DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Appell – Intervent – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Renju tal-Belġju – Interventi milqugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali – Annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali – Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tinkludi fil-proċess tal-kawża osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sentenza li wasslet għal dan ir-rinviju ppreżentati minn intervenjent fl-appell – Deċiżjoni impliċita tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil intervenjent fl-appell il-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà tal-appell – Kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ intervenjent fl-appell”

Fil-Kawża C‑32/22 P(I),

li għandha bħala suġġett appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl10 ta’ Jannar 2022,

Anheuser-Busch InBev SA/NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Ampar BVBA, stabbilita f’Louvain (il-Belġju),

irrappreżentati minn A. von Bonin, Rechtsanwalt, O. W. Brouwer, A. Pliego Selie u T. C. van Helfteren, advocaten,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Magnetrol International NV, stabbilita f’Zele (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Gilliams u L. Goossens, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.-J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Wahl u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħhom, Anheuser-Busch InBev SA/NV u Ampar BVBA jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħha din irrifjutat li tirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV u li tinkludi fil-proċess ta’ din il-kawża l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minnhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), għas-soluzzjoni tat-tilwima fl-imsemmija kawża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1(3)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-kliem “parti” u “partijiet”, użati mingħajr indikazzjoni oħra, jirreferu għal kull parti fil-kawża, inklużi l-intervenjenti.

3

L-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jipprevedi li t-termini proċedurali għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

4

L-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi:

“Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jiġu indikati d-data tal-preżentata tar-rikors promotur, l-isem tal-partijiet prinċipali, it-talbiet tar-rikors kif ukoll l-indikazzjoni tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati.”

5

L-Artikoli 142 sa 145 tal-istess regoli tal-proċedura jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw l-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali.

6

L-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li “[i]t-talba għal intervent għandha titressaq f’terminu ta’ sitt ġimgħat, li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79”.

7

Skont l-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura:

“Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex taqtagħha, il-Qorti Ġenerali tkun adita bil-kawża permezz tad-deċiżjoni li tibgħatha lura quddiemha.”

8

L-Artikolu 217 tal-imsemmija regoli tal-proċedura huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta d-deċiżjoni sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ingħatat wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub dwar il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet filproċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.

[…]

3.   Jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi, il-President jista’ jawtorizza l-preżentata ta’ noti komplementari b’osservazzjonijiet bil-miktub.”

9

L-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:

“Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

10

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li ċerti eżenzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju ulterjuri mir-Renju tal-Belġju.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja kif ukoll id‑deċiżjoni kkontestata

11

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu u fil‑25 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International NV ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, irreġistrati rispettivament bin-numri T‑131/16 u T‑263/16.

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2016, Anheuser-Busch InBev u Ampar ippreżentaw rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, irreġistrat bin-numru T‑370/16.

13

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Frar 2018, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informahom li l-President tal-Awla adita tal-Qorti Ġenerali kien iddeċieda li jissospendi l-proċedura fil-Kawża T‑370/16 sakemm tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16.

14

Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑131/16 u T‑623/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

15

Permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata.

16

Fl‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra din is-sentenza. Dan l-appell ġie rreġistrat bin-numru C‑337/19 P.

17

Permezz ta’ digrieti tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent ta’ Anheuser-Busch InBev SA/NV (ta’ Ampar BVBA ta’ Atlas Copco Airpower u ta’ Atlas Copco, C-337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909; kif ukoll ta’ Soudal NV u ta’ Esko-Graphics BVBA (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915) insostenn tat-talbiet ta’ Magnetrol International

18

Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), il-Qorti tal-Ġustizzja:

annullat d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91);

ċaħdet l-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑263/16 ma humiex ammessi.

bagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-tielet sal-ħames motivi tar-rikors fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll fuq it-tieni motiv, it-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv kif ukoll ir-raba’ motiv fil-Kawża T‑263/16, u

irriżervat l-ispejjeż.

19

Fil‑25 ta’ Novembru 2021, Anheuser-Busch InBev u Ampar bagħtu lill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawża T‑263/16 RENV (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet inkwistjoni”).

