26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/9


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2022 minn Studio Legale Ughi e Nunziante mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2022 fil-Kawża T-389/22 – Studio Legale Ughi e Nunziante vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-776/22 P)

(2023/C 223/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Studio Legale Ughi e Nunziante (rappreżentanti: A. Clemente, L. Cascone, A. Marega, F. de Filippis, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitlob li din il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

prinċipalment, billi tilqa’ l-ewwel u/jew it-tieni aggravju ta’ dan l-appell, tannulla d-digriet appellat, jikkonstata li r-rappreżentanza fil-qorti tal-assoċjazzjoni appellanti mill-avukati kkostitwiti fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali hija valida, u għaldaqstant il-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-merti;

2)

sussidjarjament, billi tilqa’ t-tielet aggravju ta’ dan l-appell, tannulla d-digriet appellat, tikkonstata li l-Assoċjazzjoni Ughi e Nunziante – Studio Legale hija intitolata li tkompli l-proċedura bil-patroċinju ta’ avukat mhux relatat mal-assoċjazzjoni professjonali appellanti u għalhekk li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

3)

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellant iqajjem tliet aggravji

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 119 u 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, bili l-ewwel fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kwistjoni tal-hekk imsejħa “awto-rappreżentazzjoni”, u mbagħad għaddiet għall-kwistjoni, kompletament differenti, tal-indipendenza tal-avukat.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma ġabet ebda argumenti sabiex issostni l-applikabbiltà tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat meta r-rikorrent ikun uffiċju tal-avukati inkorporat bħala assoċjazzjoni, u lanqas sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha li s-sempliċi fatt li l-avukati li ppreżentaw ir-rikors huma soċji tal-assoċjazzjoni huwa tali li jeskludi l-indipendenza tagħhom.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur u/jew l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

L-appellant kien debitament ippreżenta d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u pproduċa l-prova b’mod sħiħ li l-avukati huma awtorizzati li jipprattikaw fl-Italja; isegwi li ma kien hemm l-ebda ksur allegat tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

Fir-rigward tal-allegat ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, l-interpretazzjoni tar-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-digriet appellatt ma segwihomx. Fil-każ preżenti, ma hemm ebda element li bih is-soċji tal-uffiċċju tal-avukati ma jkunux jistgħu jwettqu l-attività tagħhom bl-aqwa mod u fl-interess tal-klijent.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll, eventwalment, tal-Artikolu 51(4) u tal-Artikolu 55(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali – wara li kkonstatat l-allegat nuqqas ta’ indipendenza – illimitat ruħha li tgħid li r-regoli ta’ proċedura tagħha ma jipprovdux espressament għal rimedji għal dan id-difett u, għalhekk, awtomatikament iddikjarat l-inammissibbiltà tar-rikors.

Il-Qorti Ġenerali allegatament kienet injorat li tali rekwiżit ta’ indipendenza huwa bbażat fuq żvilupp ġurisprudenzjali; il-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ma hijiex espressament prevista għas-sempliċi fatt li l-allegat rekwiżit ma huwiex espressament previst minn ebda liġi. L-interpretazzjoni formalistika tal-Qorti Ġenerali kienet tirriżulta fi preġudizzju gravi u irreparabbli għad-drittijiet tal-parti fil-kawża, bi ksur tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta.

Ammissjoni tal-appell

B’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tat-8 ta’ Mejju 2023, l-appell ġie parzjalment ammess. Ir-risposta ser tiffoka fuq it-tieni u t-tielet aggravju.