13.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fit-8 ta’ Novembru 2022 – C SPRL vs AJFP Cluj, DGRFP Cluj-Napoca

(Kawża C-696/22)

(2023/C 94/12)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: C SPRL

Konvenuti: AJFP Cluj, DGRFP Cluj-Napoca

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 63, 64 u 66 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) jipprekludu prassi amministrattiva tal-awtorità fiskali, bħal dik f’din it-tilwima, li stabbilixxiet l-obbligu ta’ ħlas supplimentari mill-persuna taxxabbli, kumpannija professjonali b’responsabbiltà limitata (KPRL) li permezz tagħha l-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, li jiddeterminaw il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà fil-mument li fih ġew ipprovduti s-servizzi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, fil-każ fejn l-onorarji tal-prattikant tal-insolvenza kienu ġew iffissati mill-ġudikant fl-insolvenza jew mill-assemblea tal-kredituri, bil-konsegwenza li l-persuna taxxabbli hija meħtieġa toħroġ fatturi mhux iktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu tnissel il-fatt taxxabbli tal-VAT?

2)

L-Artikoli 63, 64 u 66 tad-Direttiva 2006/112 jipprekludu prassi amministrattiva tal-awtorità fiskali, bħal dik f’din it-tilwima, li tikkonsisti f’li jiġu stabbiliti obbligi ta’ ħlas supplimentari mill-persuna taxxabbli, kumpannija professjonali b’responsabbiltà limitata (KPRL) li permezz tagħha l-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, minħabba li ħarġet fatturi u ġabret il-VAT biss fid-data li fih tħallset tas-servizzi pprovduti fi proċeduri ta’ insolvenza, għalkemm l-assemblea ġenerali tal-kredituri kienet stabbilixxiet li l-ħlas tal-onorarji tal-prattikant tal-insolvenza kien suġġett għall-eżistenza ta’ likwidità fil-kontijiet tad-debituri?

3)

Fil-każ ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni (co-branding) bejn uffiċċju tal-avukati u l-persuna taxxabbli, għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għal tnaqqis huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn ix-xiri magħmul mill-persuna taxxabbli fi stadju preċedenti u t-tranżazzjonijiet fi stadju sussegwenti, tipprova, wara l-ftehim, iż-żieda fid-dħul mill-bejgħ/fil-valur tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, mingħajr dokumenti oħra ta’ sostenn? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata b’mod konkret il-portata tad-dritt għal tnaqqis?

4)

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk, fi ħdan proċeduri amministrattivi nazzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ lment kontra avviż ta’ stima li stabbilixxa l-ħlas ta’ VAT supplimentari, jirriżultaw argumenti ġodda ta’ dritt u ta’ fatt fir-rigward ta’ dawk fir-rapport ta’ kontroll fiskali li kien il-bażi għall-ħruġ tal-avviż ta’ stima u l-persuna taxxabbli bbenefikat minn miżuri ġurisdizzjonali ta’ protezzjoni provviżorja, sad-deċiżjoni tal-qorti fuq il-mertu, billi ssospendiet it-titolu tad-dejn, il-qorti adita fuq il-mertu tal-kawża tista’ ssib li dan il-prinċipju ma kienx miksur mingħajr ma tivverifika jekk il-proċedura setax kellha riżultat differenti fl-assenza ta’ din l-irregolarità?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.