DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
2 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(ċ)(iii) – Kumpens u assistenza tal-passiġġieri – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Dritt għall-kumpens fil-każ li tiġi offruta rotta differenti – Rekwiżiti – Diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Rotta differenti li tippermetti li l-passiġġieri jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat”
Fil-Kawża C‑229/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
NC
vs
Compania Naţională de Transporturi Aeriene Tarom SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn passiġġier, NC, u t-trasportatur tal-ajru Compania Naţională de Transporturi Aeriene Tarom SA (iktar ’il quddiem “Tarom”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensah wara posponiment tal-ħin tat-tluq inizjalment skedat tat-titjira tiegħu. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 1 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004 jistipulaw:
[…]
|
4 |
Skont kliem l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom: […]
[…]”. |
5 |
Intitolat “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:
[…] Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
6 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għamel, ma Tarom, reżervazzjoni għal titjira bi tluq minn Cluj-Napoca (ir-Rumanija) u b’wasla f’Bukarest (ir-Rumanija). Din it-titjira kellha titwettaq minn dan it-trasportatur tal-ajru fit‑18 ta’ Mejju 2020, bi tluq previst fit‑19.40 u b’wasla prevista fid‑20.50, tal-istess jum. |
7 |
Meta ppreżenta ruħu għat-tlugħ fuq l-ajruplan fl-ajruport ta’ Cluj-Napoca fit‑18 ta’ Mejju 2020, fis‑18.00, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie informat li t-titjira diretta minn Cluj-Napoca lejn Bukarest li għaliha huwa kien għamel reżervazzjoni kienet ġiet issostitwita b’titjira b’waqfa f’Iași (ir-Rumanija). Huwa aċċetta din it-titjira, li telqet minn Cluj-Napoca, fl-istess jum, fit‑19.55 u waslet f’Bukarest fl‑22.30. |
8 |
Peress li qies li t-titjira tat‑18 ta’ Mejju 2020 li għaliha huwa kien għamel reżervazzjoni kienet ġiet ikkanċellata, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fl-istess jum u permezz ta’ posta elettronika, talab lil Tarom tħallsu l-kumpens ta’ EUR 250 previst fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tal-istess regolament. |
9 |
Wara li dan tal-aħħar irrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fis‑17 ta’ Awwissu 2020, ippreżenta rikors quddiem il-Judecătoria Cluj-Napoca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) sabiex jikseb il-ħlas tal-kumpens mitlub. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2021, dik il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors, minħabba li l-eċċezzjoni għad-dritt għall-kumpens ta’ passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tal-imsemmi regolament, kienet applikabbli peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġarrab biss dewmien ta’ siegħa u erbgħin minuta fil-wasla. |
10 |
Dan tal-aħħar appella din is-sentenza quddiem it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija). Huwa b’mod partikolari jsostni li l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 ġie interpretat b’mod ħażin, peress li t-titjira alternattiva ma telqitx l-iktar tard siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat. |
11 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li, fil-verżjoni fil-lingwa Rumena, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jiġux informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u sakemm dan it-trasportatur joffrilhom rotta differenti li tħallihom jitilqu l-iktar tard siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat («în cazul în care sunt informați despre această anulare cu mai puțin de șapte zile înainte de ora de plecare prevăzută și li se oferă o redirecționare care să le permită să plece cel târziu cu o oră înainte de ora de plecare prevăzută și să ajungă la destinația finală în mai puțin de două ore după ora de sosire prevăzută»). |
12 |
