Kawża T‑28/22
(Pubblikazzjoni ta’ estratti)
Ryanair DAC
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat‑8 ta’ Mejju 2024
“Għajnuna mill-Istat – Suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Ġermanja lil kumpannija tal-ajru – Bidla fil-kundizzjonijiet tas-self mogħti mill-Ġermanja u tħassir parzjali ta’ djun – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Protezzjoni tad-drittijiet proċedurali – Diffikultajiet serji – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Il-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Qsim tal-piżijiet”
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż li jiġu protetti d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Ammissibbiltà
(Artikoli 108(2) u (3) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(h))
(ara l-punti 17 sa 19)
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Impriża li tikkontesta l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni – Impriża li ma tistabbilixxix li kien hemm effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq – Inammissibbiltà
(Artikoli 108(2) u (3) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)
(ara l-punti 20 sa 29)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja fil-każ ta’ diffikultajiet serji – Ċirkustanzi li jippermettu l-attestazzjoni tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni
(Artikolu 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4)
(ara l-punti 33 sa 36, u 241 sa 243)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kumpannija f’diffikultà li tagħmel parti minn grupp – Kumpannija eskluża mill-benefiċċju ta’ għajnuna skont il-linji gwida – Trasferiment ta’ kumpannija f’diffikultà minn grupp – Trasferiment suġġett għall-kundizzjoni ta’ għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Kumpannija f’diffikultà eliġibbli li tirċievi għajnuna skont il-linji gwida
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punt 22)
(ara l-punti 40 sa 54)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Tfittxija ta’ għan ta’ interess komuni – Miżura intiża li jiġu evitati diffikultajiet soċjali jew li jiġi rrimedjat falliment tas-suq – Riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti, li jkun kkumplikat li jiġi rreplikat u diffiċli li jiġi żgurat minn kompetitur fil-każ ta’ falliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punti 43 u 44)
(ara l-punti 57 sa 92)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Neċessità tal-għajnuna sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għall-benefiċjarju sabiex dan jikkontribwixxi għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punti 8, 53 u 59, u l-punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Anness II)
(ara l-punti 96 sa 120)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Obbligu għall-Istat Membru li jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni realistiku, koerenti u fuq skala kbira intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju f’terminu raġonevoli – Pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandu jkun xieraq u limitat għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punti 45, 47, 48, 50 sa 52, 54, 58 u 61, u l-punt 9 tat-tieni paragrafu tal-Anness II)
(ara l-punti 123 sa 126, 150, 161, 175, 183, 184, 187 u 195)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Kontribuzzjoni xierqa għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju tal-għajnuna, tal-azzjonijisti jew kredituri tiegħu, tal-grupp tiegħu jew tal-investituri ġodda
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punti 61 sa 64)
(ara l-punti 198 sa 201)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Tqassim ġust tal-piżijiet – Għajnuna li ssaħħaħ l-ekwità tal-benefiċjarju – Modalitajiet ta’ għoti li għandhom jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punt 67)
(ara l-punti 204 sa 233)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Kriterji – Tqassim ġust tal-piżijiet – Kalibrazzjoni tal-miżuri intiżi li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni
(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, punti 87 u 90)
(ara l-punti 236 sa 238)
Sunt
Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpannija tal-ajru Ryanair DAC, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza miżura ta’ għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-kumpannijia tal-ajru Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”) bħala appoġġ għar-ristrutturazzjoni tagħha ( 1 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq intern fid-dawl tar-rekwiżit, previst mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà ( 2 ), li abbażi tiegħu kwalunkwe għajnuna mill-Istat li ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju għandha tingħata skont modalitajiet li jiżguraw lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju.
Bl-għan li jiġu rrimedjati d-danni mġarrba minħabba l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, il-Ġermanja adottat, fl‑2020 u sussegwentement fl‑2021, żewġ miżuri ta’ għajnuna individwali favur Condor.