20

Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021, innotifikata lil Anheuser-Busch InBev u lil Ampar fis‑17 ta’ Diċembru 2021, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informahom li, peress li dawn l-osservazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu dokument previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Awla adita mill-Qorti Ġenerali kien iddeċieda li ma jdaħħalhomx fil-proċess ta’ din il-kawża.

21

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021, indirizzata lill-President tal-Qorti Ġenerali u lill-membri tagħha, Anheuser-Busch InBev u Ampar, filwaqt li bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909), u fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, talbu, minn naħa, korrezzjoni tal-“iżball” imwettaq minnu kif ukoll, min-naħa l-oħra, konferma tal-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, billi talbu risposta fil-ħamest ijiem.

It‑talbiet tal‑partijiet

22

Anheuser-Busch InBev u Ampar jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkonstata li l-appellanti żammew il-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV wara li din il-kawża ntbagħtet lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil Anheuser-Busch InBev u lil Ampar għall-ispejjeż.

24

Mingħajr ma tippreżenta formalment konklużjonijiet, Magnetrol International tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma l-kwalità ta’ intervenjenti ta’ Anheuser-Busch InBev u ta’ Ampar fil-Kawża T‑263/16 RENV.

Fuq l‑appell

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell

Argumenti

25

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell.

26

Hija tesponi li, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li kull persuna li t-talba tagħha għal intervent tiġi miċħuda tista’ tippreżenta appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad din it-talba, l-appellanti, f’dan il-każ, ma ppreżentaw ebda talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali.

27

Il-Qorti Ġenerali adottat biss deċiżjoni waħda, jiġifieri dik li ma tinkludix fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni. Issa, l-appell ma huwiex dirett kontra din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma taqax taħt id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 56 u 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell.

28

Dan l-appell fir-realtà għandu l-għan li jevita d-deċiżjoni tal-President tal-Awla adita mill-Qorti Ġenerali li jissospendi l-proċedura fil-Kawża T‑370/16 sakemm tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16, filwaqt li din id-deċiżjoni lanqas ma tista’ tkun is-suġġett ta’ appell. Ir-riskju ta’ tali evażjoni kien diġà ġie rrilevat fil-punt 19 tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2019, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et (C-597/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:743), waqt l-eżami ta’ talba għal intervent imressqa minn rikorrenti f’kawża sospiża wara l-assenjazzjoni ta’ ċerti kawżi bħala kawżi “piloti”.

29

Skont Anheuser-Busch InBev u Ampar, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tinkludix fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni tikkostitwixxi rifjut li jiġu aċċettati bħala intervenjenti f’din il-kawża, rifjut li kontra tiegħu jista’ jiġi ppreżentat appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Kunsiderazzjonijiet

30

Preliminarjament, sabiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-appell, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura lil din tal-aħħar is-sentenza tal-kawża wara li l-proċedura bil-miktub fuq il-mertu tkun ingħalqet quddiemha, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

32

Issa, huwa paċifiku, l-ewwel, li dan il-każ jikkorrispondi għall-każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni u, it-tieni, li l-osservazzjonijiet inkwistjoni ġew ippreżentati fit-terminu previst fl-imsemmija dispożizzjoni, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza stabbilit fl-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, b’tali mod li ċ-ċaħda tagħhom ma hijiex ibbażata fuq it-tardività tal-preżentata tagħhom.

33

Minn dan isegwi li, minkejja n-natura sommarja tagħha, l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 għandha tinftiehem, peress li tirreferi għar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tinkludi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni, minħabba li dawn jikkostitwixxu dokument mhux previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bħala li jirriflettu d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti f’din il-kawża li huma jqisu li kisbu ipso jure minħabba l-ammissjoni tagħhom sabiex jintervjenu fl-appell fil-Kawża C‑337/19 P.