Madankollu l-imsemmija qorti tosserva li l-verżjoni fil-lingwa Rumena tal-imsemmija dispożizzjoni hija differenti minn dik f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din tal-aħħar f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ħin tat-tluq tar-rotta differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Rumena tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 tipprevedi li l-ħin tat-tluq tar-rotta differenti għandu jkun stabbilit “l-iktar tard” siegħa qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira li ġiet ikkanċellata, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“no more than one hour before the scheduled time of departure”) u fil-lingwa Franċiża (“au plus tôt une heure avant l’heure de départ prévue”) ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedu li l-ħin tat-tluq tar-rotta differenti ma jistax jitressaq b’iktar minn siegħa meta mqabbel mal-ħin tat-tluq tat-titjira kkanċellata. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan ir-regolament donnu jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tiegħu għandha tingħata s-sens li jirriżulta b’mod partikolari mill-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża u Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni, tqis li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-interpretazzjoni korretta tagħha. |
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati:
|
Fuq id‑domanda preliminari
14 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
15 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni. |
16 |
Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jiġux informati b’din il-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat jekk dan it-trasportatur joffrilhom rotta differenti li tħallihom jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
17 |
Għandu jiġi kkonstatat li teżisti diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004. |
18 |
Fil-fatt, minn paragun ta’ dawn il-verżjonijiet jirriżulta li, fil-verżjonijiet fil-lingwa Rumena u Bulgara ta’ din id-dispożizzjoni, il-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata għandhom dritt, konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru, sakemm, meta jiġu informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat, dan it-trasportatur ma joffrilhomx rotta differenti li tħallihom jitilqu “l-iktar tard” siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat (“cel târziu cu o oră înainte de ora de plecare prevăzută” u “което им позволява да заминат не по-късно от един час преди началото на полета по разписание”) u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
19 |
Min-naħa l-oħra, fil-verżjoni tiegħu fil-lingwa Franċiża, l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jiġux informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti li tħallihom jitilqu “mhux iktar minn” siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
20 |
Għoxrin il-verżjoni lingwistika oħra ta’ din id-dispożizzjoni jaqblu mal-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-imsemmi Artikolu, jiġifieri l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“que les permita salir con no más de una hora de antelación con respecto a la hora de salida prevista”), fil-lingwa Ċeka (“které jim umožní odletět nejdříve jednu hodinu před plánovaným časem odletu”), fil-lingwa Daniża (“så de kan afrejse højst en time før det planlagte afgangstidspunkt”), fil-lingwa Ġermaniża (“ermöglicht, nicht mehr als eine Stunde vor der planmäßigen Abflugzeit abzufliegen”), fil-lingwa Estonjana (“võimaldab neil välja lennata mitte rohkem kui üks tund enne kavandatud väljumisaega”), fil-lingwa Griega (“επιτρέπει να φύγουν όχι περισσότερο από μία ώρα νωρίτερα από την προγραμματισμένη ώρα αναχώρησης”), fil-lingwa Ingliża (“allowing them to depart no more than one hour before the scheduled time of departure”), fil-lingwa Kroata (“čime im je omogućeno da otputuju ne više od sat vremena ranije od predviđenog vremena polaska”), fil-lingwa Taljana (“partire con un volo alternativo non più di un’ora prima dell’orario di partenza previsto”), fil-lingwa Latvjana (“viņi var izlidot ne vairāk kā vienu stundu pirms iepriekš paredzētā izlidošanas”), fil-lingwa Litwana (“išvykstant ne daugiau kaip viena valanda anksčiau už numatytą išvykimo laiką”), fil-lingwa Ungeriża (“hogy legfeljebb egy órával a menetrend szerinti indulás időpontja előtt induljanak”), fil-lingwa Maltija (“li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat”), fil-lingwa Olandiża (“die niet eerder dan één uur voor de geplande vertrektijd vertrekt”), fil-lingwa Pollakka (“umożliwiającą im wylot nie więcej niż godzinę przed planowym czasem odlotu”), fil-lingwa Portugiża (“que lhes permitisse partir até uma hora antes da hora programada de partida”), fil-lingwa Slovakka (“ktoré im umožní odletieť maximálne hodinu pred plánovaným časom odletu”), fil-lingwa Slovena (“ki jim zagotavlja odhod največ eno uro pred odhodom po voznem redu in prihod”), fil-lingwa Finlandiża (“jonka mukaan hänen olisi lähdettävä korkeintaan tuntia ennen aikataulun mukaista lähtöaikaa”) u fil-lingwa Svediża (“så att de kan avresa högst en timme före den tidtabellsenliga avgångstiden”). |
