis-settur bankarju jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuqha sabiex jiddeduċu l-pożizzjoni kummerċjali attwali ta’ istituzzjoni.

249    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li s-SRB kellu jiżvela fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra li jippermettu li jiġi vverifikat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, peress li, minkejja li din għandha sitt snin, għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

250    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li s-SRB, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, għandu jipprovdilha, taħt forma anonimizzata, lista tad-data kollha tal-istituzzjonijiet li jinsabu fl-istess bin bħala.

251    Minn naħa, l-impożizzjoni fuq is-SRB ta’ tali rekwiżit tmur lil hinn mir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza li tfakkru fil-punti 217, 220 u 221 iktar’ il fuq.

252    Min-naħa l-oħra, is-SRB sostna, mingħajr ma ġie serjament kontradett dwar dan il-punt, li anki lista b’data anonimizzata għal bin partikolari tirriskja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi attivi fil-qasam bankarju, li huma operaturi informati, li jsiru jafu s-sigrieti kummerċjali ta’ ċerti istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx, b’mod partikolari, li tali operaturi kienu jafu liema istituzzjonijiet kellhom it-tendenza li jkollhom valuri għolja għal ċerti indikaturi ta’ riskju. Issa, jekk jiksbu listi b’tali data kull sena, huma jkunu jistgħu jsegwu l-evoluzzjoni tal-indikaturi ta’ riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet, anki jekk dawn ikunu komposti minn data kummerċjalment sensittiva. Tali riskju jeżisti b’mod partikolari fir-rigward tal-istituzzjonijiet kbar u dawk stabbiliti fl-Istati Membri li fihom hemm biss numru limitat ta’ istituzzjonijiet responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li, f’dawn il-każijiet, operatur avżat ikun f’pożizzjoni li jiddeduċi l-identità ta’ tali istituzzjonijiet, anki jekk dawn tal-aħħar ikunu ġew anonimizzati. Għalhekk, is-SRB ma jistax jiġi kkritikat li ma stabbilixxiex lista tad-data kollha anonimizzata tal-istituzzjonijiet li kienet tinsab fl-istess bin.

253    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq ittielet parti, dwar ilmotivazzjoni tallivell filmira annwali

254    Ir-rikorrenti ssostni li huwa impossibbli li jinftiehmu, abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn il-livell fil-mira annwali ġie ffissat għal 1/8 ta’ 1.05 % tal-ammont totali tad-depożiti koperti. L-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti mis-SRB fil-punti 17 et seq tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni ma humiex biżżejjed fil-fatt sabiex jiċċaraw il-mod kif il-livell fil-mira annwali ġie effettivament iddeterminat. Barra minn hekk, is-SRB ma kkomunikax il-livell fil-mira finali pronostikat u lanqas l-interpretazzjoni tiegħu tal-limitu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, kif turi d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, is-SRB iqis li huwa awtorizzat iżid liberament il-livell fil-mira annwali billi japplika koeffiċjent li ma huwiex previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli u għalhekk jimponi piż sproporzjonat fuq l-istituzzjonijiet.

255    Is-SRB jirribatti li mill-premessi 50 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 19 sa 25 tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li huwa pprovda motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017.

256    B’mod partikolari, is-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali billi ħa inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, kif ukoll il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tkabbir mistenni tad-depożiti koperti, id-deċiżjoni kkontestata spjegat, minn naħa, li skont id-data pprovduta mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, is-somma tad-depożiti koperti żdiedet b’2.2 % bejn l-2015 u l-2016 u li, min-naħa l-oħra, ir-rata mbassra ta’ tkabbir ta’ dawn id-depożiti kienet bejn 1 % u 4 %. Barra minn hekk, il-mod kif l-eventwali effetti proċikliċi ttieħdu inkunsiderazzjoni ġie espost fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punti 23 et seq tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni.

257    Fl-aħħar nett, kien possibbli għar-rikorrenti li tikkalkola l-livell fil-mira finali stmat fl-2017 abbażi tad-data li hija kienet taf biha, filwaqt li l-assenza ta’ żvelar tal-interpretazzjoni tas-SRB dwar il-limitu ta’ 12.5 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

258    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

259    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 258 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

260    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

261    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

262    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 7 161 808 441.

263    Fil-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-livell fil-mira finali stmat għall-2023, in-neċessità li l-kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli matul il-perijodu inizjali, kif ukoll il-fażi taċ-ċiklu ta’ attivitajiet u l-effetti li dawn il-kontribuzzjonijiet allegatament għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq dawn il-parametri u fuq il-mezzi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2016, sabiex jikseb il-livell fil-mira annwali.