34

F’dan il-kuntest, dan l-appell għandu jitqies, fid-dawl tal-fatt li jikkritika din l-ittra fl-intier tagħha u jiddenunzja b’mod partikolari l-irregolarità tar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tinkludi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni, bħala intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mhux biss sa fejn din tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti f’din il-kawża, iżda wkoll sa fejn tirrifjuta li tinkludi dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess tal-imsemmija kawża.

35

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan l-appell huwa dirett kontra deċiżjoni li l-Qorti Ġenerali ma adottatx.

36

Fir-rigward tad-dritt li jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li appell jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

37

F’dan il-każ, huwa ċertament paċifiku li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx talba għal intervent, peress li l-appellanti ma ppreżentawx tali talba quddiem il-Qorti Ġenerali.

38

Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-portata tad-deċiżjoni, inerenti għall-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti il-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV hija simili għal dik li kellha deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad talba għal intervent li ġiet ippreżentata mill-appellanti, jiġifieri li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ċaħħdu lil parti li ssostni li għandha tibbenefika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn pożizzjoni proċedurali partikolari, minħabba din it-tilwima fl-interess tagħha.

39

Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset appell fondat, annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u rrinvijat il-kawża quddiemha sabiex din tiddeċiedi, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn intervenjent f’dan l-appell, li tqis li għandha ipso jure l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija tippreżenta formalment talba għal intervent quddiem din l-aħħar qorti bl-uniku għan li tkun tista’ tippreżenta appell, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra d-deċiżjoni li tiċħad din it-talba.

40

Fil-fatt, tali talba tista’ biss, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala tardiva, peress li l-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 79 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, jipprevedi li talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż li inizjalment irrefera għall-preżentata tar-rikors promotur fil-kawża kkonċernata.

41

F’dan il-kuntest, il-fatt li jitqies li intervenjent fl-appell f’kawża li tallega li jibbenefika ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali wara r-rinviju ta’ din il-kawża lil din il-qorti ma jistax jippreżenta appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjutalu din il-kwalità, għas-sempliċi raġuni li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx formalment talba għal intervent, iċċaħħad lill-parti kkonċernata minn kull protezzjoni ġudizzjarja li tippermettilha tiddefendi d-drittijiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija tqis li tirriżulta mill-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, minkejja li l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-istatut huwa preċiżament li jiggarantixxi din il-protezzjoni.

42

Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-imsemmi intervenjent fl-appell jibbaża ruħu ġustament fuq il-kwalità tiegħu ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali f’kawża li ġiet irrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni li hija intiża li tiġi deċiża fl-istadju tal-eżami tal-mertu ta’ dan l-appell u għalhekk ma tistax tiġi rregolata fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu, ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma jkun miftuħ għalih sabiex jinvoka d-drittijiet proċedurali tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 40 tal-istess statut.

43

Għalhekk, fl-ewwel lok, intervenjent f’appell ma jistax jippreżenta, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad lilu l-kwalità ta’ intervenjent fil-kawża li ġiet irrinvijata quddiem din il-qorti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Din id-dispożizzjoni tipprovdi li appell jista’ jitressaq kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza, kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment il-kawża fir-rigward tal-mertu jew li jikkonkludu kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà.

45

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ttemmx l-istanza fil-Kawża T‑263/16 RENV quddiem il-Qorti Ġenerali u li hija ma tiddeċidix, lanqas parzjalment, fuq il-mertu f’din il-kawża.

46

Barra minn hekk, għalkemm din id-deċiżjoni effettivament ittemm kwistjoni ta’ proċedura dwar il-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-kwistjoni ma tirrigwardax eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà.

47

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appelli ppreżentati, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jtemmu kwistjoni proċedurali ta’ natura differenti minn dik tal-inċidenti proċedurali li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 1999, Il‑Kummissjoni vs ADT Projekt, C‑349/99 P, EU:C:1999:475, punti 1011, kif ukoll is-sentenza tat‑8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il‑Kummissjoni, C‑248/99 P, EU:C:2002:1, punt 46).

