DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

30 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi s-sinjifikat ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑580/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ Settembru 2022

bonnanwalt Vermögens‑ und Beteiligungsgesellschaft mbH, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Wendt, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L‑Uffiċċju tal‑Proprjetà Intellettwali tal‑Unjoni Ewropea (EUIPO),

konvenut fl-ewwel istanza,

Bayerischer Rundfunk, stabbilita f’München (il-Ġermanja),

Hessischer Rundfunk, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

Mitteldeutscher Rundfunk, stabbilita f’Leipzig (il-Ġermanja),

Norddeutscher Rundfunk, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

Rundfunk Berlin‑Brandenburg, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

Saarländischer Rundfunk, stabbilita f’Saarbrücken (il-Ġermanja),

Südwestrundfunk, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja),

Westdeutscher Rundfunk Köln, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja),

Radio Bremen, stabbilita f’Bremen (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, G. Pitruzzella,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, bonnanwalt Vermögens‑ und Beteiligungsgesellschaft mbH titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Ġunju 2022, bonnanwalt vs EUIPO ‑ Bayerischer Rundfunk et (tagesschau) (T‑83/20, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2022:369), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ bonnanwalt Vermögens‑ und Beteiligungsgesellschaft mbH intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑12 ta’ Diċembru 2019 (Każ R 1487/2019‑2), dwar proċedimenti ta’ revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea bejn bonnanwalt Vermögens‑ und Beteiligungsgesellschaft u l-intervenjenti fl-ewwel istanza.

Fuq it‑talba għall‑ammissjoni tal‑appell

2

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu jirrigwardaw deċiżjoni ta’ bord tal-appell indipendenti tal-EUIPO għandu jkun suġġett għall-ammissjoni tagħhom minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3

Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jkun ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli dettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dan ikun iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4

Skont l-Artikolu 170a(1) ta’ dawn ir-Regoli, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti mar-rikors tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha huwa jindika l-kwistjoni sinjifikattiva li l-appell iqajjem għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u li tkun tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq din it-talba.

5

Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) tal-imsemmija Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-imsemmija talba malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ digriet motivat.

L‑argumenti tal‑appellanti

6

Insostenn tat-talba tagħha għall-ammissjoni tal-appell, l-appellanti ssostni li l-appell tagħha jqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

7

Dan huwa l-każ tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li permezz tagħha, prinċipalment, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 33 et seq tad-digriet appellat, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-avukat fil-konfront tal-klijent, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218), kienet tapplika wkoll meta l-klijent ikun persuna ġuridika.

8

Sussidjarjament, permezz tat-tieni parti ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha, tal-inqas, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedimenti ta’ revoka, previsti fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), iservu interess ġenerali u li dan l-interess jikkoinċidi ma’ dak ta’ kull rappreżentant potenzjali, b’tali mod li avukat li jirrappreżenta lil applikant għal revoka jaġixxi wkoll fl-interess tiegħu stess.

9

It-tieni aggravju jqajjem il-kwistjoni sinjifikattiva dwar jekk, qabel ma tiċħad rikors jew appell bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali hijiex meħtieġa, taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tinforma lill-parti kkonċernata dwar dan sabiex hija tkun tista’ tiġi debitament irrappreżentata, meta dan ma jkunx il-każ tagħha.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

10

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu juri li l-kwistjonijiet imqajma fl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann,C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq din it-talba u tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali tal-appell, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li r-risposta għandha tirrigwarda. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut huwa intiż li jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21, u tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 24).