21 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14; tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 33, u tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung, C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 36). |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 12 tiegħu, ir-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż li jsaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri ta’ trasport bl-ajru. Fil-fatt, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru hija b’mod partikolari intiża li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, b’mod partikolari billi jittaffew il-problemi u l-inkonvenjenti ikkawżati mill-kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet. |
23 |
F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fil-kundizzjonijiet speċifikati mill-imsemmija dispożizzjoni, huma intitolati għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa dawk il-passiġġieri li jiġu informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u li lilhom it-trasportatur tal-ajru ma huwiex f’pożizzjoni li joffri rotta differenti permezz ta’ titjira li titlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u tasal fid-destinazzjoni finali inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
24 |
Din id-dispożizzjoni għalhekk tipprevedi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri rotta differenti permezz ta’ titjira li, minn naħa, titlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u, min-naħa l-oħra, tasal fid-destinazzjoni finali inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. Għaldaqstant, huwa biss fil-każ fejn dawn iż-żewġ kondizzjonijiet jkunu ssodisfatti li l-passiġġier ikkonċernat ma għandux dritt għal kumpens (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Ġunju 2018, flightright, C‑130/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:496, punt 17). |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tagħti lit-trasportatur tal-ajru ċertu marġni ta’ manuvra sabiex, mingħajr ma jkollu għalfejn jikkumpensah, jipproponi lill-passiġġier ta’ titjira kkanċellata in extremis rotta differenti li t-tul tagħha ser ikun iktar minn dak tat-titjira kkanċellata. Jekk dan it-trasportatur jagħżel tali rotta differenti, l-imsemmija dispożizzjoni tippermettilu javvanza b’siegħa t-tluq tal-imsemmi passiġġier u jdewwem b’inqas minn sagħtejn il-wasla tiegħu. |
26 |
Dan il-marġni ta’ manuvra jvarja skont il-mument li fih it-trasportatur tal-ajru jinforma lill-passiġġier bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu, fejn dan huwa iktar importanti fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii), ta’ dan ir-regolament u iktar limitat f’dik prevista fil-paragrafu (1)(ċ)(iii) ta’ dan l-artikolu. Fl-eżempju msemmi l-aħħar, it-trasportatur tal-ajru għandu joffri lill-passiġġier rotta differenti li l-ħinijiet tat-titjira tagħha jkunu l-inqas differenti possibbli mill-ħinijiet tat-titjira inizjalment skedati. |
27 |
Issa, il-verżjoni fil-lingwa Rumena tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament ma tiggarantixxix li l-ħinijiet tat-titjira tar-rotta differenti proposta jkunu l-inqas differenti possibbli mill-ħinijiet tat-titjira inizjalment skedati. Fil-fatt, din il-verżjoni lingwistika, l-istess bħal-verżjoni fil-lingwa Bulgara, tippermetti, fil-prattika, li t-trasportatur tal-ajru javvanza kif jixtieq u b’mod kważi illimitat il-ħin tat-tluq ta’ ajruplan, u dan imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u huwa ta’ natura li jippreġudika s-sigurtà tar-relazzjonijiet kuntrattwali, billi joħloq żbilanċ nett ħafna favur dan it-trasportatur. |
28 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jiġux informati b’din il-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat jekk dan it-trasportatur tal-ajru joffrilhom rotta differenti li tħallihom jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
Fuq l‑ispejjeż
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fil-konfront tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jiġux informati b’din il-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat jekk dan it-trasportatur tal-ajru joffrilhom rotta differenti li tħallihom jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.