48

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta tiddeċiedi kwistjoni ta’ proċedura li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq talba ta’ parti intiża sabiex ittemm kawża mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, u din hija r-raġuni għaliex tali deċiżjoni għandha tkun tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma tistenna deċiżjoni eventwali fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ deċiżjoni li ttemm kwistjoni ta’ proċedura dwar intervent.

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell ippreżentat skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 2930).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata wkoll għal appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil intervenjent fl-appell il-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet irrinvijata lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

51

Fit-tieni lok, il-preżentata ta’ appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni li tikkonkludi l-istanza li fiha l-persuna kkonċernata tallega li hija intervenjenti ma tistax tagħtiha protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti, peress li dan ir-rimedju huwa miftuħ biss għall-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżerċizzju ta’ tali rimedju ġudizzjarju ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li tiġi ppreżervata l-utilità ta’ eventwali intervent quddiem il-Qorti Ġenerali, billi jiġi żgurat li tiġi ammessa fi stadju tal-proċedura fejn dan l-intervent jista’ effettivament jikkontribwixxi għall-proċeduri quddiem din il-qorti.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, billi rrifjutat li tinkludi fil-proċess ta’ kawża li, ġiet mibgħuta lura lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha, l-osservazzjonijiet ta’ intervenjent fl-appell minħabba li dawn jikkostitwixxu dokument mhux previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tiċħad impliċitament, b’dan il-mod, lil dan l-intervenjent il-kwalità ta’ intervenjent f’din il-kawża tista’ tkun is-suġġett ta’ appell abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

53

Il-fatt li din il-persuna ppreżentat rikors għal annullament li l-eżami tiegħu ġie sospiż mill-Qorti Ġenerali fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-proċedura li fiha l-imsemmija persuna tallega li tibbenefika mill-kwalità ta’ intervenjent ma huwiex ta’ natura, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, li jostakola l-preżentata ta’ tali appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ċaħditilha din il-kwalità.

54

Ċertament, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jinkiser jekk ir-rikorrenti f’kawżi sospiżi wara l-assenjazzjoni ta’ ċerti kawżi bħala kawżi “piloti” kienu awtorizzati jintervjenu fihom, minħabba dan il-fatt biss (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2019, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. etC‑597/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:743, punt 19).

55

Madankollu, minn naħa, din il-kunsiderazzjoni hija marbuta mal-fondatezza tad-deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-kwalità ta’ intervenjent lil persuna li qiegħda tinvokaha u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.

56

Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ammissibbiltà ta’ tali appell tippermetti, fil-prattika, li tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ sospensjoni tat-trattament ta’ kawża filwaqt li din ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad lill-appellant fil-kawża inkwistjoni l-kwalità ta’ intervenjent f’kawża oħra quddiem il-Qorti Ġenerali, tali deċiżjoni ta’ sospensjoni tkompli tipproduċi l-effetti kollha tagħha.

57

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq il‑mertu

Argumenti

58

Anheuser-Busch InBev u Ampar isostnu, permezz ta’ aggravju uniku, li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi relatati, l-ewwel, mar-rifjut li jingħatalhom il-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV u, it-tieni, mar-rifjut li jiġu inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża l-osservazzjonijiet li huma jixtiequ jressqu dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741).

59

Fl-ewwel lok, kif qieset il-Qorti Ġenerali b’mod kostanti, huwa fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż li, meta parti tkun ġiet ammessa tintervjeni f’appell, hija żżomm il-kwalità tagħha ta’ intervenjenti fil-każ ta’ rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali wara annullament tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-appellanti kellhom jitqiesu bħala intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV, mingħajr ma kellhom iressqu talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali.

60

Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata wkoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, meta dawn ikunu ġew irriżervati mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ir-rinviju tal-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża.

61

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma tinkludix l-osservazzjonijiet inkwistjoni fil-proċess. Fil-fatt, l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”, ma jeskludix li l-intervenjenti fl-appell jistgħu jiksbu l-kwalità ta’ “parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell.

62

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV.