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2020 ( 3 ), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna COVID-19 mogħtija lil Condor fl‑2020, li kienet fil-forma ta’ żewġ ammonti ta’ self li jammontaw għal total ta’ EUR 550 miljun (iktar ’il quddiem is-“self COVID-19 tal‑2020”), flimkien ma’ garanzija mill-Istat, kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Adita b’rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, filwaqt li ssospendiet l-effetti ta’ dan l-annullament fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ( 4 ). Għalhekk, fis‑26 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li kkonstatat li l-għajnuna COVID-19 tal‑2020 kienet kompatibbli mas-suq intern ( 5 ).
Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-għajnuna COVID-19 mogħtija lil Condor fl‑2021, li kienet fil-forma ta’ annullament parzjali ta’ ammont ta’ EUR 60 miljun ta’ djun li jirriżultaw mis-self mogħti fil-kuntest tal-għajnuna COVID-19 tal‑2020, kienet ukoll kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ( 6 ).
Fl-aħħar nett, permezz ta’ deċiżjoni oħra tas‑26 ta’ Lulju 2021 ( 7 ), il-Kummissjoni awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida S&R, miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Ġermanja intiża bħala appoġġ għar-ristrutturazzjoni u għat-tkomplija tal-operat ta’ Condor, li tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonsisti, minn naħa, fl-emenda tal-kundizzjonijiet tas-self COVID‑19 tal‑2020 u, min-naħa l-oħra, fl-annullament parzjali ta’ ammont ta’ EUR 90 miljun ta’ djun li jirriżultaw minn dan is-self. It-tieni parti tikkonsisti fl-annullament ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 20.2 miljun, li jikkorrispondi għall-interessi li Condor kellha tirrimborsa wara d-deċiżjoni emendata tas‑26 ta’ Lulju 2021 fuq l-għajnuna COVID-19 tal‑2020.
Ryanair adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2021 li tawtorizza l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur Condor.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair invokat b’mod partikolari ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, sa fejn il-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-dubji li hija kellha jkollha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-eżami preliminari ta’ miżura ta’ għajnuna ma jkunx ippermetta lill-Kummissjoni tegħleb id-diffikultajiet serji mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, ikun meħtieġ il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-prova tan-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern hija ta’ natura li tistabbilixxi li din l-evalwazzjoni kienet tqajjem diffikultajiet serji.
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, Ryanair sostniet b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet kisret il-punt 67 tal-Linji Gwida S&R fid-deċiżjoni kkontestata, u li dan juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, konformement mal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, kwalunkwe għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju għandha tingħata skont modalitajiet li jagħtu lill-Istat parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju, fid-dawl tal-ammont ta’ ekwità injettat mill-Istat meta mqabbel mal-ekwità li jifdal tal-impriża wara li jkun ġie kkontabilizzat it-telf.
Peress li l-kwistjoni dwar jekk il-modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna inkwistjoni kinux jiżguraw lill-Ġermanja parti raġonevoli miż-żidiet futuri fil-valur ta’ Condor ma kinitx ġiet eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ttrattat l-argument imressaq mill-Kummissjoni fis-sens li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmi punt 67 kien japplika biss meta l-miżura ta’ għajnuna tkun tikkostitwixxi injezzjoni ta’ kapital u meta l-Istat Membru kkonċernat ikollu sehem fil-kapital tal-benefiċjarju, li ma kienx il-każ hawnhekk.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li l-formulazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R hija daqsxejn inkoerenti, sa fejn, minn naħa, il-parti introduttiva tiegħu tindika li huwa intiż li japplika għal “kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju”, jiġifieri sussidji, injezzjonijiet ta’ kapital u tħassir ta’ djun, filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-parti finali tiegħu tirreferi għall-“ammont ta’ ekwità tal-Istat injettat”. Issa, din l-inkoerenza, li hija barra minn hekk imputabbli lill-Kummissjoni, awtriċi tal-imsemmija linji gwida, kellha twassal lil din tal-aħħar teżamina b’mod iktar iddettaljat din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet li hija ssegwi, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.