12

Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom l-appell ikun ibbażat, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tispeċifika jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tindika b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tispeċifika d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li s-sentenza jew id-digriet appellati jkunu kisru, tispjega b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball kellu influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza jew tad-digriet appellati. Meta l-iżball ta’ liġi invokat ikun jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tindika, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellati li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li allegatament ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika bi preċiżjoni u ċarezza ż-żewġ aggravji tagħha, ibbażati, minn naħa, fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

14

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsisti l-allegat żball li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, sa fejn dan l-allegat żball kellu influwenza fuq l-eżitu tad-digriet appellat, u r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jiġi stabbilit, iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li l-allegat żball jinsab fil-fatt li l-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 81 tas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C-531/18 P, EU:C:2022:218), li skontha, f’sitwazzjoni fejn il-klijent, persuna fiżika, ikun huwa stess soċju u membru fundatur tal-uffiċċju tal-avukati u jkun jista’, minħabba dan il-fatt, jeżerċita kontroll effettiv fuq il-kollaboratur, għandu jitqies li r-rabtiet eżistenti bejn l-avukat kollaboratur u l-klijent soċju huma tali li manifestament jippreġudikaw l-indipendenza tal-avukat, ġiet trasposta, fil-punti 33 et seq tad-digriet appellat, għall-appellanti, li hija persuna ġuridika. Issa, skont l-imsemmija talba, jekk tali żball kien ikkonstatat, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien ikun ammissibbli.

15

Konformement mal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li huwa jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-portata ta’ dan il-kriterju tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dak tal-appell tiegħu (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Din il-prova timplika fiha nnifisha li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll in-natura sinjifikattiva ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, l-appellanti tidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi ddeterminat jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 81 tas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C‑531/18 P,EU:C:2022:218), dwar l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, timplikax li l-indipendenza tal-avukat tkun manifestament ippreġudikata wkoll meta l-klijenta tkun persuna ġuridika li d-direttur tagħha jkun il-proprjetarju tal-uffiċċju tal-avukati li jimpjega lill-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta lil din il-klijenta.

18

Min-naħa l-oħra, l-appellanti tenfasizza li l-kwistjoni ta’ liġi mqajma permezz tal-ewwel aggravju tagħha tmur lil hinn mill-kuntest tiegħu, peress li t-tweġiba għal din il-kwistjoni ser tipprovdi indikazzjonijiet fil-qasam tar-rappreżentazzjoni tal-klijent u, għaldaqstant, tal-ammissibbiltà tar-rikorsi, ferm lil hinn mill-qasam tad-dritt tat-trade marks. B’dan il-mod, l-appellanti tindika r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

19

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mit-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsisti l-allegat żball li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, sa fejn dan l-allegat żball kellu influwenza fuq l-eżitu tad-digriet appellat u r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jiġi stabbilit, iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

20

Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li l-allegat żball ta’ liġi jikkonsisti, essenzjalment, fil-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindikalha li hija ma kinitx debitament irrappreżentata minn avukat, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ippermettiet li hija tiġi debitament irrappreżentata. Barra minn hekk, l-appellanti tispjega b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-fatt li, qabel ma kkonstatat l-inammissibbiltà tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tathiex l-opportunità tbiddel ir-rappreżentant fi żmien xieraq influwenza l-eżitu tad-digriet appellat. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-appellanti kien ikollha l-possibbiltà li tevita li r-rikors tagħha jiġi ddikjarat inammissibbli.

21

Fl-aħħar, minn naħa, l-appellanti tidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tat-tieni aggravju tagħha, li tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi ddeterminat jekk, meta parti ma tkunx, skont il-Qorti Ġenerali, debitament irrappreżentata minn avukat fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 47 tal-Karta jimplikax li l-Qorti Ġenerali għandha, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad ir-rikors, tinnotifika din is-sitwazzjoni lil din il-parti u tippermettilha tirrapreżenta debitament ruħha. Min-naħa l-oħra, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li l-importanza tal-obbligu eventwali, għall-Qorti Ġenerali, li tagħti lil rikorrent l-opportunità jbiddel ir-rappreżentant qabel ma tikkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors tiegħu tmur lil hinn mill-kuntest tad-digriet appellat biss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali kwistjoni ma hijiex marbuta ma’ qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, iżda tikkonċerna kull tip ta’ kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali li fir-rigward tiegħu tkun meħtieġa r-rappreżentanza minn avukat, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut.

22

Fid-dawl tal-elementi indikati mill-appellanti, din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-appell iqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi ammess fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

24

Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-Regoli.

25

Skont l-Artikolu 137 tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

26

Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tiġi milqugħa, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

 

1)

L-appell huwa ammess.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.