63

Fil-fatt, l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jawtorizza l-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub wara r-rinviju tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali mhux mill-“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” jew il-“partijiet fl-appell”, iżda biss mill-“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”. L-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jippreċiża l-portata ta’ dan l-Artikolu 217(1) billi jiddefinixxi l-kliem “partijiet” u “parti” bħala li jirreferi għal “kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjenti”.

64

Peress li l-appellanti ma jistgħux jinvokaw il-kwalità ta’ “partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”, jekk jintlaqa’ dan l-appell, dan l-appell iwassal sabiex tinħoloq kategorija ta’ intervenjenti sui generis, li la hija suġġetta għall-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u lanqas tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 143(2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura. Jekk l-intervent ta’ tali partijiet jiġi aċċettat, il-Kummissjoni ma jkollhiex għalhekk il-possibbiltà li tirrispondi għall-osservazzjonijiet ippreżentati minnhom. Barra minn hekk, tali soluzzjoni twassal, fil-prattika, sabiex jiġu evitati l-miżuri ta’ sospensjoni ta’ ċerti proċeduri adottati sabiex tippermetti n-nomina u t-trattament prijoritarju ta’ kawżi “piloti”.

65

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li għaliha jirreferu l-appellanti tillimita ruħha għal żewġ deċiżjonijiet, l-iktar reċenti fosthom li huma s-suġġett ta’ appell li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tikkontesta l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ intervenjent fl-appell. Is-sitwazzjoni tal-appellanti hija distinta, barra minn hekk, minn dik tal-partijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

66

Barra minn hekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma tiksirx id-drittijiet proċedurali fundamentali tal-partijiet, peress li dawn setgħu jintervjenu quddiem il-Qorti Ġenerali skont il-proċedura prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bil-kundizzjoni li josservaw it-termini applikabbli għal din il-proċedura.

Kunsiderazzjonijiet

67

L-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li t-termini “parti” u “partijiet”, użati mingħajr indikazzjoni oħra, jindikaw, għall-finijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, kull parti fil-kawża, inklużi l-intervenjenti.

68

Madankollu, din id-dispożizzjoni ta’ portata ġenerali ma tippreċiżax il-każijiet li fihom il-Qorti Ġenerali għandha tirrikonoxxi lil persuna l-kwalità ta’ intervenjent quddiemha.

69

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikoli 142 sa 145 tal-imsemmija regoli tal-proċedura jirregolaw is-sistema ta’ intervent quddiem il-Qorti Ġenerali, billi jiffissaw ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet għal intervent u għall-eżami tagħhom, huma ma jittrattawx il-kwalità li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-persuni li ġew ammessi mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jintervjenu f’kawża fl-istadju tal-appell, meta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-appell fondat, annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża lil din tal-aħħar sabiex din tiddeċidiha.

70

Bl-istess mod, l-Artikoli 217 u 218 tal-istess regoli tal-proċedura, li għandhom l-għan li jiddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura u r-regoli applikabbli għaliha fil-proċeduri li saru wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u rinviju tal-kawża għal din tal-aħħar, lanqas ma jinkludu regola li tispeċifika l-istatus, f’tali proċeduri, tal-intervenjenti fl-appell.

71

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizzaw l-appellanti, l-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ kawża wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u li tibgħat lura din il-kawża lil din tal-aħħar jinsab fil-kontinwità tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

72

Din il-kontinwità hija riflessa espliċitament fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-ewwel nett, mill-Artikolu 215 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija direttament adita bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tibgħatilha lura l-kawża għas-sentenza. Sussegwentement, skont l-Artikolu 217 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, it-terminu mogħti sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu għas-soluzzjoni tal-kawża minn din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 219 tal-istess regoli tal-proċedura jipprovdi li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati mhux biss mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali iżda wkoll mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73

Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ta’ rinviju tal-kawża quddiemha, il-Qorti Ġenerali hija marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

74

Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali, waqt l-eżami mill-ġdid tar-rikors tal-ewwel istanza mwettaq wara r-rinviju tal-kawża quddiemha, li għandha tiddetermina l-konsegwenzi, għall-eżitu tal-kawża bejn il-partijiet, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi l-appell.

