27.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Diċembru 2022 – Sächsische Ärzteversorgung vs Deutsche Bundesbank

(Kawża C-759/22, Sächsische Ärzteversorgung)

(2023/C 112/28)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Sächsische Ärzteversorgung

Konvenut: Deutsche Bundesbank

Domandi preliminari

Domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni (BĊE/2018/2), moqri flimkien mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (1):

1.

a)

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi li l-konsumaturi kollha tal-prodotti ipprovduti mill-produtturi jkunu liberi li jixtru jew li ma jixtrux u li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-prezzijiet iffatturati?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda:

b)

Fil-każ li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-konsumaturi, mingħajr ma jkollhom tali libertà ta’ deċiżjoni, jirċievu mingħand il-produttur, skont affiljazzjoni legali obbligatorja miegħu, prodotti li jammontaw għal iktar min-nofs il-produzzjoni tal-imsemmi produttur u jkunu obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ ammont stabbilit mill-istess produttur, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti meta minorità tal-imsemmija konsumaturi kellha l-possibbiltà li taderixxi volontarjament mal-imsemmi produttur u għamlet użu minn din il-possibbiltà sabiex tirċievi prodotti billi ħallset l-istess kontribuzzjonijiet bħall-affiljati obbligatorji?

2.

Ikun hemm dejjem produzzjoni tas-suq bi prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi, fis-sens tal-punti 3.17 sa 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, bil-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-“kriterju ta’ 50 %” iddefinit fit-tielet u fir-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness, li jikkonsisti f’kopertura ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni għal bejgħ fuq diversi snin, jew għandu jitqies li dan il-kriterju ma huwiex kundizzjoni suffiċjenti (waħda li hija suffiċjenti fiha nnifisha) iżda pjuttost neċessarja li tapplika flimkien maż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti taħt (a) u (b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness?

3.

Għall-evalwazzjoni dwar jekk unitajiet istituzzjonali humiex produtturi tas-suq kif iddefinit fil-punt 3.24 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jsir mhux biss riferiment għall-punti 3.17, 3.19 u 3.26 tal-Anness A iżda wkoll għar-rekwiżi addizzjonali stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-punt 1.37 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?

4.

(a)

Sabiex unità istituzzjonali tiġi kklassifikata fis-sottosettur S.129, il-punt 2.107 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi neċessarjament li l-benefiċċji kollha ta’ din l-unità jiġu pprovduti lill-parteċipanti kollha abbażi ta’ ftehim kuntrattwali?

Jekk dan ikun il-każ:

(b)

Ir-rekwiżit għall-provvista ta’ benefiċċji fuq bażi kuntrattwali huwa diġà ssodisfatt f’dan ir-rigward jekk, minkejja l-fatt li l-affiljazzjoni obbligatorja, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji u l-benefiċċji obbligatorji tal-unità istituzzjonali huma rregolati minn korp pubbliku skont l-istatut tiegħu, membri obbligatorji għandhom ukoll il-possibbiltà li jiksbu drittijiet għal benefiċċji addizzjonali permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali?

5.

Il-punt (f) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/231 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kunċett ta’ “fondi ta’ pensjoni”, kif iddefinit fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, biss dawk l-unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw iż-żewġ kriterji stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jew din l-eċċezzjoni tkopri wkoll unitajiet istituzzjonali oħra li, skont il-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?

6.

(a)

Il-kunċett ta’ “gvern ġenerali” fil-punt 2.117(b) u fil-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jirreferi biss għall-unità prinċipali rispettiva, jew jinkludi wkoll istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali stabbiliti mil-liġi, organizzati skont affiljazzjoni obbligatorja u ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijeit, u li għandhom id-dritt għall-awtogovernanza u għal kontabbiltà proprja?

F’dan il-każ tal-aħħar:

(b)

L-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji, kif hemm riferiment għalihom fil-punt 2.117(b) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, ifissru l-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-ammont, jew huwa biżżejjed jekk il-liġi tippreskrivi r-riskji minimi li għandhom jiġu koperti u l-livell minimu ta’ kopertura, u tirregola wkoll il-prinċipji u l-limiti għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li tħalli l-evalwazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji f’dan il-qafas f’idejn il-fondi ta’ pensjoni?

(c)

Il-kunċett ta’ “unità tal-gvern” fis-sens tal-punt 20.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jinkludi biss unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 20.10 u 20.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?


(1)  ĠU 2018 L 45, p. 3, rettifika fil-ĠU 2019 L 132, p. 47, u ĠU 2013 L 174, p. 1