F’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jaqa’ l-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, sussegwentement, li dan il-punt jagħmel parti mit-taqsima tal-Linji Gwida dwar il-qsim tal-piżijiet, li hija introdotta permezz tal-punt 65. Dan il-punt 65, li jipprevedi li l-għajnuna intiża li tkopri telf għandha tingħata skont modalitajiet li jippreżumu qsim ġust tal-piżijiet bejn l-investituri, ikopri, mingħajr l-ebda distinzjoni, is-sussidji, l-injezzjonijiet ta’ kapital u t-tħassir tad-djun. Bl-istess mod, il-punt 66 tal-Linji Gwida S&R, li jipprovdi li l-Istat għandu jintervjeni biss wara li t-telf ikun ġie kkontabilizzat b’mod sħiħ u attribwit lill-azzjonisti u lill-kredituri subordinati eżistenti, japplika irrispettivament mill-forma li jieħu dan l-intervent. Issa, xejn ma jindika li dawn il-punti 65, 66 u 67 għandu jkollhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti skont il-forma li jieħu l-appoġġ mill-Istat. B’mod partikolari, l-istruttura tar-rekwiżiti previsti fil-punti 66 u 67 u n-natura kumulattiva tagħhom jissuġġerixxu li dawn huma intiżi li japplikaw, bħall-punt 65, għal kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju.
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet segwiti mill-punt 67 tal-Linji Gwida S&R, il-Qorti Ġenerali osservat li d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-taqsima dwar il-qsim tal-piżijiet huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-azzjonisti u l-kredituri subordinati jkunu protetti mill-konsegwenzi marbuta mal-għażla tagħhom li jinvestu fil-benefiċjarju, li jista’ joħloq perikolu morali u jippreġudika d-dixxiplina tas-suq. Issa, xejn ma jindika f’dawn il-linji gwida li dan ir-riskju ta’ perikolu morali jeżisti biss meta Stat Membru jinjetta kapital fil-benefiċjarju, iżda mhux meta jannulla d-djun tiegħu jew meta jagħtih sussidju. Barra minn hekk, l-għan li fuqu huwa bbażat il-punt 67, jiġifieri dak ta’ tnaqqis tar-riskju li impriżi li jistrieħu fuq salvataġġ u ristrutturazzjoni probabbli f’każ ta’ diffikultajiet jistgħu jieħdu riskji eċċessivi sabiex jiġġeneraw iktar profitti, ma jistax jintlaħaq kompletament jekk ċerti tipi ta’ miżuri ta’ għajnuna, bħat-tħassir tad-djun, kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, minkejja li jtejbu s-sitwazzjoni ta’ ekwità tal-benefiċjarju u joħolqu l-istess perikolu morali bħal dak li jirriżulta minn injezzjoni ta’ kapital. Barra minn hekk, l-għoti lill-Istat ta’ parti raġonevoli taż-żidiet futuri fil-valur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kemm jekk permezz ta’ sussidju, ta’ injezzjoni ta’ kapital jew ta’ tħassir ta’ djun, huwa koerenti mal-għanijiet ta’ effikaċja tal-infiq pubbliku kif imfakkra fil-Linji Gwida S&R.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil Condor ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 67 tal-Linji Gwida S&R u lanqas ma setgħet tonqos milli teżamina jekk din l-għajnuna kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti f’dan il-punt.
Peress li Ryanair uriet għalhekk li l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil Condor kien inkomplet u insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kien imissu kellha dubji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE u annullat id-deċiżjoni kkontestata.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5729 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.63203 (2021/N) - Il-Ġermanja - Għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal Condor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
( 2 ) Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida S&R”).
( 3 ) Deċiżjoni C(2020) 2795 final tas‑26 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56867 (2020/N, ex 2020/PN) - Il-Ġermanja - Kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 lil Condor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-għajnuna COVID-19 tal‑2020”).
( 4 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; COVID-19) (T‑665/20, EU:T:2021:344).
( 5 ) Deċiżjoni C(2021) 5730 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56867 (2020/N, ex 2020/PN) - Il-Ġermanja - Kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 lil Condor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni emendata dwar l-għajnuna COVID-19 tal‑2020”).
( 6 ) Deċiżjoni C(2021) 5731 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.63617 (2021/N) - Il-Ġermanja COVID-19 - Kumpens għad-danni kkawżati lil Condor II.
( 7 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1.