30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-16 ta’ Novembru 2022 – WU vs Directie van het Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen (CBR)

(Kawża C-703/22)

(2023/C 189/05)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: WU

Konvenut: Directie van het Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen (CBR)

Domandi preliminari

1)

Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (1), b’mod iktar speċifiku l-istandard tal-kamp orizzontali tal-vista biż-żewġ għajnejn ta’ mill-inqas 160 grad, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma tissodisfax dan l-istandard minn perspettiva medika, iżda li, skont diversi esperti mediċi, hija fil-fatt tajba sabiex issuq trakk, tista’ wkoll tissodisfa dan l-istandard?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-proporzjonalità fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan fil-każ individwali, anki jekk il-kriterju stipulat fil-punt 6.4 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva ma jipprovdix għal possibbiltà ta’ eżenzjoni f’dawn il-każijiet?

3)

Jekk iva, liema ċirkustanzi jista’ jkollhom rwol fl-evalwazzjoni dwar jekk, f’każ speċifiku, jistax ikun hemm deroga mill-istandard tal-kamp orizzontali tal-vista stipulat fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan?


(1)  ĠU 2006 L 403, p. 18 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan”).