27.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (Spanja) fis-7 ta’ Novembru 2022 – Julieta, Rogelio vs Agencia Estatal de la Administración Tributaria

(Kawża C-687/22)

(2023/C 112/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Alicante

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Julieta, Rogelio

Konvenut: Agencia Estatal de la Administración Tributaria

Domandi preliminari

1)

Huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għall-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (1) meta l-fatti (bħalma huma f’din il-kawża, meħud kont tad-data tat-talba għall-maħfra tad-dejn) seħħew fil-perijodu intermedju bejn id-dħul fis-seħħ tagħha u d-data ta’ skadenza ta’ traspożizzjoni, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ([Texto Refundido de la Ley Concursal (Verżjoni mfassla mil-ġdid tal-Liġi dwar l-Insolvenza, iktar ’il quddiem it-“TRLC”)], fit-tfassil tagħha li jirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 1/20 [(id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/20)] ma hijiex dik li tittrasponi d-Direttiva 2019/1023 (Ley 16/22 [(il-Liġi Nru 16/22)]?

2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Spanjola fit-termini previsti mit-TRLC (fit-tfassil tagħha li jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020), li ma toffri ebda ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tad-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun, hija kompatibbli mal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, u mal-prinċipji tagħha li ispiraw il-maħfra tad-djun? Din il-leġiżlazzjoni, sa fejn teskludi d-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun u hija nieqsa minn ġustifikazzjoni dovuta, tikkomprometti jew tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet previsti minnha?

3)

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jinkludi lista eżawrjenti u magħluqa ta’ kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-maħfra tad-djun, jew inkella, għall-kuntrarju, din il-lista sempliċement tipprovdi eżempju u l-leġiżlatur nazzjonali għandu l-libertà assoluta sabiex jistabbilixxi l-kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi, sa fejn dawn huma debitament iġġustifikati skont id-dritt nazzjonali tiegħu?


(1)  ĠU 2019, L 172, p. 18.