75

Il-preżentazzjoni, f’tali kuntest, ta’ osservazzjonijiet mill-partijiet, awtorizzata mill-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandha preċiżament l-għan li tippermettilhom jesponu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi fuq l-eżitu ta’ din it-tilwima u li jikkompletaw l-informazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

76

Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura, bħall-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jawtorizza lil kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li tilqa’ jew tiċħad l-appell sabiex tippreżenta risposta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż waqt it-trattament tal-istess kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni.

77

Issa, fl-ewwel lok, ir-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kwalità ta’ intervenjent lil persuna jippreżupponi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li din il-persuna setgħet tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

78

Għaldaqstant, il-fatt li intervenjent fl-appell jiġi rrifjutat il-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali meta l-kawża tkun ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala konsegwenza, sa fejn din il-persuna ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tressaq talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali minħabba r-raġuni esposta fil-punt 40 ta’ dan id-digriet, li ċċaħħad lill-imsemmija persuna minn kull possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li madankollu affettwat l-interessi tagħha.

79

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi barra minn hekk li l-persuni li jiġġustifikaw interess jistgħu jintervjenu fil-kawża. Issa, kif jirriżulta mill-Artikoli 55 u 56 ta’ dan l-istatut, għall-inqas fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Franċiża, il-kunċett ta’ “proċediment”, sa fejn jirrigwarda t-tilwima bejn il-partijiet, huwa differenti minn dak ta’ “kwistjonijiet”, li tikkonċerna l-proċedura pendenti quddiem il-qorti adita bil-kawża.

80

Ċertament, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar ċerti aspetti ta’ kawża qabel ma tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali, intervenjent fl-appell ma jkollux iktar interess fis-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jiġġustifika li intervenjent fl-appell ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala intervenjent f’kawża li ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jivverifikaw, matul il-proċedura, li l-interess li jkun iġġustifika intervent jippersisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 52 sa 55).

81

F’dan il-każ, kif jenfasizzaw l-appellanti, it-talba tagħhom għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ntlaqgħet minħabba li huma kellhom interess li l-annullament ex tunc u erga omnes tad-deċiżjoni kontenzjuża deċiża mill-Qorti Ġenerali jsir definittiv (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909, punt 17), annullament li jikkostitwixxi preċiżament is-suġġett tal-proċedura fil-Kawża T‑263/16 RENV li fiha l-appellanti jallegaw li jistgħu jintervjenu.

82

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex il-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż f’kawża tiddependi fuq il-portata tal-effetti tal-ammissjoni ta’ parti sabiex tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, meħuda skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża jew, għall-kuntrarju, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

83

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża, iktar milli tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-intervenjent fl-appell jista’ jsostni l-argumenti tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni mitluba tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza, meta jkun imċaħħad minn tali fakultà fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

84

Fit-tielet lok, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tidher iktar u iktar li tista’ taffettwa l-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-intervenjent għandu jkun jista’ jipparteċipa mill-ġdid, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja biss, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ appell minn deċiżjoni ġdida tal-Qorti Ġenerali meħuda wara li tintbagħat lura l-kawża quddiemha mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk tkun imġiegħla tipparteċipa b’mod intermittenti fil-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-istess tilwima.

85

Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jgħid li meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86

Jirriżulta, a contrario, minn din id-dispożizzjoni li, meta l-appell ikun fondat iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż.

87

F’każ bħal dan, hija neċessarjament il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, kif barra minn hekk jipprovdi espressament l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

88

Għaldaqstant, iċ-ċaħda lil intervenjent fl-appell tal-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika, meta jkunu ġew ippreżentati talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lil parti oħra għall-ispejjeż ta’ dan l-intervenjent jew sabiex tikkundanna lil dan tal-aħħar għall-ispejjeż ta’ parti oħra, jew li dawn it-talbiet ma jiġux eżaminati minn qorti tal-Unjoni, jew li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar talbiet relatati ma’ persuna li ma hijiex parti fil-proċedura quddiemha u għalhekk ma setgħetx tiddefendi t-talbiet tagħha matul din il-proċedura.