264    Fil-premessi 54 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali.

265    Fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li kellha tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni mistennija tad-depożiti koperti matul il-perijodu inizjali, peress li, jekk dawn id-depożiti jikbru ratione temporis, l-iffissar tal-livell fil-mira annwali għal 1 % tal-ammont tal-imsemmija depożiti ma jkunx biżżejjed sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira finali.

266    F’dan ir-rigward, is-SRB ikkonstata, fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2016 kien ta’ EUR 5 546 triljun.

267    Fil-premessi 56 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għas-sitt snin li jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill-2018 sal-2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ tkabbir ta’ dawn id-depożiti sal-aħħar tal-perjodu inizjali kienu bejn 1 % u 4 %.

268    Fil-premessi 59 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex jagħmel dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħal, b’mod partikolari, it-tbassir ta’ tkabbir tal-prodott domestiku gross għall-2017 tal-Kummissjoni jew anki indikaturi ewlenin għas-settur bankarju taż-żona tal-euro, bħas-solvenza, il-kwalità tal-attiv u l-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward u sabiex ma jiġux aggravati l-effetti proċikliċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq is-solvenza tas-settur bankarju, is-SRB qies li huwa rilevanti li jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali fid-dawl ta’ rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti li hija inqas minn dik irrakkomandata, peress li hija l-iktar kredibbli.

269    Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, minħabba l-inċertezzi madwar l-irkupru ekonomiku, l-impatt negattiv tagħhom fuq it-tkabbir futur tad-depożiti koperti u fuq iċ-ċiklu ta’ attivitajiet u n-numru limitat ta’ data li tista’ tindika l-iżvilupp futur ta’ dawn id-depożiti, kien rilevanti li jiġi adottat approċċ prudenti f’dak li kien jikkonċerna r-rati ta’ tkabbir tal-imsemmija depożiti għas-snin li ġejjin sal-2023.

270    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB ikkalkola, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-livell fil-mira annwali billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2016 bil-koeffiċjent ta’ 1.05 % u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 63 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total depożiti koperti2016 * 0.0105 * ⅛ = EUR 7 161 808 441.”

271    Waqt is-seduta, is-SRB madankollu indika li kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017 kif ġej.

272    L-ewwel nett, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, imbassra sal-aħħar tal-perijodu inizjali. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2016, ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ dawn id-depożiti, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal sa tmiem il-perijodu inizjali.

273    It-tieni nett, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % tal-ammont imbassar tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali sabiex jinkiseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil-31 ta’ Diċembru 2023.

274    It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-aħħar ammont ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl-2017, sabiex jikseb l-ammont li kien għad irid jinġabar matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali.

275    Ir-raba’ nett, is-SRB qasam dan l-aħħar ammont bin-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal, sabiex iqassmuh b’mod uniformi bejn dawn il-perijodi. Il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017 ġie għalhekk iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 262 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 7 161 biljun.

276    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu qabel xejn jitfakkar li nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li tista’, anzi li għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

277    Għal dan l-għan, il-partijiet instemgħu, matul il-fażi orali tal-proċedura, dwar in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni possibbli li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira. B’mod partikolari, mistoqsi espressament u diversi drabi f’dan ir-rigward, is-SRB iddeskriva, pass pass, il-metodu li huwa kien realment segwa sabiex jiddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2017, kif espost fil-punti 274 sa 277 iktar ’il fuq.

278    F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex jippermettu lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-motivi reali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

279    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar il-motivi tagħha matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

280    Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 210 u 211 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkoerenza tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu l-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata, qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika l-motivi li servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

281    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

282    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 16 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

283    Mill-premessa jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu realment applikat.

284    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

285    Fil-fatt, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 63, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 272 sa 275 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell annwali fil-mira, bl-użu ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali, u billi qasam dan l-aħħar ammont bin-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li jifdal. Issa, dawn iż-żewġ stadji ta’ kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fl-imsemmija formula matematika.

286    Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.05 %, li madankollu għandu rwol primordjali fil-formula matematika msemmija fil-punt 285 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat fuq l-istima tal-livell fil-mira finali għall-2023, fuq in-neċessità li l-kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli matul il-perijodu inizjali, kif ukoll fuq analiżi li tirrigwarda l-fażi taċ-ċiklu ta’ attivitajiet u l-effetti li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Issa, kif irrikonoxxa s-SRB matul is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji esposti fil-punti 272 sa 275 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, bid-diviżjoni bin-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

287    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

288    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’vizzji ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

289    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’. Fid-dawl tal-konsegwenzi legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, huwa madankollu fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/82 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal15 ta’ Diċembru 2021, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/82, għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ Landesbank Baden-Württemberg għall-perjodu ta’ kontribuzzjoni 2017.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mil-Landesbank Baden-Württemberg.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu,

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.