6.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 83/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fid-9 ta’ Novembru 2022 – RTL Belgium SA u RTL BELUX SA & Cie SECS vs Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA)

(Kawża C-691/22)

(2023/C 83/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RTL Belgium SA, RTL BELUX SA & Cie SECS

Konvenut: Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA)

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 1(c) sa 1(f), 2, 3 u 4 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), moqrija fid-dawl tal-għan li tiġi evitata sitwazzjoni ta’ kompetenza doppja espressa fil-premessi 34 u 35 ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikoli 4(3) TUE u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità regolatorja, li tqis li l-Istat Membru li taqa’ taħtu huwa dak li fih tkun stabbilita l-persuna li għandha titqies bħala l-fornitur ta’ servizz tal-midja, tkun tista’ timponi sanzjoni fuq din il-persuna meta l-ewwel Stat Membru jkun diġà qies li huwa kompetenti fir-rigward ta’ dan is-servizz tal-midja awdjoviżiva li għalih ta konċessjoni?

2)

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iggarantit mill-Artikolu 4(3) TUE (li kien l-Artikolu 10 TKE), għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jeżerċita kompetenza fuq dan is-servizz, meta l-ewwel Stat Membru jkun diġà eżerċitaha, li jitlob lill-ewwel Stat Membru sabiex jirtira l-konċessjoni li jkun ta fir-rigward ta’ dan is-servizz tal-midja awdjoviżiva u, fil-każ tar-rifjut min-naħa ta’ dan l-ewwel Stat Membru, li jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-ewwel Stat Membru (l-Artikolu 258 TFUE) jew billi jippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stess (l-Artikolu 259 TFUE), u li jastjeni minn kwalunkwe att materjali jew legali li jkun l-espressjoni tal-pretensjoni tiegħu ta’ kompetenza fir-rigward ta’ dan is-servizz, ħlief jekk u sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiddeċiedi favur tiegħu?

3)

L-istess prinċipju neċessarjament jimplika li Stat Membru li jixtieq jeżerċita kompetenza fuq servizz tal-midja awdjoviżiva, meta l-ewwel Stat Membru diġà jeżerċita tali kompetenza, għandu, qabel ma jadotta kwalunkwe att materjali jew legali li jkun l-espressjoni tal-pretensjoni tiegħu ta’ kompetenza fir-rigward ta’ dan is-servizz u, indipendentement mill-ftuħ tal-proċeduri msemmija fit-tieni domanda,

a)

jikkonsulta lill-ewwel Stat Membru bil-ħsieb li jaslu, jekk ikun possibbli, għal soluzzjoni komuni?; u/jew

b)

jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE, iċċitata iktar ’il fuq?; u/jew

c)

jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea?; u/jew

d)

jistieden lill-ewwel Stat Membru, li ta konċessjoni fir-rigward ta’ dan is-servizz tal-midja awdjoviżiva, li jirtiraha u, f’każ ta’ rifjut, juża l-proċeduri ġudizzjarji disponibbli u effettivi f’dan l-ewwel Stat Membru sabiex jikkontesta dan ir-rifjut li l-konċessjoni tiġi rtirata?

4)

Ir-risposta li tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija influwenzata mill-fatt li r-regolatur awdjoviżiv għandu personalità ġuridika distinta u rimedji differenti mill-Istat Membru li jaqa’ taħtu?

5)

Fis-sitwazzjoni fejn servizz tal-midja awdjoviżiva jkun is-suġġett ta’ konċessjoni mogħtija mill-ewwel Stat Membru, l-Artikolu 344 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mad-Direttiva 2010/13/UE, iċċitata iktar ’il fuq, jipprojbixxi li qorti nazzjonali tat-tieni Stat Membru tiddeċiedi li l-awtorità regolatorja ta’ dan it-tieni Stat Membru ġustament qieset lilha nnifisha kompetenti sabiex tissorvelja dan is-servizz, peress li, billi tagħmel dan, dik il-qorti tkun impliċitament iddeċidiet li l-ewwel Stat Membru interpreta l-kompetenza tiegħu b’mod ħażin u tkun indirettament tat deċiżjoni dwar tilwima bejn żewġ Stati Membri dwar l-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew? F’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali ta’ dan it-tieni Stat Membru għandha sempliċiment tannulla d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità regolatorja, għar-raġuni li s-servizz tal-midja awdjoviżiva inkwistjoni diġà kien is-suġġett ta’ konċessjoni mogħtija mill-ewwel Stat Membru?