89

Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża preżenti.

90

Fil-fatt, f’dan il-każ, l-appellanti u l-Kummissjoni talbu, kull waħda minnhom, il-kundanna tal-parti l-oħra għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P.

91

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021,Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), irriżervat l-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali hija għalhekk mitluba, kif isostnu l-appellanti, tiddeċiedi, waqt l-eżami tal-Kawża T‑263/16 RENV, fuq it-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P bejn l-appellanti u partijiet oħra f’din il-proċedura ta’ appell.

92

Fil-ħames lok, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni kontra r-rikonoxximent lil intervenjent fl-appell tal-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet irrinvijata lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jintlaqgħu.

93

Għalhekk, qabel kollox, għalkemm ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali lil intervenjenti fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex irregolat mir-regoli previsti fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jistax madankollu jitqies li tali intervent quddiem il-Qorti Ġenerali huwa awtorizzat lil hinn minn kull rekwiżit sostantiv jew formali. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata għandha tkun ġiet ammessa minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintervjeni quddiemha, fil-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

94

Sussegwentement, il-fatt li din is-soluzzjoni tippermetti lil parti tissottometti osservazzjonijiet li l-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwieġbu għalihom huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jikkonferixxux, b’mod ġenerali, dritt li tirrispondi għall-osservazzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 217 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 217(3) tal-imsemmija regoli tal-proċedura jipprevedi madankollu li, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawha, tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ noti addizzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

95

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali lil intervenjent fl-appell, li huwa wkoll rikorrent f’kawża sospiża minn din il-qorti fil-kuntest tal-ħatra ta’ kawża “pilota”, iwassal sabiex tiġi evitata din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, għandu jiġi rrilevat li tali deċiżjoni ta’ sospensjoni ma jistax ikollha l-effett li tostakola l-ammissjoni tal-intervent ta’ dan ir-rikorrent quddiem qorti tal-Unjoni, meta dan l-intervent għandu jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909, punti 1418 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jitqies li dan l-Artikolu 40, ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ggarantiti lill-intervenjenti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jimponu, fil-kuntest ta’ artikolazzjoni koerenti tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li intervenjent fl-appell igawdi ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, meta kawża tiġi mibgħuta lura lil din il-qorti wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

97

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li, permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909), Anheuser-Busch InBev u Ampar ġew ammessi sabiex jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/19 P u li, min-naħa l-oħra, permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019 Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T-263/16, EU:T:2019:91) u tibgħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali l-Kawżi T‑136/16 u T‑263/16, sabiex tiddeċidihom fuq xi wħud mill-motivi ppreżentati f’dawn il-kawżi.

98

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjent quddiemha fil-Kawża T‑263/16 RENV.

99

Għaldaqstant, il-motiv uniku mqajjem mill-appellanti għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

100

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

101

F’dan il-każ, mill-punti 96 sa 98 ta’ dan id-digriet jirriżulta li Anheuser-Busch InBev u Ampar għandhom, ipso jure, il-kwalità ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża u għandhom, konsegwentement, id-drittijiet kollha inerenti għal din il-kwalità, b’mod partikolari dak li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

102

Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tadotta l-miżuri proċedurali li jirriżultaw mill-imsemmija kwalità.

Fuq l‑ispejjeż

103

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

104

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

105

Issa, għalkemm il-Kummissjoni tilfet, Anheuser-Busch InBev, Ampar u Magnetrol International ma talbux li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Diċembru 2021 li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil Anheuser-Busch InBev SA/NV u lil Ampar BVBA bħala intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV u li tpoġġi fil-proċess ta’ din il-kawża l-osservazzjonijiet bil-miktub. ippreżentati minnhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), għas-soluzzjoni tat-tilwima fl-imsemmi kawża, hija annullata.

 

2)

Anheuser-Busch InBev SA/NV, Ampar BVBA, Magnetrol International NV u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.